L-Ewwel Ittra taʼ Ġwanni 5:1-21
5 Kull min jemmen li Ġesù hu l-Kristu, hu t-tifel t’Alla; u kull min iħobb lill-Missier, iħobb ukoll it-tfal tiegħu.
2 Meta nħobbu lil Alla u nobdu l-kmandamenti tiegħu, inkunu qed inħobbu t-tfal tiegħu wkoll.
3 Għax l-imħabba t’Alla tinvolvi li nobdu l-kmandamenti tiegħu. U l-kmandamenti tiegħu mhumiex diffiċli,
4 għax dawk kollha li huma t-tfal t’Alla jirbħu lid-dinja. Bil-fidi tagħna rbaħna d-dinja.
5 Min jistaʼ jirbaħ lid-dinja? Dak li għandu l-fidi li Ġesù hu l-Iben t’Alla.
6 Ġesù Kristu ġie permezz tal-ilma u d-demm.* Hu ma ġiex permezz tal-ilma biss, imma permezz tal-ilma u d-demm. U l-ispirtu hu xhieda taʼ dan, għax l-ispirtu hu l-verità.
7 Hemm tliet xhieda li juru min hu Ġesù:
8 l-ispirtu, l-ilma, u d-demm. U t-tlieta li huma jaqblu bejniethom.
9 Jekk naċċettaw ix-xhieda tal-bnedmin, mela kemm iktar għandna naċċettaw ix-xhieda t’Alla! Għax Alla nnifsu qed jagħti xhieda dwar Ibnu.
10 Min juri fidi fl-Iben t’Alla, ikun qed juri li għandu f’qalbu dak li għallmu Alla. Min m’għandux fidi f’Alla, ikun qed igiddbu, għax ma jkunx qed jemmen ix-xhieda li ta Alla dwar Ibnu.
11 U din hi x-xhieda: Alla tana l-ħajja taʼ dejjem, u din il-ħajja nirċivuha permezz t’Ibnu.
12 Min għandu ħbiberija tajba mal-Iben għandu din il-ħajja taʼ dejjem. Min m’għandux ħbiberija tajba mal-Iben t’Alla m’għandux din il-ħajja taʼ dejjem.
13 Qed niktbilkom dawn l-affarijiet biex intom li għandkom fidi fl-Iben* t’Alla tkunu tafu li għandkom il-ħajja taʼ dejjem.
14 U din hi l-fiduċja li għandna f’Alla: Kulma nitolbuh skont dak li jrid hu, hu jismagħna.
15 Iktar minn hekk, jekk nafu li jismaʼ kulma nitolbuh, aħna ċerti li se jagħtihulna peress li tlabna lilu.
16 Jekk xi ħadd jara lil ħuh jagħmel dnub li ma jwassalx għall-mewt, hu għandu jitlob għalih, u Alla jagħtih il-ħajja.* Dan japplika għal dawk li ma jagħmlux dnub li jwassal għall-mewt. Imma hemm dnub li jwassal għall-mewt. F’dal-każ, ħadd m’għandu jitlob għar-raġel li għamel dat-tip taʼ dnub.
17 Kull ħażen hu dnub, imma hemm dnub li ma jwassalx għall-mewt.
18 Aħna nafu li kull min hu t-tifel t’Alla ma jibqax jagħmel dnub, u minħabba li l-Iben t’Alla jipproteġih, ix-Xitan* m’għandux qawwa fuqu.*
19 Aħna nafu li aħna t’Alla, imma d-dinja qiegħda taħt il-qawwa tax-Xitan.*
20 Madankollu, aħna nafu li l-Iben t’Alla ġie u tana l-abbiltà li nifhmu ħalli nkunu nistgħu nieħdu l-għarfien dwar l-Alla l-veru. U aħna miegħu permezz t’Ibnu Ġesù Kristu. Hu l-Alla l-veru u l-wieħed li jagħti l-ħajja taʼ dejjem.
21 Għeżież tfal tiegħi, oqogħdu attenti mill-idoli.
Noti taʼ taħt
^ Hawnhekk “l-ilma” qed jirreferi għall-magħmudija taʼ Ġesù u “d-demm” għall-mewt taʼ Ġesù.
^ Letteralment “f’isem l-Iben.”
^ Jistaʼ jkun li hawn qed jirreferi għall-maħfra.
^ Letteralment “il-Ħażin.”
^ Jew “ma jaħtfux taħt idejh.”
^ Letteralment “tal-Ħażin.”