Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 11:1-30
11 L-appostli u l-aħwa li kienu fil-Lhudija semgħu li anki n-nies mhux Lhud aċċettaw il-kelma t’Alla.
2 Meta Pietru telaʼ Ġerusalemm, dawk li riedu li n-nies minn popli oħra jiġu ċirkonċiżi bdew jikkritikawh*
3 billi qalulu: “Int dħalt fid-dar taʼ rġiel mhux ċirkonċiżi u kilt magħhom.”
4 Għalhekk, Pietru beda jispjegalhom x’ġara fid-dettall u qalilhom:
5 “Jien kont fil-belt taʼ Ġaffa nitlob, u f’viżjoni rajt xi ħaġa* nieżla bħal liżar kbir tal-għażel li kien qed jitniżżel mis-sema mill-erbat itruf tiegħu, u ġie ħdejja.
6 Meta ħarist sew lejh rajt annimali b’erbaʼ saqajn, annimali slavaġ, rettili,* u għasafar.
7 Imbagħad smajt leħen jgħidli: ‘Qum Pietru, oqtol u kul!’
8 Imma jien għedt: ‘Żgur li le Mulej, għax jien qatt ma kilt xi ħaġa li skont il-Liġi hi mniġġsa jew mhux nadifa.’
9 It-tieni darba, il-leħen mis-sema qalli: ‘Dak li naddaf Alla tibqax tgħidlu mniġġes.’
10 Il-leħen instemaʼ għat-tielet darba, u kulma rajt reġaʼ ttellaʼ fis-sema.
11 Ukoll, dak il-ħin stess, kien hemm tlett irġiel ħdejn id-dar fejn kont qed noqgħod li ntbagħtu għandi minn Ċesarija.
12 Imbagħad l-ispirtu qaddis qalli biex immur magħhom u ma niddubita xejn. Anki dawn is-sitt aħwa ġew miegħi, u dħalna fid-dar tar-raġel.
13 “Hu rrakkontalna kif ra anġlu fid-dar tiegħu u qallu: ‘Ibgħat irġiel Ġaffa biex iġibu raġel jismu Xmun, li jgħidulu wkoll Pietru,
14 u hu jgħidlek kif int u l-familja tiegħek tistgħu tiġu salvati.’
15 Imma xħin bdejt nitkellem, huma rċivew l-ispirtu qaddis bħalma rċivejnieh aħna l-ewwel darba.
16 Għal dan, ftakart f’dak li kien jgħid il-Mulej: ‘Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom se titgħammdu bl-ispirtu qaddis.’
17 Għalhekk, jekk Alla tahom l-istess rigal b’xejn li ta lilna li emminna fil-Mulej Ġesù Kristu, jien min jien biex infixkel lil Alla milli jagħmel dak li jrid?”
18 Meta semgħu dawn l-affarijiet huma ma baqgħux joġġezzjonaw* u bdew jigglorifikaw lil Alla billi qalu: “Mela Alla jrid li anki n-nies li mhumiex Lhud jindmu ħalli jkunu jistgħu jirċievu l-ħajja taʼ dejjem.”
19 Id-dixxipli li kienu nxterdu minħabba l-persekuzzjoni wara l-mewt taʼ Stiefnu marru saħansitra l-Feniċja, Ċipru, u Antjokja, imma huma xandru l-aħbar tajba lil-Lhud biss.
20 Madankollu f’Antjokja, xi wħud minnhom li kienu minn Ċipru u Ċirene bdew jippritkaw l-aħbar tajba dwar il-Mulej Ġesù lin-nies li kienu jitkellmu bil-Grieg.
21 Iktar minn hekk, Ġeħova* kien qed jappoġġahom, u ammont kbir taʼ nies bdew jemmnu u saru dixxipli tal-Mulej.
22 Meta semgħu dwar dan, l-aħwa fil-kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm qalu lil Barnaba biex imur Antjokja.
23 Meta wasal u ra kemm Alla kien qalbu tajba magħhom, hu feraħ u beda jinkuraġġihom ilkoll biex ikomplu jobdu lill-Mulej b’qalbhom kollha.
24 Barnaba kien raġel sew li kellu l-ispirtu qaddis u fidi kbira. U folla kbira bdiet temmen fil-Mulej.
25 Imbagħad, hu mar Tarsu biex ifittex lil Sawl.
26 Wara li sabu, ħadu Antjokja. Għal sena sħiħa huma ltaqgħu mal-kongregazzjoni t’hemm u għallmu lil ħafna. Kien f’Antjokja li permezz tal-gwida t’Alla d-dixxipli bdew jissejħu għall-ewwel darba Kristjani.
27 F’dak iż-żmien, xi profeti minn Ġerusalemm marru Antjokja.
28 Wieħed minnhom, li kien jismu Agabu, qal permezz tal-ispirtu qaddis li kien se jkun hemm ġuħ kbir mal-art kollha. Fil-fatt, dan seħħ fi żmien Klawdju.
29 Għalhekk, id-dixxipli ddeċidew li jibagħtu l-għajnuna lill-aħwa li jgħixu fil-Lhudija. Kull wieħed ta skont kemm setaʼ,
30 u l-għajnuna bagħtuha lill-anzjani permezz taʼ Barnaba u Sawl.
Noti taʼ taħt
^ Jew “jargumentaw miegħu.”
^ Letteralment “tip taʼ reċipjent.”
^ Jew “annimali li jitkaxkru.”
^ Letteralment “siktu.”