Ekkleżjasti 1:1-18
1 Dan hu l-kliem tal-għalliem,* it-tifel taʼ David u r-re taʼ Ġerusalemm.
2 “Vera bla sens!”* jgħid l-għalliem,“Vera bla sens! Kollox bla sens!”*
3 Persuna x’se tieħu mix-xogħol iebes kollu tagħhaLi titħabat fih taħt ix-xemx?*
4 Nies jitwieldu, u nies imutu,Imma l-art tibqaʼ* għal dejjem.
5 Ix-xemx titlaʼ* u tinżel;Imbagħad tmur tgħaġġel* fil-post minn fejn se terġaʼ titlaʼ.
6 Ir-riħ imur lejn in-Nofsinhar u jdur lejn it-Tramuntana;Ir-riħ il-ħin kollu jdur; dan jibqaʼ jagħmel id-dawra tiegħu.
7 Ix-xmajjar* kollha jagħtu għall-baħar, imma dan ma jimteliex.
Ix-xmajjar jerġgħu jmorru minn fejn bdew, biex jerġgħu jitilqu minn hemm.
8 L-affarijiet kollha jgħejjuk;Ħadd ma jistaʼ jiddeskrivihom kollha.
L-għajnejn ma jixbgħux jaraw;U l-widnejn ma jixbgħux jisimgħu.
9 Dak li ġara se jerġaʼ jiġri,U dak li sar se jerġaʼ jsir;M’hemm xejn ġdid taħt ix-xemx.
10 Hemm xi ħaġa li tistaʼ tgħid li hi ġdida?
Le. Din diġà ilha teżisti minn żmien twil ilu;Diġà ilha teżisti minn qabel ma twilidna.
11 Ħadd ma jiftakar in-nies taʼ qabel;U ħadd mhu se jiftakar in-nies li ġejjin,Jew dawk taʼ warajhom.
12 Jien, l-għalliem, sirt u għadni r-re t’Iżrael f’Ġerusalemm.
13 Jien iddeċidejt li nuża l-għerf biex nistudja kulma sar taħt is-sema. Jien investigajt ix-xogħol frustranti li Alla ta lill-bnedmin biex ikollhom x’jagħmlu.
14 Jien rajt kulma jagħmlu n-nies taħt ix-xemx,U rrealizzajt li kollox hu bla sens, bħall-ġiri wara r-riħ.
15 Ma tistax tiddritta dak li hu mgħawweġ,U ma tistax tgħodd xi ħaġa li mhix hemm.
16 Imbagħad għedt f’qalbi: “Jien għandi ħafna iktar għerf minn dawk taʼ qabli f’Ġerusalemm, u sirt napprezza l-għerf u l-għarfien.”
17 Jien stinkajt biex insir naf dwar l-għerf, il-ġenn, u l-bluha. Imma anki dan hu ġiri wara r-riħ.
18 Għax iktar ma ssir għaref iktar issir frustrat,U kull min ikollu iktar għarfien iżid l-uġigħ.
Noti taʼ taħt
^ Il-kelma bl-Ebrajk letteralment tirreferi għal xi ħadd li jiġbor flimkien in-nies.
^ Jew “frugħa.”
^ Jew “Kull sforz hu għalxejn.”
^ L-espressjoni “taħt ix-xemx” f’dan il-ktieb tal-Bibbja tfisser “f’din id-dinja.”
^ Letteralment “tibqaʼ wieqfa.”
^ Jew “tiddi.”
^ Jew “tmur lura bla nifs.”
^ Jew “Il-widien.”