L-Ewwel Ittra lill-Korintin 1:1-31
1 Din l-ittra hi mingħandi, Pawlu, li ġejt magħżul minn Kristu Ġesù bħala appostlu skont dak li jrid Alla. Miegħi hawn ħuna Sostene.
2 Qed nikteb din l-ittra lilkom, il-kongregazzjoni t’Alla f’Korintu, li Alla għamilkom qaddisin bħala dixxipli taʼ Kristu Ġesù. Intom ġejtu magħżulin biex tkunu qaddisin flimkien maʼ dawk kollha li jafdaw f’isem* il-Mulej tagħna Ġesù Kristu. Hu l-Mulej tagħhom u tagħna.
3 Jalla Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu jurukom qalb tajba kbira u jgħinukom ikollkom il-paċi.
4 Jien dejjem nirringrazzja lil Alla għall-qalb tajba kbira li wera magħkom bħala dixxipli taʼ Kristu Ġesù.
5 Intom ġejtu mberkin ħafna peress li qegħdin miegħu. Hu għalhekk li intom kapaċi tippritkaw b’mod tajjeb il-messaġġ t’Alla u tafu sew il-verità.
6 Għalhekk, intom emmintu għalkollox il-messaġġ dwar il-Kristu.
7 Waqt li qed tistennew bil-ħeġġa lill-Mulej tagħna Ġesù Kristu biex juri l-qawwa tiegħu, Alla jagħtikom kulma għandkom bżonn.
8 Ukoll, hu se jissodakom sat-tmiem, ħalli fil-jum li jiġi l-Mulej tagħna Ġesù Kristu, ħadd ma jakkużakom li għamiltu xi ħaġa ħażina.
9 Alla hu leali, u hu għażilkom biex tkunu* maʼ Ibnu Ġesù Kristu l-Mulej tagħna.
10 Ħuti, inħeġġiġkom f’isem il-Mulej tagħna Ġesù Kristu biex taqblu f’dak li tgħidu. M’għandux ikun hemm firdiet fostkom. Minflok, għandkom tkunu magħqudin b’fehma waħda u bi ħsieb wieħed.
11 Ħuti, xi wħud mid-dar taʼ Kloe qaluli li qed targumentaw bejnietkom.
12 Li rrid ngħid hu li wħud minnkom qed jgħidu: “Jien taʼ Pawlu.” Oħrajn qed jgħidu: “Jien t’Apollo.” Jerġaʼ oħrajn qed jgħidu: “Jien taʼ Kefa.”* Imma oħrajn qed jgħidu: “Jien taʼ Kristu.”
13 Ifisser dan li hemm firda fil-kongregazzjoni taʼ Kristu?* Jien, Pawlu, ma ġejtx maqtul fuq zokk għalikom, hux hekk? U intom ma tgħammidtux f’ismi, hux hekk?
14 Jien nirringrazzja lil Alla li m’għammidt lil ħadd minnkom ħlief lil Krispu u Gaju,
15 ħalli ħadd minnkom ma jgħid li tgħammed f’ismi.
16 Ukoll, jien għammidt lil dawk tad-dar taʼ Stefanas. Ma niftakarx jekk għammidtx lil xi ħadd ieħor.
17 Għax Kristu ma bagħatnix biex ngħammed, imma biex inxandar l-aħbar tajba. U jien ma qgħadtx nitkellem b’ħafna għerf, għax inkella l-mewt taʼ Kristu fuq iz-zokk tat-tortura* tkun għalxejn.
18 Il-messaġġ dwar il-mewt taʼ Kristu fuq iz-zokk tat-tortura* hu bla sens għal dawk li qed jinqerdu, imma għalina li qed niġu salvati juri kemm hu b’saħħtu Alla.
19 Għax l-Iskrittura tgħid: “Jien se nneħħi l-għerf tal-għorrief, u se nirrifjuta* l-intelliġenza taʼ dawk li huma intelliġenti.”
20 X’nistgħu ngħidu dwar l-għaref, dwar dak li jaf il-liġi sew,* jew dwar l-istudjuż taʼ din id-dinja?* Alla għamel l-għerf taʼ din id-dinja jidher bħala bluha.
21 Għax in-nies tad-dinja jafdaw fl-għerf tagħhom stess, u għalhekk ma sarux jafu lil Alla. Dak li nippritkaw hu bla sens għal oħrajn, imma permezz taʼ dan il-messaġġ, Alla qed isalva lil dawk li jemmnu. B’dan il-mod qed juri l-għerf li għandu.
22 Il-Lhud jitolbu għal mirakli u l-Griegi* jfittxu l-għerf,
23 imma aħna nippritkaw li Kristu miet fuq iz-zokk. Għal-Lhud dan il-messaġġ hu taʼ tfixkil, u għal dawk li mhumiex Lhud dan jinstemaʼ bla sens.
24 Imma għal-Lhud u l-Griegi* li ntgħażlu minn Alla, Kristu juri l-qawwa u l-għerf t’Alla.
25 In-nies jistgħu jqisu l-affarijiet t’Alla bla sens u dgħajfin, imma dawn l-affarijiet huma iktar għorrief u b’saħħithom minnhom.
26 Ħuti, intom tistgħu taraw x’tip taʼ nies għażel Alla. Mill-ħarsa tal-bniedem ħafna minnhom mhumiex għorrief, m’għandhomx pożizzjoni għolja, u mhumiex minn familji importanti.
27 Alla għażel lil dawk li d-dinja tqishom boloh biex iġiegħel lill-għorrief jistħu; u Alla għażel lil dawk li d-dinja tqishom dgħajfin biex iġiegħel lil dawk b’saħħithom jistħu;
28 u Alla għażel lil dawk* li d-dinja tmaqdarhom u tqishom mhux importanti, jiġifieri lil dawk li tqishom ma jiswew għal xejn, biex iġib fix-xejn lil dawk li jidhru importanti.
29 Alla għamel hekk ħalli ħadd ma jiftaħar quddiemu.
30 Imma hu permezz tiegħu li intom qegħdin maʼ Kristu Ġesù, li wriena l-għerf mingħand Alla. Permezz taʼ Kristu, Alla jagħmilna ġusti u qaddisin, u ħelisna permezz tal-fidwa.*
31 B’hekk ikun bħalma tgħid l-Iskrittura: “Min jiftaħar, ħa jiftaħar b’Ġeħova.”*
Noti taʼ taħt
^ Jew “jgħajtu isem.”
^ Jew “tieħdu sehem.”
^ Jgħidulu wkoll Pietru.
^ Jew “li Kristu hu mifrud?”
^ Jew “narmi.”
^ Jew “l-iskriba.”
^ Jew “din is-sistema tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.
^ Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.
^ Jew “l-affarijiet.”