It-Tieni Ktieb tas-Slaten 9:1-37

  • Ġeħu jiġi inkarigat bħala re t’Iżrael (1-13)

  • Ġeħu joqtol lil Ġeħoram u Aħażija (14-29)

  • Tinqatel Ġeżabel; il-klieb jieklu laħamha (30-37)

9  Il-profeta Eliżew għajjat lil wieħed mit-tfal tal-profeti u qallu: “Xammar il-libsa maʼ qaddek, u ħu malajr dan il-flixkun żejt u mur Ramot-gilegħad.  Meta tasal hemmhekk, fittex lil Ġeħu bin Ġeħosafat u n-neputi taʼ Nimsi, idħol ħdejh, qajmu minn fost ħutu, u ħudu fil-kamra taʼ ġewwa nett.  Imbagħad aqbad il-flixkun taż-żejt u ferrgħu fuq rasu u għid, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Jien ninkarigak* bħala re fuq Iżrael.”’ Wara iftaħ il-bieb u aħrab mill-ewwel.”  Għalhekk, il-qaddej tal-profeta telaq għal Ramot-gilegħad.  Meta wasal, il-kapijiet tal-armata kienu bilqiegħda hemm. Hu qal: “Għandi messaġġ għalik kap.” Ġeħu staqsa: “Għal min minna?” U wieġbu: “Għalik kap.”  Għalhekk Ġeħu qam u daħal id-dar; il-qaddej ferragħlu ż-żejt fuq rasu u qallu: “Hekk jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael, ‘Jien ninkarigak* bħala re fuq il-poplu taʼ Ġeħova, fuq Iżrael.  Int trid tattakka lil dar sidek Aħab, u jien inpatti għad-demm tal-qaddejja tiegħi l-profeti u tal-qaddejja kollha taʼ Ġeħova li mietu minħabba Ġeżabel.  U l-familja kollha t’Aħab tinqered; u jien neqred għalkollox minn dar Aħab lill-irġiel kollha,* inkluż dawk bla ħila u dgħajfin f’Iżrael.  U nagħmel lil dar Aħab bħal dar Ġerobogħam bin Nebat u bħal dar Bagħsa bin Aħija. 10  U lil Ġeżabel jikluha l-klieb fil-biċċa art f’Ġeżragħel, u ħadd ma jidfinha.’” Wara li qal dan, fetaħ il-bieb u ħarab. 11  Meta Ġeħu mar lura għand il-qaddejja taʼ sidu, huma staqsewh: “Kollox sew? Dan il-miġnun għala ġie għandek?” Wiġibhom: “Tafu kif inhu dan ir-raġel u kif jitkellem.” 12  Imma qalulu: “Le! Għidilna l-verità, jekk jogħġbok.” Imbagħad qalilhom: “Hekk u hekk qalli, u żied, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Jien ninkarigak* bħala re fuq Iżrael.”’” 13  Għal dan, kull wieħed minnhom qabad ħwejġu malajr u qegħedhom fit-taraġ biex jgħaddi r-re minn fuqhom. Huma daqqew il-qarn u qalu: “Ġeħu sar re!” 14  Imbagħad Ġeħu bin Ġeħosafat u n-neputi taʼ Nimsi kkonfoffa kontra Ġeħoram. Ġeħoram kien qiegħed għassa f’Ramot-gilegħad m’Iżrael kollu minħabba r-Re Ħażagħel tas-Sirja. 15  Iktar tard, ir-Re Ġeħoram mar lura Ġeżragħel biex jirkupra mill-feriti li għamlulu s-Sirjani meta ġġieled kontra r-Re Ħażagħel tas-Sirja. Issa Ġeħu qal: “Jekk taqblu, tħallu lil ħadd jaħrab mill-belt biex imur u jwassal din l-aħbar f’Ġeżragħel.” 16  Imbagħad Ġeħu telaʼ fuq il-karru tiegħu u mar Ġeżragħel għax Ġeħoram kien mimdud hemmhekk imweġġaʼ serjament, u r-Re Aħażija taʼ Ġuda kien niżel jara lil Ġeħoram. 17  Hekk kif l-għassies kien fuq it-torri f’Ġeżragħel, hu ra l-folla rġiel taʼ Ġeħu resqin. Minnufih qal: “Qed nara folla rġiel.” Ġeħoram qal: “Ibgħat suldat tal-kavallerija jiltaqaʼ magħhom u jistaqsihom jekk hux ġejjin fil-paċi.” 18  Għalhekk, is-suldat mar jiltaqaʼ magħhom u qal: “Hekk jgħid ir-re, ‘Fil-paċi ġejjin?’” Imma Ġeħu qallu: “X’differenza tagħmillek jekk ġejtx fil-paċi? Ejja warajja!” Imbagħad l-għassies irrapporta: “Il-messaġġier wasal ħdejhom, imma ma ġiex lura.” 19  Għalhekk, bagħat it-tieni suldat, li meta wasal ħdejhom qal: “Hekk jgħid ir-re, ‘Fil-paċi ġejjin?’” Imma Ġeħu qallu: “X’differenza tagħmillek jekk ġejtx fil-paċi? Ejja warajja!” 20  Imbagħad l-għassies irrapporta: “Wasal ħdejhom, imma ma ġiex lura. U kif isuq il-kap tagħhom qisu Ġeħu li nannuh huwa Nimsi, għax hu jsuq qisu miġnun.” 21  Ġeħoram qal: “Armaw il-karru!” Għalhekk, ramawlu l-karru tal-gwerra u r-Re Ġeħoram t’Iżrael u r-Re Aħażija taʼ Ġuda ħarġu jiltaqgħu maʼ Ġeħu, kull wieħed fuq il-karru tiegħu tal-gwerra. Huma ltaqgħu miegħu fil-biċċa art taʼ Nabot il-Ġeżragħeli. 22  Malli Ġeħoram ra lil Ġeħu qal: “Ġej fil-paċi Ġeħu?” Imma wieġbu: “X’paċi jistaʼ jkun hemm bil-prostituzzjoni t’ommok Ġeżabel u l-ħafna maġija tagħha?” 23  Minnufih Ġeħoram dawwar il-karru biex jaħrab u qal lil Aħażija: “Daħqu bina Aħażija!” 24  Ġeħu qabad il-qaws tiegħu u spara lil Ġeħoram bejn spallejh, u l-vleġġa ħarġet minn qalbu, u waqaʼ fil-karru tiegħu tal-gwerra. 25  Imbagħad qal lil Bidkar l-ajjutant tiegħu: “Erfgħu u itfgħu fl-għalqa taʼ Nabot il-Ġeżragħeli. Ftakar li meta jien u int konna rekbin flimkien fil-karrijiet* wara missieru Aħab, Ġeħova qal dan kontrih: 26  ‘“Jien rajt id-demm taʼ Nabot u tat-tfal tiegħu lbieraħ,” jiddikjara Ġeħova, “u żgur li npatti għad-demm tagħhom f’din il-biċċa art stess,” jiddikjara Ġeħova.’ Għalhekk issa, erfgħu u itfgħu fil-biċċa art skont dak li qal Ġeħova.” 27  Meta r-Re Aħażija taʼ Ġuda ra x’kien qed jiġri, ħarab mit-triq ħdejn id-dar tal-ġnien. (Iktar tard Ġeħu mar warajh u qal: “Oqtlu lilu wkoll!” Għalhekk, attakkawh fil-karru hu u sejjer Gur, li hu ħdejn Iblegħam. Imma hu kompla jaħrab lejn Megiddo u miet hemm. 28  Imbagħad il-qaddejja tiegħu ġarrewh f’karru lejn Ġerusalemm, u difnuh fil-qabar tiegħu maʼ missirijietu fil-Belt taʼ David. 29  Kien fil-11-il sena tat-tmexxija taʼ Ġeħoram bin Aħab li Aħażija kien sar re fuq Ġuda.) 30  Meta Ġeħu wasal Ġeżragħel, Ġeżabel semgħet b’dan. Għalhekk, żebgħet għajnejha bl-iswed,* għamlet xagħarha, u ħarset ’l isfel mit-tieqa. 31  Hekk kif Ġeħu daħal mill-bieb tal-belt, hi qalet: “Tiftakar xi ġralu Żimri meta qatel lil sidu?” 32  Hu ħares lejn it-tieqa u qal: “Min hu miegħi? Min?” Mill-ewwel, tnejn jew tlieta mill-uffiċjali tal-palazz ħarsu ’l isfel lejh. 33  Hu qal: “Itfgħuha għal isfel!” Għalhekk tefgħuha, u ftit minn demmha tar fuq il-ħajt u fuq iż-żwiemel, u hu għadda minn fuqha. 34  Wara, daħal u kiel u xorob. Imbagħad qal: “Jekk jogħġobkom, ħudu ħsieb din il-misħuta u idfnuha. Fuq kollox hi tifla taʼ re.” 35  Imma meta marru biex jidfnuha, sabu biss l-għadam taʼ rasha, is-saqajn, u l-pali taʼ jdejha. 36  Meta reġgħu lura u qalulu b’dan, hu qalilhom: “B’hekk sar dak li qal Ġeħova permezz tal-qaddej tiegħu Elija t-Tisbi, meta qal, ‘Il-klieb se jieklu l-laħam taʼ Ġeżabel fil-biċċa art f’Ġeżragħel. 37  U l-ġisem mejjet taʼ Ġeżabel se jsir bħad-demel f’wiċċ l-għalqa fil-biċċa art f’Ġeżragħel, sabiex ma jgħidux: “Din hi Ġeżabel.”’”

Noti taʼ taħt

Letteralment “nidilkek.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “nidilkek.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “kull min jagħmel pipì mal-ħajt.” Espressjoni Ebrajka taʼ tmaqdir li f’dan il-kuntest tistaʼ tirreferi għall-irġiel u s-subien.
Letteralment “nidilkek.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “rekbin iż-żwiemel ħdejn xulxin.”
Jew “għamlet l-eye shadow.”