Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 15:1-41

  • Kwistjoni f’Antjokja dwar iċ-ċirkonċiżjoni (1, 2)

  • Imorru Ġerusalemm minħabba l-mistoqsija li kellhom (3-5)

  • L-anzjani u l-appostli jiltaqgħu flimkien (6-21)

  • Ittra mill-ġemgħa li tiggverna (22-29)

    • Ibqgħu rrifjutaw id-demm (28, 29)

  • Il-kongregazzjonijiet jiġu inkuraġġiti mill-ittra (30-35)

  • Pawlu u Barnaba jinfirdu minn xulxin (36-41)

15  Xi rġiel niżlu mil-Lhudija u bdew jgħallmu lill-aħwa: “Jekk ma tiġux ċirkonċiżi skont il-Liġi taʼ Mosè, ma tiġux salvati.”  Imma Pawlu u Barnaba ma qablux maʼ dan u ddiskutew ħafna magħhom. Imbagħad ġie deċiż li Pawlu, Barnaba, u xi aħwa oħrajn imorru għand l-appostli u l-anzjani* f’Ġerusalemm biex jitkellmu magħhom dwar din il-kwistjoni.*  Wara li dawk fil-kongregazzjoni mxew biċċa magħhom, dawn l-irġiel komplew il-vjaġġ u għaddew mill-Feniċja u s-Samarija. Huma rrakkontaw fid-dettall kif in-nies tal-popli bdew iqimu lil Alla,* u meta l-aħwa t’hemm semgħu b’dan tgħidx kemm ferħu.  Meta waslu Ġerusalemm, huma ntlaqgħu b’qalb tajba mill-kongregazzjoni, l-appostli, u l-anzjani. Dawn irrakkontawlhom il-ħafna affarijiet li Alla kien għamel permezz tagħhom.  Imma xi wħud li qabel kienu parti mis-setta tal-Fariżej, qamu minn posthom u qalu: “Hemm bżonn li jiġu ċirkonċiżi u li nikkmandawhom jobdu l-Liġi taʼ Mosè.”  Għalhekk, l-appostli u l-anzjani ltaqgħu biex jiddiskutu din il-kwistjoni.  Wara diskussjoni taħraq,* Pietru qam u qalilhom: “Aħwa, intom tafu tajjeb li Alla għażilni minn fostkom biex in-nies tal-popli jisimgħu l-messaġġ tal-aħbar tajba u jemmnu.  U Alla, li jaf x’hemm fil-qalb, wera li approvahom billi tahom l-ispirtu qaddis bħalma tah lilna.  Hu qies lilna u lilhom l-istess, u ħafrilhom id-dnubiet minħabba l-fidi tagħhom biex ikollhom qalb nadifa. 10  Allura għala issa qed tisfidaw lil Alla, billi qed timponu li d-dixxipli jerfgħu madmad fuq għonqhom li la aħna u lanqas missirijietna ma konna kapaċi nerfgħu? 11  Bħalma se niġu salvati aħna, nemmnu li anki huma se jiġu salvati grazzi għall-qalb tajba kbira tal-Mulej Ġesù.” 12  Għal dan, il-grupp kollu qagħad kwiet u beda jismaʼ lil Barnaba u lil Pawlu jirrakkontaw dwar il-ħafna mirakli u l-affarijiet tal-għaġeb li Alla għamel permezz tagħhom fost il-popli. 13  Wara li qalu dan, Ġakbu qal: “Aħwa isimgħuni. 14  Bħalma għadna kif smajna, Simgħon qalilna fid-dettall kif Alla ftakar fin-nies tal-popli l-oħra u li minn fosthom beda jagħżel nies biex jonoraw lil ismu. 15  U dan jaqbel maʼ dak li kitbu l-profeti. Fil-fatt hemm miktub: 16  ‘Wara dawn l-affarijiet, jien immur lura u nerġaʼ nibni d-dar* taʼ David li waqgħet. Jien se nerġaʼ ntellaʼ d-dar, 17  ħalli dawk li jibqgħu, ikunu jistgħu jfittxu lili, Ġeħova,* b’qalbhom kollha flimkien man-nies tal-popli kollha li jissejħu b’ismi. Jien Ġeħova* qed ngħid dan u nagħmel dawn l-affarijiet, 18  li ddeċidejt li nagħmilhom żmien twil ilu.’ 19  Għalhekk, id-deċiżjoni* tiegħi hi li ma nagħmluhiex diffiċli għal dawk mill-popli li jridu jaqdu lil Alla, 20  imma niktbulhom biex jirrifjutaw l-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-idoli, l-immoralità sesswali,* l-annimali fgati,* u d-demm. 21  Għax minn żmien twil ilu, Mosè kellu nies li jippritkaw dak li qal f’kull belt. Dan għamluh billi f’kull Sabat kienu jaqraw b’leħen għoli l-kotba tiegħu lin-nies fis-sinagogi.” 22  Imbagħad l-appostli, l-anzjani, u l-kongregazzjoni kollha ddeċidew li jibagħtu rġiel magħżulin minn fosthom lejn Antjokja, flimkien maʼ Pawlu u Barnaba. Huma bagħtu lil Ġuda li kienu jgħidulu wkoll Barsabba u lil Sila. Dawn kienu jieħdu t-tmexxija fost il-kongregazzjoni. 23  Huma tawhom din l-ittra li kienet tgħid: “Aħwa, aħna l-appostli u l-anzjani, qed niktbu din l-ittra lilkom li mhux Lhud u li qed toqogħdu Antjokja, is-Sirja, u ċ-Ċiliċja: Il-paċi magħkom! 24  Aħna smajna li xi wħud minna ġew għandkom u għamluhielkom diffiċli b’dak li qalu billi pprovaw iħawdukom.* Imma aħna m’għednilhomx biex jagħmlu hekk, 25  allura lkoll kemm aħna qbilna li nibagħtulkom żewġt irġiel flimkien mal-għeżież tagħna, Barnaba u Pawlu, 26  li rriskjaw ħajjithom għax jemmnu f’isem il-Mulej tagħna Ġesù Kristu. 27  Għalhekk, qed nibagħtu lil Ġuda u Sila, ħalli anki huma jgħidulkom dan. 28  L-ispirtu qaddis għenna naslu għall-konklużjoni li m’għandna nżidulkom ebda piż ieħor, ħlief dawn l-affarijiet li hemm bżonn: 29  li tibqgħu tirrifjutaw l-affarijiet issagrifikati lill-idoli, id-demm, l-annimali fgati,* u l-immoralità sesswali.* Jekk tibqgħu tagħmlu hekk, se tirnexxu fil-ħajja. Insellu għalikom!”* 30  Għalhekk dawn l-irġiel marru Antjokja, ġabru lid-dixxipli kollha, u tawhom l-ittra. 31  Wara li qrawha, huma ġew inkuraġġiti u ferħu. 32  Peress li Ġuda u Sila kienu wkoll profeti, huma inkuraġġew u saħħew lill-aħwa b’ħafna taħditiet. 33  Wara li kienu qattgħu xi żmien hemm, l-aħwa xtaqulhom il-vjaġġ it-tajjeb lejn Ġerusalemm. 34 *—— 35  Imma Pawlu u Barnaba baqgħu Antjokja, u flimkien maʼ ħafna oħrajn, għallmu u xandru l-aħbar tajba dwar il-kelma taʼ Ġeħova.* 36  Xi jiem wara, Pawlu qal lil Barnaba: “Ejja nerġgħu mmorru nżuru lill-aħwa fil-bliet kollha fejn ippritkajna dwar il-kelma taʼ Ġeħova* ħa naraw kif inhuma.” 37  Barnaba insista li jieħdu magħhom ukoll lil Ġwanni, li jgħidulu wkoll Marku, 38  imma Pawlu ma qabilx, għax meta kienu l-Pamfilja hu telaqhom u ma marx jgħinhom jippritkaw. 39  Minħabba f’hekk, huma kellhom xi jgħidu sew, u għalhekk infirdu minn xulxin. Barnaba ħa lil Marku u vvjaġġa bil-baħar lejn Ċipru, 40  u Pawlu għażel lil Sila. Pawlu telaq wara li l-aħwa talbu lil Ġeħova* biex jieħu ħsiebu. 41  Hu għadda mis-Sirja u ċ-Ċiliċja jsaħħaħ lill-kongregazzjonijiet.

Noti taʼ taħt

Jew “dan l-argument.”
Jew “bdew jikkonvertu.”
Jew “diskussjoni twila.”
Jew “it-tinda; l-għarix.”
Jew “l-opinjoni.”
Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “maqtulin mingħajr ma jitneħħielhom id-demm.”
Jew “iħawdu lil ruħkom.”
Jew “maqtulin mingħajr ma jitneħħielhom id-demm.”
Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “Saħħa!”
Ara App. A3.