Lill-Efesin 4:1-32

  • Magħqudin fil-ġisem tal-Kristu (1-16)

    • Irġiel bħala rigali (8)

  • Il-personalità l-qadima u l-ġdida (17-32)

4  Għalhekk jien, li qiegħed il-ħabs għax dixxiplu tal-Mulej, nitlobkom bil-ħniena biex tgħixu kif jixraq skont dak li ġejtu magħżulin għalih,  jiġifieri dejjem uru umiltà u ħlewwa. Ukoll, għandkom tkunu paċenzjużi, tissaportu lil xulxin bl-imħabba,  u tkunu fil-paċi maʼ xulxin billi tagħmlu l-aħjar tagħkom biex iżżommu l-għaqda li jkollkom permezz tal-ispirtu qaddis.  Hemm ġisem wieħed u spirtu wieħed, bħalma teżisti tama waħda biss li għaliha ġejtu magħżulin;  hemm Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda;  Alla wieħed u Missier għal kulħadd, li hu fuq kulħadd, li jaħdem permezz tagħna, u l-qawwa tiegħu taħdem b’kull mod.  Lil kull wieħed minna, Alla wriena qalb tajba kbira. Dan nistgħu narawh minn kif Kristu qasam ir-rigal bejnietna.  Għax l-Iskrittura tgħid: “Meta telaʼ fl-għoli, ħa rġiel bħala lsiera u tahom bħala rigali.”  Issa xi tfisser il-kelma “telaʼ”? Li qabel hu niżel fuq l-art. 10  Dak li niżel fuq l-art kien l-istess wieħed li telaʼ ħafna iktar ’il fuq mis-sema, biex isir kollox permezz tiegħu. 11  Fost ir-rigali li ta hemm l-appostli, il-profeti, dawk li jippritkaw l-aħbar tajba, ir-ragħajja, u l-għalliema, 12  biex jgħinu lill-qaddisin jimxu fit-triq it-tajba,* biex jaqdu lil oħrajn, u biex isaħħu l-kongregazzjoni li hi bħall-ġisem tal-Kristu. 13  Huma se jibqgħu jagħmlu hekk sakemm ilkoll kemm aħna nkunu magħqudin f’dak li nemmnu u jkollna għarfien eżatt dwar l-Iben t’Alla. B’hekk insiru rġiel maturi, jiġifieri nilħqu l-livell taʼ maturità tal-Kristu. 14  Allura m’għandniex nibqgħu tfal mitfugħin ’l hemm u ’l hawn mill-mewġ u mkaxkrin minn kull tagħlim* minħabba l-qerq tan-nies u l-makakkerija tal-ingann tagħhom. 15  Imma għandna ngħidu l-verità u nuru l-imħabba, u b’hekk inkunu nistgħu nsiru maturi b’kull mod biex ngħixu skont il-Kristu, il-kap. 16  Aħna bħal ġisem, għax permezz tal-Kristu l-partijiet kollha taʼ dan il-ġisem huma magħqudin sew u jgħinuh biex jaħdem. Kieku kull parti taħdem kif suppost, dan il-ġisem jikber tajjeb ħafna u aħna se nħobbu lil xulxin. 17  Allura se ngħidilkom dan u nħeġġiġkom f’isem il-Mulej biex ma tibqgħux timxu bħall-popli, għax huma jgħixu biss skont ir-raġunar bla sens tagħhom. 18  Huma għandhom moħħhom imdallam u aljenati mill-ħajja li ġejja minn Alla, minħabba li ma jridux ikunu jafuh* u minħabba li qalbhom mhix sensittiva. 19  Huma m’għadx għandhom livelli morali. Huma ntefgħu jagħmlu dak li hu ħażin bla mistħija* biex b’regħba jagħmlu kull nuqqas taʼ ndafa.* 20  Imma intom tgħallimtu u tafu li l-Kristu mhux hekk. 21  Ġesù għallem il-verità, u jekk smajtu minnu u tgħallimtu permezz tiegħu, mela tafu sew dawn l-affarijiet. 22  Intom tgħallimtu li għandkom tinżgħu l-personalità l-qadima li taqbel maʼ kif kontu ġġibu ruħkom qabel u li qed titħassar bix-xewqat ħżiena tagħha. 23  U intom għandkom tibqgħu taħsbu b’mod differenti,* 24  u tilbsu l-personalità l-ġdida, jiġifieri l-personalità li Alla għamel skont dak li jrid hu. Din il-personalità hi vera ġusta u leali. 25  Għalhekk, minħabba li m’għadkomx tqarrqu, għidu l-verità lil xulxin, għax aħna partijiet differenti tal-ġisem li niddependu minn xulxin. 26  Jekk tirrabjaw, tidinbux; tħallux ix-xemx tinżel waqt li tkunu għadkom irrabjati; 27  tagħtux opportunità* lix-Xitan. 28  Min jisraq ħa ma jisraqx iktar, imma minflok ħa jaħdem iebes u jagħmel xogħol onest, ħalli jkollu xi ħaġa x’jagħti lil min hu fil-bżonn. 29  Tgħidu l-ebda kelma li mhix xierqa,* imma għidu biss dak li hu tajjeb biex isaħħaħ skont il-bżonn, biex jagħmel il-ġid lil min jisimgħu. 30  Ukoll, tagħmlux id-dwejjaq* lill-ispirtu qaddis t’Alla, li ġejtu ssiġillati bih għal jum li fih se tinħelsu permezz tal-fidwa.* 31  Tibqgħux iżżommu f’qalbkom, irrabjati, inkorlati, twerżqu, tgħajru, jew tagħmlu kwalunkwe ħaġa li tagħmel il-ħsara. 32  Imma uru qalb tajba maʼ xulxin, ħennu b’tenerezza, u aħfru lil xulxin mill-qalb bħalma Alla wkoll ħafrilkom mill-qalb permezz taʼ Kristu.

Noti taʼ taħt

Jew “jittrennjaw lill-qaddisin.”
Jew “riħ taʼ tagħlim.”
Letteralment “minħabba l-injoranza li qiegħda fihom.”
Bil-Grieg aselgeja. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Kondotta ħażina bla mistħija.”
Jew “biex jagħmlu kull nuqqas taʼ ndafa mingħajr ma jkunu jridu jieqfu.”
Jew “tiġġeddu fil-forza li qed tqanqal lil moħħkom.”
Jew “tagħtux wisaʼ.”
Letteralment “kelma mħassra.”
Jew “tnikktux.”