L-Ewwel Ittra lit-Tessalonikin 4:1-18
4 Fl-aħħar, aħwa, intom qed tgħixu b’mod li jogħġob lil Alla bħalma għallimniekom aħna. Issa qed nitolbukom bil-ħniena f’isem il-Mulej Ġesù, biex tkomplu tagħmlu dan iktar u iktar.
2 Għax intom tafu x’għallimniekom* permezz tal-Mulej Ġesù.
3 Dak li jrid Alla hu li tkunu qaddisin u tirrifjutaw l-immoralità sesswali.*
4 Kull wieħed minnkom għandu jkun jaf kif jikkontrolla lil ġismu biex iżommu qaddis u onorabbli,
5 u m’għandux iċedi għal xewqat sesswali bla kontroll b’regħba, bħalma jagħmlu n-nies li ma jafux lil Alla.
6 Ħadd m’għandu jagħmel dak li mhux sew u jieħu vantaġġ minn ħuh f’din il-ħaġa, għax Ġeħova* jikkastiga lil min jagħmel dawn l-affarijiet kollha, bħalma għednielkom minn qabel u wissejniekom b’mod sod.
7 Għax Alla m’għażilniex biex ngħixu ħajja mhux nadifa, imma biex inkunu qaddisin.
8 Għalhekk, min jirrifjuta dawn it-twissijiet mhux qed jirrifjuta lill-bniedem, imma lil Alla, li jagħtikom l-ispirtu qaddis tiegħu.
9 Minkejja dan, m’hemmx bżonn niktbulkom biex tħobbu lil xulxin bħal aħwa, għax intom qed tiġu mgħallmin minn Alla biex tħobbu lil xulxin.
10 Fil-fatt, intom qed tagħmlu dan mal-aħwa kollha fil-Maċedonja. Imma, aħwa, inħeġġukom biex tibqgħu tagħmlu dan iktar u iktar.
11 Agħmluha l-mira tagħkom li tgħixu fil-paċi, ma tindaħlux fl-affarijiet taʼ ħaddieħor, u taħdmu, bħalma għallimniekom aħna,
12 ħalli n-nies taʼ barra jkunu jistgħu jaraw li taġixxu b’mod tajjeb u ma jkun jonqoskom xejn.
13 Iktar minn hekk, aħwa, irridukom tifhmu x’se jiġri lil dawk li reqdin fil-mewt, ħalli ma tkunux imdejqin għall-aħħar bħal dawk li m’għandhomx tama.
14 Għax jekk għandna fidi li Ġesù miet u reġaʼ qam, għandna fidi wkoll li d-dixxipli li raqdu fil-mewt waqt li kienu leali se jiġu rxoxtati minn Alla biex ikunu maʼ Ġesù.
15 Dan li se ngħidulkom hu skont dak li jgħid Ġeħova:* Aħna li se nkunu ħajjin meta jerġaʼ jiġi l-Mulej se nitilgħu s-sema. Imma dawk li diġà mietu se jitilgħu l-ewwel, imbagħad nitilgħu warajhom aħna;
16 għax il-Mulej stess se jinżel mis-sema, jagħti kmandi b’leħen t’arkanġlu, u jżomm it-trumbetta t’Alla. U d-dixxipli li raqdu fil-mewt waqt li kienu leali lejn Kristu se jiġu rxoxtati l-ewwel.
17 Wara dan, aħna l-ħajjin li nkunu għadna hawnhekk nittieħdu fis-sħab magħhom biex niltaqgħu mal-Mulej fl-ajru. B’hekk inkunu dejjem mal-Mulej.
18 Għalhekk ibqgħu inkuraġġixxu lil xulxin b’dan il-kliem.
Noti taʼ taħt
^ Jew “l-istruzzjonijiet li tajniekom.”
^ Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.