Eżodu 32:1-35

  • Il-qima tal-għoġol tad-deheb (1-35)

    • Mosè jismaʼ kant stramb (17, 18)

    • Mosè jfarrak it-twavel tal-liġi (19)

    • Il-Leviti leali lejn Ġeħova (26-29)

32  Sadanittant, in-nies raw li Mosè kien qed idum biex jinżel mill-muntanja. Għalhekk, inġabru madwar Aron u qalulu: “Agħmlilna alla li jimxi quddiemna, għax ma nafux x’sar minnu dan Mosè, il-bniedem li ħariġna mill-art tal-Eġittu.”  U Aron qalilhom: “Neħħu l-imsielet tad-deheb minn widnejn in-nisa tagħkom u t-tfal subien u bniet tagħkom, u ġibuhomli.”  Għalhekk, in-nies kollha bdew ineħħu l-imsielet tad-deheb li kellhom f’widnejhom u jagħtuhom lil Aron.  Imbagħad hu ħa d-deheb mingħandhom, u fformah b’għodda tat-tinqix u għamlu statwa ta’ barri żgħir.* Huma bdew jgħidu: “Iżrael, dan hu l-Alla tiegħek li ħarġek mill-art tal-Eġittu.”  Meta Aron ra dan, hu bena artal quddiemu. Imbagħad qal: “Għada ssir festa lil Ġeħova.”  Għalhekk, l-għada qamu kmieni u bdew joffru offerti tal-ħruq u jippreżentaw sagrifiċċji tal-paċi. Imbagħad in-nies qagħdu bilqiegħda jieklu u jixorbu. U wara qamu jixxalaw.  Ġeħova issa qal lil Mosè: “Mur, inżel, għax il-poplu tiegħek, li ħriġt mill-art tal-Eġittu, aġixxa b’mod mill-agħar.  Huma malajr warrbu mit-triq li jien ikkmandajthom biex jimxu fiha. Għamlu għalihom barri żgħir* u qed imilu quddiemu u joffrulu sagrifiċċji u jgħidu, ‘Iżrael, dan hu l-Alla tiegħek li ħarġek mill-art tal-Eġittu.’”  Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: “Jien rajt li dan il-poplu hu rasu iebsa.* 10  U nħossni rrabjat ħafna għalihom. Għalhekk, ħallini ħa neqridhom għalkollox u minflok nagħmel poplu kbir minnek.” 11  Imbagħad Mosè talab bil-ħniena lil Ġeħova l-Alla tiegħu u qallu: “Ġeħova, għala għandek tibqaʼ rrabjat mal-poplu tiegħek wara li int ħriġtu mill-art tal-Eġittu b’qawwa kbira u b’id b’saħħitha? 12  Jekk tagħmel hekk, l-Eġizzjani jgħidu, ‘Kellu intenzjoni ħażina meta ħariġhom. Hu ried joqtolhom fil-muntanji u jeqridhom għalkollox minn fuq wiċċ l-art.’ Tibqax irrabjat u erġaʼ kkunsidra d-deċiżjoni* tiegħek li teqred lil dan il-poplu. 13  Ftakar fil-qaddejja tiegħek Abraham, Iżakk, u Iżrael, li ħliftilhom bik innifsek u għedt: ‘Se nżid id-dixxendenti tagħkom* daqs l-istilel tas-sema, u din l-art kollha li jien għażilt se nagħtiha lilhom, sabiex jiħduha f’idejhom u tkun tagħhom għal dejjem.’” 14  Għalhekk, Ġeħova reġaʼ kkunsidra d-deċiżjoni* tiegħu u ma qeridx lill-poplu tiegħu bħalma qal li kien se jagħmel. 15  Imbagħad Mosè dar u niżel mill-muntanja biż-żewġ twavel tat-Testimonjanza f’idu. It-twavel kienu mnaqqxin fuq iż-żewġ naħat; kellhom il-kitba fuq quddiem u fuq wara. 16  Alla stess kien għamel it-twavel u naqqax kliemu fuqhom. 17  Meta Ġożwè beda jismaʼ l-għajjat tan-nies, qal lil Mosè: “Hemm ħoss taʼ battalja fil-kampijiet.” 18  Imma Mosè qal: “Mhuwiex il-ħoss taʼ kant minħabba xi rebħa,U mhuwiex il-ħoss taʼ biki minħabba xi telfa;Qed nismaʼ ħoss taʼ kant ieħor.” 19  U malli Mosè resaq lejn il-kampijiet u ra l-barri żgħir* u ż-żfin, hu beda jirrabja ħafna u waddab it-twavel minn idejh u farrakhom in-naħa t’isfel tal-muntanja. 20  Imbagħad qabad il-barri żgħir* li kienu għamlu u ħarqu bin-nar u farrku u ġabu trab. Imbagħad ferrxu fl-ilma u ġiegħel lill-Iżraelin jixorbuh. 21  U Mosè qal lil Aron: “Int wassalt lil dan il-poplu biex jagħmel dnub kbir. Kif ġegħluk tagħmel dan?” 22  Aron wieġbu: “Tkunx irrabjat sidi. Int taf sew li dawn in-nies iħobbu jagħmlu dak li hu ħażin. 23  Allura qaluli, ‘Agħmlilna alla li jimxi quddiemna, għax ma nafux x’sar minnu dan Mosè, il-bniedem li ħariġna mill-art tal-Eġittu.’ 24  Għalhekk għedtilhom, ‘Min għandu xi deheb ineħħih u jagħtihuli.’ Imbagħad jien tfajtu fin-nar u ħareġ dan il-barri żgħir.”* 25  Mosè ra li n-nies kienu bla kontroll, għax Aron kien ħalliehom isiru bla kontroll, u b’hekk ġabu diżunur fuqhom quddiem l-għedewwa tagħhom. 26  Imbagħad Mosè qagħad fid-daħla tal-kampijiet u qal: “Kull min hu fuq in-naħa taʼ Ġeħova ħa jiġi ħdejja!” U l-Leviti kollha nġabru madwaru. 27  Issa hu qalilhom: “Dan qal Ġeħova l-Alla t’Iżrael, ‘Kull wieħed minnkom irid jaqbad ix-xabla tiegħu u jgħaddi mill-kampijiet kollha u joqtol lil ħuh, lill-ġar tiegħu, u lill-ħabib tal-qalb tiegħu.’” 28  Il-Leviti għamlu kif qalilhom Mosè. B’hekk, dakinhar mietu madwar 3,000 raġel. 29  Imbagħad Mosè qal: “Qaddsu lilkom infuskom* illum għas-servizz taʼ Ġeħova, għaliex kull wieħed minnkom ħadha kontra ibnu u ħuh stess. Illum hu jberikkom.” 30  L-għada stess, Mosè qal lin-nies: “Intom għamiltu dnub kbir ħafna, u issa jien se nitlaʼ ħdejn Ġeħova u nitolbu bil-ħniena biex forsi jaħfrilkom dan id-dnub.” 31  Għalhekk, Mosè mar lura ħdejn Ġeħova u qallu: “Dan il-poplu għamel dnub kbir ħafna! Għamlu għalihom alla tad-deheb! 32  Imma issa jekk jogħġbok, aħfrilhom id-dnub tagħhom jekk int lest li tagħmel dan, u jekk le, ħassarni mill-ktieb tiegħek li ktibt.” 33  Madankollu, Ġeħova qal lil Mosè: “Jien inħassar mill-ktieb tiegħi lil kull min dineb kontrija. 34  Issa mur, mexxi lin-nies lejn il-post li għedtlek dwaru. L-anġlu tiegħi jmur qablek, u dakinhar li nitlob kont mingħandhom, nikkastigahom għad-dnub tagħhom.” 35  Imbagħad Ġeħova beda jikkastiga lin-nies minħabba l-barri żgħir* li kienu għamlu permezz t’Aron.

Noti taʼ taħt

Jew “statwa t’għoġol mill-metall imdewweb.”
Jew “statwa t’għoġol mill-metall imdewweb.”
Letteralment “għonqu iebes.”
Jew “ħa jiddispjaċik għad-deċiżjoni.”
Jew “lil dawk li se jiġu minnkom.”
Jew “iddispjaċieh għad-deċiżjoni.”
Jew “l-għoġol.”
Jew “l-għoġol.”
Jew “l-għoġol.”
Letteralment “Imlew idkom.”
Jew “l-għoġol.”