Eżodu 6:1-30
6 Għalhekk, Ġeħova qal lil Mosè: “Issa tara x’se nagħmillu lill-Fargħun. Bil-qawwa tiegħi nisforzah jibgħatkom, u wara li jara l-qawwa tiegħi jgħidilkom titilqu minn pajjiżu.”
2 Imbagħad Alla qal lil Mosè: “Jien Ġeħova.
3 U kont nidher lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb bħala l-Alla li Jistaʼ Kollox, imma m’urejthomx xi jfisser ismi Ġeħova.
4 Jien għamilt ukoll il-patt tiegħi magħhom biex nagħtihom l-art taʼ Kangħan, l-art li fiha għexu bħala barranin.
5 Issa jien stess smajt kemm qed jibki l-poplu t’Iżrael, li qed jinżamm fil-jasar mill-Eġizzjani, u jien ftakart fil-patt tiegħi.
6 “Għalhekk, għid lill-Iżraelin, ‘Jien Ġeħova, u jien se neħliskom mix-xogħol li l-Eġizzjani sforzawkom tagħmlu u mill-jasar tagħhom, u jien se nuża l-qawwa* tiegħi u kastigi kbar biex insalvakom.
7 Jien niħodkom bħala l-poplu tiegħi u nkun l-Alla tagħkom, u intom żgur tkunu tafu li jien Ġeħova l-Alla tagħkom li qed neħliskom mill-Eġittu u t-tagħbijiet tiegħu.
8 U ndaħħalkom fl-art li ħlift* li nagħtiha lil Abraham, lil Iżakk, u lil Ġakobb. U jien nagħtiha lilkom biex tkun tagħkom. Jien Ġeħova.’”
9 Iktar tard, Mosè qal dan il-kliem lill-Iżraelin, imma dawn ma tawx kasu minħabba li kienu skuraġġiti u f’jasar aħrax.
10 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè:
11 “Idħol u għid lill-Fargħun, ir-re tal-Eġittu, li għandu jħalli lill-Iżraelin jitilqu minn pajjiżu.”
12 Madankollu, Mosè wieġeb lil Ġeħova: “L-Iżraelin ma tawx kasi. Kif qatt jistaʼ jagħti kasi l-Fargħun, la nsibha diffiċli biex nitkellem?”
13 Imma Ġeħova reġaʼ qal lil Mosè u lil Aron il-kmandi li għandhom jagħtu lill-Iżraelin u lill-Fargħun, ir-re tal-Eġittu, sabiex joħorġu lill-Iżraelin mill-art tal-Eġittu.
14 Dawn huma l-kapijiet tal-familja tagħhom: It-tfal taʼ Ruben l-ewwel imwieled t’Iżrael kienu Ħanok, Pallu, Ħesron, u Karmi. Dawn huma l-familji taʼ Ruben.
15 It-tfal taʼ Simegħon kienu Ġemwel, Ġamin, Oħad, Ġakin, Soħar, u Sagħul, bin mara Kangħanija. Dawn huma l-familji taʼ Simegħon.
16 Dawn huma l-ismijiet tat-tfal taʼ Levi, skont il-familji tagħhom: Gerson, Keħat, u Merari. Levi għex 137 sena.
17 It-tfal taʼ Gerson kienu Libni u Simgħi, skont il-familji tagħhom.
18 It-tfal taʼ Keħat kienu Għamram, Isħar, Ħebron, u Użżijel. Keħat għex 133 sena.
19 It-tfal taʼ Merari kienu Maħli u Musi.
Dawn kienu l-familji tal-Leviti, skont il-familji tagħhom.
20 Issa Għamram iżżewweġ lil Ġokebed, oħt missieru. Hi wellditlu lil Aron u lil Mosè. Għamram għex 137 sena.
21 It-tfal taʼ Isħar kienu Koraħ, Nefeg, u Żikri.
22 It-tfal taʼ Użżijel kienu Misael, Elsafan, u Sitri.
23 Issa Aron iżżewweġ lil Eliseba li tiġi bint Għamminadab u oħt Naħson. Hi wellditlu lil Nadab, Abiħu, Elegħażar, u Itamar.
24 It-tfal taʼ Koraħ kienu Assir, Elkana, u Abijasaf. Dawn kienu l-familji tal-Koraħin.
25 Elegħażar bin Aron iżżewweġ lil waħda mill-bniet taʼ Putjel. Hi wellditlu lil Fineħas.
Dawn huma l-kapijiet tal-familji tal-Leviti, skont il-familji tagħhom.
26 Dawn huma Aron u Mosè li Ġeħova qalilhom: “Oħorġu lill-poplu t’Iżrael mill-art tal-Eġittu, grupp grupp.”*
27 Kienu huma li kellmu lill-Fargħun, ir-re tal-Eġittu, biex joħorġu lill-poplu t’Iżrael mill-Eġittu.
28 Dakinhar li Ġeħova kellem lil Mosè fl-art tal-Eġittu,
29 Ġeħova qallu: “Jien Ġeħova. Għid lill-Fargħun, ir-re tal-Eġittu, kulma qed ngħidlek.”
30 Imbagħad Mosè qal lil Ġeħova: “Jien insibha diffiċli biex nitkellem, allura kif qatt jistaʼ l-Fargħun jismaʼ minni?”
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “driegħ maħruġ ’il barra.”
^ Letteralment “erfajt idi.”
^ Letteralment “skont l-armati tagħhom.”