It-Tieni Kronaki 6:1-42
6 Imbagħad Salamun qal: “Ġeħova qal li kien se joqgħod fid-dalma l-kbira.
2 Jien bnejtlek dar fil-għoli u glorjuża, post stabbilit biex tgħix fih għal dejjem.”
3 Imbagħad ir-re dar lejn l-Iżraelin kollha li kienu bilwieqfa u beda jberikhom.
4 Hu qal: “Jalla Ġeħova l-Alla t’Iżrael jiġi mfaħħar, il-wieħed li* għamel dak li wiegħed* lil missieri David, meta qal,
5 ‘Minn dakinhar li ħriġt lill-poplu tiegħi mill-Eġittu, m’għażiltx belt mit-tribujiet kollha t’Iżrael biex nibni dar għal ismi ħalli jibqaʼ hemm, u m’għażiltx raġel biex ikun mexxej fuq il-poplu tiegħi Iżrael.
6 Imma issa għażilt lil Ġerusalemm sabiex ismi jibqaʼ hemm, u għażilt lil David biex ikun fuq il-poplu tiegħi Iżrael.’
7 U missieri David xtaq minn qalbu li jibni dar għal isem Ġeħova l-Alla t’Iżrael.
8 Imma Ġeħova qallu, ‘Int xtaqt minn qalbek li tibni dar għal ismi, u sew għamilt li xtaqt dan.
9 Madankollu mhux int tibni d-dar, imma t-tifel li se jkollok* jibni d-dar għal ismi.’
10 Ġeħova għamel dak li wiegħed, għax jien ilħaqt wara David missieri u qiegħed fuq it-tron t’Iżrael, bħalma wiegħed Ġeħova. Ukoll, jien bnejt id-dar għal isem Ġeħova l-Alla t’Iżrael,
11 u hemm qegħedt l-Arka li fiha l-patt li Ġeħova għamel mal-poplu t’Iżrael.”
12 Imbagħad hu qagħad quddiem l-artal taʼ Ġeħova u quddiem il-kongregazzjoni kollha t’Iżrael, u fetaħ idejh lejn is-sema.
13 (Għax Salamun kien għamel platform tar-ram u qiegħdu f’nofs il-bitħa. Dan kien twil ħames kubiti,* wiesaʼ ħames kubiti, u għoli tliet kubiti; u hu qagħad fuqu.) U niżel għarkopptejh quddiem il-kongregazzjoni kollha t’Iżrael u fetaħ idejh lejn is-sema,
14 u qal: “Ġeħova l-Alla t’Iżrael, m’hemmx Alla bħalek la fis-sema u lanqas fl-art. Int iżżomm il-patt u turi mħabba u lealtà* mal-qaddejja tiegħek li mexjin quddiemek b’qalbhom kollha.
15 Int żammejt il-wegħda li għamilt maʼ missieri David, il-qaddej tiegħek. U llum int għamilt dak li wegħedt.
16 U issa, Ġeħova l-Alla t’Iżrael, żomm il-wegħda li għamilt maʼ missieri David, meta għedt: ‘Jekk it-tfal tiegħek joqogħdu attenti kif jgħixu u jobdu l-liġi tiegħi bħalma għamilt int, dejjem ikun hemm xi ħadd li jiġi minnek li joqgħod fuq it-tron t’Iżrael.’
17 U issa, Ġeħova l-Alla t’Iżrael, ħalli l-wegħda li għamilt maʼ missieri David tkun taʼ min jafdaha.
18 “Imma vera li Alla se jgħix fuq l-art? Lanqas is-sema, iva, is-sema kollha, mhi kbira biżżejjed biex toqgħod fiha; aħseb u ara din id-dar li bnejt jien!
19 Ġeħova Alla tiegħi, agħti kas it-talba u s-supplika* tiegħi għall-ħniena. Ismaʼ l-għajta tiegħi għall-għajnuna u dak li qed nitlob quddiemek.
20 Jalla żżomm għajnejk fuq din id-dar lejl u nhar, fuq il-post li dwaru int għedt li se tqiegħed ismek, biex tismaʼ t-talb li jien, il-qaddej tiegħek, nitlob billi nħares fid-direzzjoni taʼ dan il-post.
21 U ismaʼ t-talb tiegħi għall-ħniena u t-talb tal-poplu tiegħek Iżrael li jitolbu billi jħarsu fid-direzzjoni taʼ dan il-post, u jalla tismaʼ mill-post fejn tgħix, mis-sema. Iva, jalla tismaʼ u taħfer.
22 “Ejja ngħidu li raġel jidneb kontra ħaddieħor u jiġi mġiegħel jaħlef jekk hux innoċenti.* U wara jiġi quddiem l-artal tiegħek f’din id-dar.
23 F’dan il-każ, jalla tismaʼ mis-sema u taġixxi u tiġġudika lill-qaddejja tiegħek billi lil dak mill-agħar tiddikjarah ħati u tikkastigah għal dak li għamel, u lill-ġust tiddikjarah innoċenti* u tippremjah għall-ġustizzja tiegħu.
24 “Ejja ngħidu li l-poplu tiegħek Iżrael jingħeleb minn għadu għax ikun baqaʼ jidneb kontrik, u jerġaʼ lura għandek u jigglorifika lil ismek u jitlob u jissupplikak għall-ħniena f’din id-dar.
25 F’dan il-każ, jalla tismaʼ mis-sema, u taħfer id-dnub tal-poplu tiegħek Iżrael u tieħdu lura fl-art li tajt lilu u lil missirijietu.
26 “Ejja ngħidu li s-sema tingħalaq u ma tagħmilx xita għax in-nies ikunu baqgħu jidinbu kontrik, u huma jitolbu lejn dan il-post u jigglorifikaw lil ismek u jduru lura minn dnubhom għax tkun umiljajthom.*
27 F’dan il-każ, jalla tismaʼ mis-sema u taħfer id-dnub tal-qaddejja tiegħek, il-poplu tiegħek Iżrael, u tgħallimhom dwar it-triq it-tajba li għandhom jimxu fiha; u tibgħat ix-xita fuq l-art li int tajthom bħala wirt.
28 “Ejja ngħidu li fil-pajjiż ikun hemm il-ġuħ, pesta, riħ jaħraq, moffa, jew qtajjaʼ taʼ ġurati; jew ikun hemm assedju mill-għedewwa f’waħda mill-bliet jew ikun hemm xi tip taʼ kastig jew mard ieħor,
29 u xi raġel jew il-poplu kollu tiegħek Iżrael jitolbok u jissupplikak għall-ħniena b’idejh miftuħa lejn din id-dar (għax kull wieħed jaf l-uġigħ u n-niket tiegħu).
30 F’dan il-każ, jalla tismaʼ mis-sema, il-post fejn tgħix, u taħfer. Ippremja lil kull wieħed skont dak li jagħmel, għax int taf lil qalbu (int biss taf tajjeb qalb il-bniedem),
31 sabiex jirrispettak ħafna* billi jimxi fi triqatek kemm idum ħaj fl-art li tajt lil missirijietna.
32 “Ukoll, ejja ngħidu li barrani li mhuwiex parti mill-poplu tiegħek Iżrael jiġi mill-bogħod minħabba ismek* il-kbir u l-id b’saħħitha u qawwija tiegħek, u jiġi u jitlob billi jħares fid-direzzjoni taʼ din id-dar.
33 F’dan il-każ, jalla tismaʼ mis-sema, il-post fejn tgħix, u tagħmel kulma jitolbok. B’hekk, il-popli kollha tal-art isiru jafu lil ismek u jirrispettawk ħafna,* bħalma jagħmel il-poplu tiegħek Iżrael, u jkunu jafu li din id-dar li bnejt jien tonora lil ismek.
34 “Issa ejja ngħidu li n-nies tiegħek joħorġu għall-gwerra kontra l-għedewwa tagħhom fit-triq li tibgħathom int, u jitolbuk billi jħarsu fid-direzzjoni tal-belt li int għażilt u d-dar li jien bnejt għal ismek.
35 F’dan il-każ, ismaʼ mis-sema t-talba u s-supplika tagħhom għall-ħniena, u aqbeż* għalihom.
36 “Ejja ngħidu li jidinbu kontrik (għax m’hemm ebda bniedem li ma jidnibx), u int tirrabja ħafna magħhom u tabbandunahom f’idejn għadu, u dan jiħodhom bħala lsiera f’xi pajjiż, ’il bogħod jew viċin.
37 Imbagħad, huma jiġu f’sensihom fil-pajjiż fejn ikunu lsiera, jerġgħu lura lejk, u jitolbuk għall-ħniena fil-pajjiż fejn ikunu lsiera, billi jgħidu, ‘Dnibna u żbaljajna; aġixxejna ħażin.’
38 U jerġgħu lura lejk b’qalbhom u b’ruħhom* kollha fil-pajjiż tal-għedewwa li ħaduhom fil-jasar, u jitolbuk billi jħarsu fid-direzzjoni t’arthom li int tajt lil missirijiethom, il-belt li int għażilt, u d-dar li jien bnejt għal ismek.
39 F’dan il-każ, ismaʼ t-talba u s-supplika tagħhom għall-ħniena mis-sema, il-post fejn tgħix, u aqbeż għalihom. Aħfer lin-nies tiegħek li dinbu kontrik.
40 “Jekk jogħġbok, Alla tiegħi, jalla tismaʼ t-talba li tiġi offruta f’dan* il-post.
41 U issa, Alla Ġeħova, mur fil-post taʼ mistrieħ tiegħek, int u l-Arka li turi s-saħħa tiegħek. Ħa juru l-qassisin tiegħek li s-salvazzjoni tiġi mingħandek, Alla Ġeħova, u ħa jifirħu l-leali tiegħek bl-affarijiet tajbin kollha li tagħmel.
42 Alla Ġeħova, tiċħadx* ir-re li għażilt. Jalla tiftakar fl-imħabba u l-lealtà tiegħek lejn David il-qaddej tiegħek.”
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “li b’idu stess.”
^ Letteralment “qal b’ħalqu stess.”
^ Letteralment “ibnek, il-wieħed li joħroġ mill-ġewwieni tiegħek.”
^ Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jiġifieri talba bil-ħniena. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ B’din il-ħalfa jkun qed jaċċetta li jkollu saħta bħala kastig jekk ikun gideb.
^ Letteralment “ġust.”
^ Jew “ġegħelthom ibatu.”
^ Letteralment “jibżaʼ minnek.”
^ Jew “ir-reputazzjoni tiegħek.”
^ Letteralment “jibżgħu minnek.”
^ Letteralment “agħmel ġudizzju.”
^ Jew “dwar dan.”
^ Letteralment “iddawwarx wiċċ.”