Il-Bibbja Kif Baqgħet Teżisti sal-Lum?
Il-Bibbja Kif Baqgħet Teżisti sal-Lum?
Huwa miraklu li l-Bibbja għadha f’idejna llum u li nistgħu naqrawha. Din tlestiet kważi 2000 sena ilu. Il-Bibbja nkitbet fuq materjal li jitmermer bħall-papiru jew ġilda tal-annimali. Oriġinarjament, din inkitbet f’lingwi li llum il-ġurnata ma tantx għadek issib min jitkellimhom. Iktar minn hekk, xi gvernijiet jew mexxejja reliġjużi għamlu minn kollox biex jeqirdu l-Bibbja.
IL-BIBBJA kif baqgħet teżisti wara dawn is-snin kollha? U kif saret l-iktar ktieb magħruf fid-dinja? Ejja naraw żewġ raġunijiet.
Saru Ħafna Kopji
L-Iżraelin ħadu ħsieb sew l-iskrolli oriġinali tal-Bibbja billi għamlu ħafna kopji tagħhom. Pereżempju, sultan taʼ Iżrael kellu “jikteb fi ktieb kopja taʼ din il-liġi għalih innifsu minn fuq dik li hemm għand il-qassisin, il-Leviti.”—Dewteronomju 17:18.
Ħafna Iżraelin kienu jieħdu pjaċir jaqraw il-Bibbja għax kienu jafu li din kienet il-Kelma t’Alla. B’hekk, skribi ttrenjati ħafna kienu joqogħdu attenti li jikkopjawha sew. Wieħed minnhom kien Esdra. Hu kien “kopista tas-sengħa tal-liġi taʼ Mosè, li kienet ngħatat minn Ġeħova, l-Alla taʼ Israel.” (Esdra 7:6) Il-Masoreti kkopjaw l-Iskrittura Ebrajka, jew “It-Testment l-Antik.” Bejn wieħed u ieħor dan għamluh bejn is-sena 500 u s-sena 1,000 wara Kristu (WK). Dawn kienu jgħoddu kull ittra biex jevitaw l-iżbalji. Peress li għamlu ħafna kopji u għamlu ċert li jikkopjawhom b’mod eżatt, il-Bibbja għadha teżisti għalkemm ħafna pprovaw jeqirduha.
Pereżempju, iżjed minn 150 sena qabel Kristu (QK), mexxej Sirjan ipprova jeqred il-kopji kollha tal-Iskrittura Ebrajka fil-Palestina. Rakkont Lhudi jgħid: “Kull skroll tal-liġi li sabu qattgħuh u ħarquh.” The Jewish Encyclopedia tgħid: “L-uffiċjali ħaduh bis-serjetà l-kmand li kellhom biex ifittxu u jeqirdu dawn l-iskrolli . . . Huma qatlu lil kull min kellu xi ktieb qaddis.” Imma xi Lhud fil-Palestina u f’postijiet oħra rnexxielhom iżommu kopji tal-iskrolli.
Ftit wara li l-kittieba lestew l-Iskrittura Griega Kristjana, jew “It-Testment il-Ġdid,” oħrajn għamlu ħafna kopji taʼ dawn l-ittri ispirati, profeziji, u rakkonti. Pereżempju, Ġwanni kiteb l-Evanġelju tiegħu fil-belt taʼ Efesu jew viċin. Madankollu, mijiet taʼ kilometri ’l bogħod, fl-Eġittu, sabu kopja taʼ parti żgħira minn dan il-ktieb. L-esperti jgħidu li din il-kopja saret f’inqas minn 50 sena wara li Ġwanni kiteb l-Evanġelju tiegħu. Dan juri li xi Kristjani f’postijiet ’il bogħod mill-ewwel irċivew kopji taʼ dawn il-kitbiet ispirati.
Ħafna nies kellhom kopja tal-Kelma t’Alla, u din hija raġuni oħra għala baqgħet teżisti mijiet taʼ snin wara Kristu. Eżempju wieħed hu dak li jgħidu xi studjużi tal-istorja dwar dak li ġara fi Frar tas-sena 303 WK. Il-mexxej Ruman Dijoklezjanu kkmanda lis-suldati tiegħu jidħlu ġo knisja u jaħarqu l-kopji kollha tal-Iskrittura. Hu ħaseb li jekk jeqred il-kitbiet imqaddsin tagħhom, kien se jneħħi għalkollox il-Kristjanità. L-għada, hu ordna li fl-Imperu Ruman kollu, kull kopja tal-Bibbja kellha tinħaraq. Imma xi kopji tal-Bibbja xorta baqgħu jeżistu u reġgħu ġew ikkopjati. Fil-fatt, partijiet kbar taʼ żewġ kopji tal-Bibbja bil-Grieg li x’aktarx ġew miktubin ftit wara l-persekuzzjoni taʼ Dijoklezjanu għadhom jeżistu. Waħda qiegħda f’Ruma u l-oħra qiegħda fil-British Library f’Londra, l-Ingilterra.
Il-kitbiet oriġinali tal-Bibbja għadhom ma nstabux. Imma eluf taʼ kopji tal-Bibbja sħiħa jew partijiet minnha miktubin bl-idejn għadhom jeżistu sal-lum. Ftit minnhom huma antiki ħafna. Inbidel il-messaġġ tal-Bibbja hekk kif ġiet ikkopjata? Dwar l-Iskrittura Ebrajka, l-istudjuż W.H. Green qal: “Nistgħu nkunu ċerti li l-ebda ktieb antik ieħor ma ġie kkopjat b’mod eżatt bħal dan.” Sir Frederic Kenyon, li hu espert fil-kitbiet tal-Bibbja, qal hekk dwar l-Iskrittura Griega Kristjana: “L-iżjed kopji antiki li jeżistu llum il-ġurnata saru ftit snin wara li l-kittieba oriġinali kitbu dawn il-kotba tal-Bibbja. Għalhekk, nistgħu nkunu ċerti mija fil-mija li l-Bibbja li għandna llum hija eżatta. . . . M’hemmx ktieb antik ieħor li nistgħu nkunu daqshekk ċerti minnu.”
It-Traduzzjoni tal-Bibbja
Raġuni oħra għala ħafna nies jistgħu jaqraw il-Bibbja iżjed minn ktieb ieħor hija għax ġiet tradotta b’ħafna lingwi. Dan jurina li Ġeħova jrid li n-nies minn kull nazzjon u lingwa jqimuh “bl-ispirtu u l-verità.”—Ġwanni 4:23, 24; Mikea 4:2.
L-ewwel traduzzjoni tal-Iskrittura Ebrajka li nafu biha hija l-verżjoni tas-Settanta bil-Grieg. Din it-traduzzjoni kienet saret għal-Lhud li ma kinux jgħixu fil-Palestina u li kienu jitkellmu bil-Grieg. Din tlestiet madwar 200 sena qabel Ġesù ġie fuq l-art. Ftit sekli wara li l-Bibbja kollha tlestiet, ġiet tradotta f’ħafna lingwi. Imma aktar tard, slaten u anki qassisin, minflok inkuraġġew lin-nies biex jaqraw il-Kelma t’Alla, għamlu kulma setgħu biex ma jkollhomx Bibbja. Il-qassisin ma riedu lil ħadd jittraduċi l-Bibbja fil-lingwa li ħafna min-nies kienu jitkellmu għax huma ma riduhomx jitgħallmu l-verità dwar Alla.
Irġiel kuraġġużi m’obdewx lill-Knisja u l-gvernijiet. Huma rriskjaw ħajjithom biex jittraduċu l-Bibbja fil-lingwa tan-nies. Wieħed minnhom kien William Tyndale mill-Ingilterra. Għalkemm irġiel t’awtorità pprovaw iwaqqfuh, hu ttraduċa l-ewwel ħames kotba tal-Iskrittura Ebrajka mill-Ebrajk għall-Ingliż. Hu kien l-ewwel wieħed li uża l-isem t’Alla, Ġeħova, fil-Bibbja bl-Ingliż. Eżempju ieħor hu tal-istudjuż tal-Bibbja Casiodoro de Reina fi Spanja. Il-Knisja Kattolika riedet toqtlu minħabba li kien qed jittraduċi l-Bibbja bl-Ispanjol. Waqt li kien qed jaħdem fuq it-traduzzjoni tiegħu, hu kellu jaħrab lejn l-Ingilterra, il-Ġermanja, Franza, l-Olanda, u l-Iżvizzera. *
Illum, il-Bibbja qed tkompli tiġi tradotta f’ħafna u ħafna lingwi u ppubblikata f’miljuni taʼ kopji. Il-Bibbja għadha teżisti u issa n-nies jistgħu jaqrawha iżjed minn kull ktieb ieħor. Dan juri li Ġeħova żamm il-wegħda tiegħu li kiteb l-appostlu Pietru: “Il-ħaxix jidbiel, u l-fjura taqaʼ, imma l-kelma taʼ Ġeħova tibqaʼ għal dejjem.”—1 Pietru 1:24, 25.
[Nota taʼ taħt]
^ par. 14 Il-verżjoni taʼ Reina ġiet ippubblikata fl-1569 u ġiet riveduta minn Cipriano de Valera fl-1602.
[Stampa]
Kopji antiki tal-Masoreti
[Stampa]
Parti minn skroll antik li fih Luqa 12:7, “. . . tibżgħux; intom tiswew iktar minn ħafna għasafar tal-bejt”
[Sors tal-istampa]
Foreground page: National Library of Russia, St. Petersburg; second and third: Bibelmuseum, Münster; background: © The Trustees of the Chester Beatty Library, Dublin