It-Tieni Ittra lil Timotju 2:1-26

  • Dak li smajt għaddih lill-irġiel taʼ min jafdahom (1-7)

  • Nibqgħu nissaportu għall-aħbar tajba (8-13)

  • Spjega l-kelma t’Alla sew (14-19)

  • Ikkontrolla x-xewqat li jistaʼ jkollok fiż-żgħożija (20-22)

  • Kif nittrattaw maʼ dawk li jiħduha kontrina (23-26)

2  Għalhekk ibni, kompli saħħaħ lilek innifsek permezz tal-qalb tajba kbira li juri Kristu Ġesù.  L-affarijiet li smajt mingħandi u li ħafna kienu xhieda tagħhom għaddihom lill-irġiel li taʼ min jafdahom, u huma min-naħa tagħhom ikunu kkwalifikati biżżejjed biex jgħallmuhom lil oħrajn.  Bħala suldat tajjeb taʼ Kristu Ġesù, kun lest li tbati.  Min isir suldat ma jinvolvix ruħu f’xogħol ieħor biex imantni lilu nnifsu,* għax hu jrid jogħġob lil dak li daħħlu bħala suldat.  U anki fil-logħob, min jikkompeti ma jiġix ippremjat* jekk ma jimxix mar-regoli.  Il-bidwi li jaħdem iebes għandu jkun l-ewwel wieħed li jieħu mill-prodott tal-għalqa.  Dejjem aħseb dwar dan li qed ngħidlek, u l-Mulej se jgħinek tifhem dawn l-affarijiet kollha.  Ftakar li Ġesù Kristu kien imqajjem mill-mewt u kien id-dixxendent* taʼ David, skont l-aħbar tajba li nipprietka,  li għaliha qed inbati u qiegħed il-ħabs bħala kriminal. Minkejja dan, ħadd ma jistaʼ jżomm it-tagħlim t’Alla. 10  Allura, nibqaʼ nissaporti kollox minħabba dawk li ġew magħżulin minn Alla, ħalli huma wkoll isalvaw permezz taʼ Kristu Ġesù u jkollhom barkiet* għal dejjem. 11  Dan li se ngħid taʼ min jafdah: Jekk mitna flimkien, żgur li se ngħixu flimkien ukoll; 12  jekk nibqgħu nissaportu, aħna se mmexxu miegħu bħala rejiet ukoll; jekk ngħidu li ma nafuhx, hu wkoll se jgħid li ma jafniex; 13  jekk aħna ma nkunux leali, hu jibqaʼ leali, għax ma jistax ikun xi ħaġa li mhuwiex. 14  Ibqaʼ fakkarhom dawn l-affarijiet, għallimhom* quddiem Alla biex ma jiġġildux dwar il-kliem, għax dan ħlief ħsara lil dawk li jisimgħuh ma jagħmilx. 15  Agħmel l-aħjar li tistaʼ ħalli Alla jkun ferħan bik, u tkun ħaddiem li ma jistħix mix-xogħol li jagħmel, billi tgħallem u tispjega l-kelma tal-verità sew. 16  Imma rrifjuta paroli fil-vojt li jiddiżonora lil Alla, għax dan se jbiegħed lin-nies minn Alla 17  u jinfirex bħal marda serja.* Imeni u Filetu huma fost dawn in-nies. 18  Dawn l-irġiel telqu mill-verità u qed jgħidu li l-irxoxt diġà sar, u qed jeqirdu l-fidi taʼ xi wħud. 19  Minkejja dan, il-pedament sod t’Alla mhux se jċedi, u fuqu hemm dan il-kliem: “Ġeħova* jaf lil dawk li huma tiegħu,” u, “Dawk kollha li jafdaw f’isem Ġeħova,* għandhom iwarrbu l-affarijiet ħżiena.” 20  F’dar kbira ma jkunx hemm biss affarijiet tad-deheb u l-fidda, imma jkun hemm ukoll affarijiet tal-injam u l-fuħħar. Hemm minnhom għal skop onorabbli,* imma oħrajn għal skop mhux onorabbli.* 21  Għalhekk, kull min iżomm ’il bogħod minn dawn in-nies li mhumiex onorabbli, se jkun bħal xi ħaġa* li tintuża b’mod onorabbli, qaddis, utli għal sidu, u ppreparat għal kull xogħol tajjeb. 22  Għalhekk, ikkontrolla x-xewqat li jistaʼ jkollok fiż-żgħożija u rsisti biex tagħmel dak li hu tajjeb, ikollok il-fidi, l-imħabba, u l-paċi. Agħmel dan flimkien m’oħrajn li jafdaw fil-Mulej għax għandhom qalbhom sinċiera. 23  Iktar minn hekk, irrifjuta li tidħol f’argumenti bla sens u stupidi, għax taf li jaqilgħu l-ġlied. 24  Għax ilsir tal-Mulej m’għandux għalfejn jiġġieled, imma għandu juża t-tattika* maʼ kulħadd, ikun jaf jgħallem, jikkontrolla lilu nnifsu meta xi ħadd jittrattah ħażin, 25  u jgħallem bil-ħlewwa lil dawk li ma jaqblux maʼ dak li jgħid. Forsi Alla jħallihom jindmu* ħalli jkollhom għarfien eżatt dwar il-verità, 26  u jiġu f’sensihom u jaħarbu min-nassa tax-Xitan, peress li jkunu nqabdu fiha biex jagħmlu dak li jrid hu.

Noti taʼ taħt

Jew forsi “fl-affarijiet taʼ kuljum.”
Jew “ma jiħux kuruna.”
Jew “min-nisel.”
Letteralment “glorja.”
Jew “avżahom.”
Letteralment “kankrena.”
Dan jinkludi affarijiet li ssajjar fihom.
Dan jinkludi affarijiet li tarmi fihom.
Jew “reċipjent.”
Jew “juri l-ħlewwa.”
Jew “ibiddlu fehmithom.”