L-Ewwel Ittra taʼ Ġwanni 2:1-29
2 Għeżież tfal tiegħi, qed niktbilkom dawn l-affarijiet ħalli ma tagħmlux dnub. Imma jekk xi ħadd jagħmel dnub, għandna xi ħadd ġust mal-Missier li se jgħinna.* Dan hu Ġesù Kristu.
2 Hu s-sagrifiċċju biex jeħlisna mid-dnub u jgħinna jkollna ħbiberija m’Alla.* Hu jagħmel dan mhux għad-dnubiet tagħna biss imma għad-dnubiet tad-dinja kollha wkoll.
3 Jekk nibqgħu nobdu l-kmandamenti tiegħu, ikun jidher ċar li sirna nafuh.
4 Dak li jgħid: “Sirt nafu,” imma ma jobdix il-kmandamenti tiegħu, hu giddieb u mhux qed jgħid il-verità.
5 Imma meta xi ħadd jobdi l-kelma taʼ Kristu, imbagħad ikun jidher b’mod ċar li hu vera jħobb lil Alla. B’hekk, se nkunu nafu li aħna dixxipli tiegħu.
6 Dak li jgħid li se jibqaʼ dixxiplu tiegħu, ikollu jibqaʼ jgħix bħalma għex Ġesù.
7 Għeżież ħuti, m’iniex nagħtikom kmandament ġdid, imma qed nitkellem magħkom dwar kmandament antik li kellkom mill-bidu. Dan il-kmandament antik hu l-kelma li smajtu.
8 Imma qed niktbilkom kmandament ġdid, kmandament li hu obda u li intom qed tobdu wkoll, għax id-dlam qed jispiċċa u d-dawl veru diġà qed jiddi.
9 Dak li jgħid li qiegħed fid-dawl imma jobgħod lil ħuh, għadu fid-dlam.
10 Min iħobb lil ħuh jibqaʼ fid-dawl, b’hekk xejn ma jfixklu.*
11 Imma min jobgħod lil ħuh qiegħed fid-dlam u qed jimxi fid-dlam. Hu ma jafx fejn sejjer, għax id-dlam għamieh.
12 Għeżież tfal tiegħi, qed niktbilkom għax id-dnubiet tagħkom ġew maħfurin minħabba ismu.
13 Missirijiet, qed niktbilkom għax sirtu tafu lil dak li hu mill-bidu. Żgħażagħ, qed niktbilkom għax irbaħtu lix-Xitan.* Tfal, qed niktbilkom għax sirtu tafu lill-Missier.
14 Missirijiet, qed niktbilkom għax sirtu tafu lil dak li hu mill-bidu. Żgħażagħ, qed niktbilkom għax intom b’saħħitkom, temmnu fil-kelma t’Alla, u rbaħtu lix-Xitan.*
15 Tħobbux id-dinja u lanqas l-affarijiet tagħha. Jekk xi ħadd iħobb id-dinja, ma jħobbx lill-Missier,
16 għax kulma hemm fid-dinja mhux ġej mill-Missier, imma mid-dinja. Dawn l-affarijiet huma x-xewqat tal-ġisem, ix-xewqat tal-għajnejn, u li wieħed jiffanfra b’li għandu.
17 Iktar minn hekk, id-dinja u x-xewqat tagħha se jispiċċaw, imma min jagħmel dak li jrid Alla se jgħix għal dejjem.
18 Tfal, ma tantx fadal żmien. Intom smajtu li l-antikrist* ġej, u issa hawn ħafna antikristijiet, b’hekk nafu li ma tantx fadal żmien.
19 Huma kienu fostna imma telquna, għax ma kinux it-tip tagħna;* għax kieku kienu t-tip tagħna, kienu jibqgħu magħna. Imma huma telquna biex jintwera li mhux kulħadd hu t-tip tagħna.
20 Imma intom intgħażiltu* mill-qaddis, u kollha kemm intom għandkom l-għarfien.
21 Qed niktbilkom mhux għax ma tafux il-verità, imma għax tafuha, u għax ebda gidba ma tiġi mill-verità.
22 Min jirrifjuta li Ġesù hu l-Kristu, hu giddieb. Dan hu l-antikrist, dak li jirrifjuta lill-Missier u lill-Iben.
23 Kull min jirrifjuta lill-Iben m’għandux ħbiberija tajba mal-Missier. Imma kull min jgħid li jemmen fl-Iben għandu ħbiberija tajba mal-Missier ukoll.
24 Imma intom għandkom tagħmlu dak li smajtu mill-bidu. Jekk tagħmlu hekk, intom ukoll se tibqgħu mal-Iben u mal-Missier.
25 Iktar minn hekk, hu stess wegħedna l-ħajja taʼ dejjem.
26 Qed niktbilkom dawn l-affarijiet għax hemm xi nies li qed jipprovaw iqarrqu bikom.
27 Imma intom ġejtu magħżulin minn Alla permezz tal-ispirtu tiegħu, u dan jibqaʼ fikom. B’hekk m’għandkom bżonn lil ħadd min jgħallimkom għax Alla juża l-ispirtu tiegħu biex jgħallimkom dwar kollox, u dan hu veru u mhux gidba. B’hekk ibqgħu miegħu bħalma l-ispirtu għallimkom biex tagħmlu.
28 Għeżież tfal tiegħi, ibqgħu miegħu ħalli jkollna l-libertà tal-kelma u ma nitbegħdux minnu għax nistħu meta jidher u meta jerġaʼ jiġi lura.
29 Jekk tafu li hu tajjeb, tafu wkoll li kull min jagħmel it-tajjeb ikun it-tifel t’Alla.
Noti taʼ taħt
^ Jew “li hu avukat.”
^ Jew “hu sagrifiċċju propizjatorju għal dnubietna.”
^ Jew forsi “b’hekk ma jfixkilx lil oħrajn.”
^ Letteralment “lill-Ħażin.”
^ Letteralment “lill-Ħażin.”
^ Jew “ma kinux bħalna.”
^ Letteralment “ġejtu midlukin.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.