Dewteronomju 4:1-49

  • Jintqalilhom biex jobdu (1-14)

    • Tinsewx dak li għamel Alla (9)

  • Ġeħova jrid li jqimu lilu biss (15-31)

  • M’hemm ebda Alla ieħor ħlief Ġeħova (32-40)

  • Bliet taʼ refuġju n-naħa tal-Lvant tal-Ġordan (41-43)

  • Tiġi ppreżentata l-Liġi (44-49)

4  “Iżrael, isimgħu r-regoli u d-deċiżjonijiet ġudizzjali li qed ngħallimkom tobdu, sabiex tibqgħu ħajjin u tidħlu u tieħdu f’idejkom l-art li qed jagħtikom Ġeħova, l-Alla taʼ missirijietkom.  Iżżidu xejn mal-kliem li qed nikkmandakom, lanqas tnaqqsu minnu, sabiex tobdu l-kmandamenti taʼ Ġeħova l-Alla tagħkom li qed nikkmandakom.  “Għajnejkom stess raw dak li għamel Ġeħova fil-każ tal-Bagħal taʼ Pegħor. Ġeħova l-Alla tagħkom qered minn nofskom lil kull raġel li mexa wara l-Bagħal taʼ Pegħor.  Imma intom li bqajtu mqabbdin maʼ Ġeħova l-Alla tagħkom għadkom kollha ħajjin illum.  Jien għallimtkom ir-regoli u d-deċiżjonijiet ġudizzjali, bħalma kkmandani Ġeħova l-Alla tiegħi, biex tobduhom fl-art li se tieħdu f’idejkom.  Tridu timxu magħhom bir-reqqa, għaliex b’dan turu li għandkom l-għerf u li kapaċi tifhmu quddiem għajnejn il-popli li se jisimgħu dawn ir-regoli kollha, u jgħidu, ‘Dan il-poplu kbir bla dubju għandu l-għerf u kapaċi jifhem.’  Għax liema poplu kbir għandu allat qribu bħalma hu Ġeħova l-Alla tagħna kull meta ngħajtulu?  U liema poplu kbir għandu regoli u deċiżjonijiet ġudizzjali ġusti bħal din il-Liġi kollha li qed inpoġġi quddiemkom illum?  “Biss oqogħdu attenti. Agħmlu ċert li ma tinsewx l-affarijiet li rajtu b’għajnejkom ħalli ma jitbegħdux minn qalbkom il-jiem kollha taʼ ħajjitkom. Tridu wkoll tgħiduhom lit-tfal u n-neputijiet tagħkom. 10  Dakinhar li intom qgħadtu quddiem Ġeħova l-Alla tagħkom f’Ħoreb, Ġeħova qalli, ‘Iġborli n-nies flimkien ħalli jisimgħu kliemi, sabiex jitgħallmu jirrispettawni ħafna* l-jiem kollha li jkunu ħajjin fuq l-art u jgħallmu lit-tfal tagħhom.’ 11  “Għalhekk, intom ersaqtu qrib u qgħadtu n-naħa t’isfel tal-muntanja, u l-muntanja kienet qed taqbad bin-nar sas-sema. Kien hemm dlam u sħab iswed. 12  U Ġeħova beda jkellimkom minn ġon-nar. Smajtu lil xi ħadd jitkellem, imma ma stajtu taraw lil ħadd—kien hemm biss leħen. 13  Hu qalilkom il-patt tiegħu, li kkmandakom tobdu, jiġifieri l-Għaxar Kmandamenti.* Wara, kitibhom fuq żewġ twavel tal-ġebel. 14  F’dak iż-żmien, Ġeħova kkmandani ngħallimkom ir-regoli u d-deċiżjonijiet ġudizzjali, li għandkom tobdu fl-art li se tidħlu biex tiħduha f’idejkom. 15  “Għaldaqstant, ħudu ħsieb sew tagħkom infuskom,* ladarba ma rajtu lil ħadd dakinhar li Ġeħova kellimkom f’Ħoreb minn ġon-nar, 16  sabiex ma taġixxux b’mod mill-agħar billi tagħmlu xi statwa skolpita forma taʼ xi simbolu. Dan jinkludi xi ħaġa li tirrappreżenta raġel, mara, 17  annimal, għasfur, 18  xi ħaġa li titkaxkar fuq l-art, jew xi ħuta. 19  U meta tħarsu lejn is-sema u taraw ix-xemx, il-qamar, u l-istilel, jiġifieri kulma hemm fis-sema, titħajrux tmilu quddiemhom u taqduhom. Ġeħova l-Alla tagħkom tahom lill-popli kollha taħt is-sema. 20  Imma intom dawk li Ġeħova ħadkom u ħariġkom mill-forn li jdewweb il-ħadid, mill-Eġittu, biex issiru poplu bħala propjetà persunali* tiegħu bħalma intom illum. 21  “Ġeħova rrabja miegħi minħabba fikom, u ħalef li m’għandix naqsam il-Ġordan jew nidħol fl-art tajba li Ġeħova l-Alla tagħkom qed jagħtikom bħala wirt. 22  Għax jien se mmut f’din l-art. M’iniex se naqsam il-Ġordan, imma intom se taqsmu u tieħdu f’idejkom din l-art tajba. 23  Oqogħdu attenti biex ma tinsewx il-patt li Ġeħova l-Alla tagħkom għamel magħkom u tagħmlux għalikom infuskom statwa skolpita, il-forma taʼ kwalunkwe ħaġa li Ġeħova l-Alla tagħkom ikkmandakom biex ma tagħmlux. 24  Għax Ġeħova l-Alla tagħkom hu nar li jeqred, Alla li jrid li tqimu lilu biss. 25  “Anki meta tkunu ilkom tgħixu għal żmien twil f’din l-art u jkollkom it-tfal u n-neputijiet, jekk taġixxu b’mod mill-agħar u tagħmlu statwa skolpita taʼ kwalunkwe ħaġa, u tagħmlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova l-Alla tagħkom sabiex iġġegħluh jirrabja, 26  jien nieħu bħala xhieda kontrikom lil dawk kollha fis-sema u fl-art, u intom żgur li tinqerdu malajr minn fuq l-art li se taqsmu l-Ġordan biex tiħduha f’idejkom. Ma ddumux wisq fuqha, imma tinqerdu għalkollox. 27  Ġeħova jxerridkom fost il-popli, u ftit minnkom biss jibqgħu ħajjin fost il-popli fejn Ġeħova se jiħodkom. 28  Hemmhekk ikollkom taqdu lil allat tal-injam u l-ġebel magħmulin min-nies, allat li la jistgħu jaraw, la jisimgħu, la jieklu, u lanqas ixommu. 29  “Jekk tfittxu lil Ġeħova l-Alla tagħkom b’qalbkom kollha u b’ruħkom* kollha minn hemmhekk, żgur li ssibuh. 30  Meta fil-futur tkunu f’inkwiet kbir u għaddejtu minn dawn l-affarijiet kollha, imbagħad idduru lura lejn Ġeħova l-Alla tagħkom u tisimgħu leħnu. 31  Għax Ġeħova l-Alla tagħkom hu Alla ħanin. Mhux se jabbandunakom, jeqridkom, jew jinsa l-patt li ħalef lil missirijietkom. 32  “Issa staqsu dwar il-jiem tal-passat li seħħew qabilkom, minn dakinhar li Alla ħalaq il-bniedem fuq l-art. Fittxu minn tarf sa tarf tas-sema. Qatt ġrat xi ħaġa kbira bħal din jew qatt instemgħet xi ħaġa bħalha? 33  Kien hemm xi poplu ieħor li semaʼ leħen Alla jitkellem min-nar kif smajtuh intom, u baqaʼ ħaj? 34  Jew ipprova Alla jieħu poplu għalih innifsu minn fost poplu ieħor b’kastigi,* b’sinjali, b’mirakli, bi gwerra, b’id b’saħħitha u qawwija, u b’affarijiet tal-biżaʼ, bħalma Ġeħova l-Alla tagħkom għamel għalikom fl-Eġittu quddiem għajnejkom stess? 35  Lilkom intwerew dawn l-affarijiet sabiex tkunu tafu li Ġeħova hu l-Alla l-veru, u m’hemmx ieħor ħliefu. 36  Mis-sema ħalliekom tisimgħu leħnu sabiex jikkoreġikom, u fuq l-art ħalliekom taraw in-nar kbir tiegħu, u smajtu kliemu min-nar. 37  “Peress li ħabb lil missirijietkom u għażel lil dawk li kienu se jiġu minnhom biex ikunu l-poplu tiegħu, hu kien magħkom hekk kif ħariġkom mill-Eġittu bil-qawwa kbira tiegħu. 38  Minn quddiemkom keċċa popli akbar u iktar b’saħħithom minnkom, sabiex idaħħalkom u jagħtikom l-art tagħhom bħala wirt, bħalma qed jiġri llum. 39  Għaldaqstant, kunu afu llum u żommu f’moħħkom li Ġeħova hu l-Alla l-veru fis-sema u fuq l-art. M’hemmx ħliefu. 40  Għandkom tobdu r-regoli u l-kmandamenti tiegħu li qed nikkmandakom illum, biex intom u t-tfal tagħkom tirnexxu, u biex tibqgħu żmien twil fuq l-art li qed jagħtikom Ġeħova l-Alla tagħkom.” 41  Dik il-ħabta Mosè għażel tlett ibliet fin-naħa tal-Lvant tal-Ġordan. 42  Jekk xi ħadd joqtol lil sieħbu mhux apposta u ma kienx jobogħdu qabel, hu jrid jaħrab lejn waħda minn dawn il-bliet u jgħix. 43  Il-bliet huma Beser fid-deżert fuq il-pjanura fl-għoli għar-Rubenin, Ramot f’Gilegħad għall-Gadin, u Golan fil-Basan għall-Manassin. 44  Issa din hi l-Liġi li Mosè ppreżenta lill-poplu t’Iżrael. 45  Dawn huma t-tfakkiriet, ir-regoli, u d-deċiżjonijiet ġudizzjali li Mosè ta lill-Iżraelin wara li ħarġu mill-Eġittu, 46  ħdejn il-Ġordan, fil-wied quddiem Bet-pegħor, fl-art tar-Re Siħon tal-Amurrin, li kien jgħix f’Ħesbon u li kien megħlub minn Mosè u l-Iżraelin wara li ħarġu mill-Eġittu. 47  U huma ħadu f’idejhom artu u l-art tar-Re Għog tal-Basan, jiġifieri ż-żewġ rejiet tal-Amurrin li kienu fir-reġjun fil-Lvant tal-Ġordan, 48  minn Għarogħer, li qiegħda fix-xifer tal-Wied tal-Arnon, sal-Muntanja Sigħon, jiġifieri l-Ħermon, 49  u l-Għaraba kollha fir-reġjun fil-Lvant tal-Ġordan, u sal-Baħar tal-Għaraba,* in-naħa t’isfel tal-Pisga.

Noti taʼ taħt

Letteralment “jibżgħu minni.”
Letteralment “l-Għaxar Kelmiet.” Magħrufin ukoll bħala Dekalogu.
Jew “oqogħdu attenti għal ruħkom.”
Jew “bħala l-wirt.”
Jew “bi provi.”
Jiġifieri l-Baħar il-Mielaħ, jew il-Baħar il-Mejjet.