Lill-Galatin 6:1-18

  • Komplu għinu lil xulxin fid-diffikultajiet (1-10)

    • Dak li wieħed jiżraʼ, jaħsad (7, 8)

  • Iċ-ċirkonċiżjoni mhix importanti (11-16)

    • Ħolqien ġdid (15)

  • Il-konklużjoni (17, 18)

6  Ħuti, anki jekk xi ħadd jagħmel pass falz mingħajr ma jinduna, minħabba li intom maturi spiritwalment* ipprovaw ikkoreġuh bil-ħlewwa. Imma oqogħdu attenti li ma tiġux ittantati intom ukoll.  Komplu għinu lil xulxin fid-diffikultajiet tagħkom, b’hekk tkunu qed tobdu l-liġi tal-Kristu.  Għax jekk xi ħadd jaħseb li hu xi ħaġa meta m’huwiex, ikun qed iqarraq bih innifsu.  Imma kull wieħed ħa jeżamina dak li jagħmel hu stess, ħalli b’hekk jifraħ b’dak li għamel hu u mhux għax iqabbel lilu nnifsu m’oħrajn.  Għax kull wieħed se jkollu jagħmel dak li jitlob minnu Alla.*  Iktar minn hekk, kull min qed jiġi mgħallem il-kelma t’Alla għandu jaqsam l-affarijiet tajbin kollha maʼ dak li qed jgħallmu dawn l-affarijiet.  Titqarrqux: Alla ma jidħaq bih ħadd. Għax dak li wieħed jiżraʼ, jaħsad.  Min jimxi skont ix-xewqat tal-ġisem tiegħu se jaħsad il-qerda minħabba dawn ix-xewqat, imma min jimxi skont l-ispirtu qaddis t’Alla se jaħsad il-ħajja taʼ dejjem minħabba dan l-ispirtu.  Għalhekk, ejja ma niqfux nagħmlu dak li hu tajjeb, għax meta jasal iż-żmien inkunu nistgħu naħsdu jekk ma negħjewx.* 10  Mela la għad għandna l-opportunità,* ejja nagħmlu t-tajjeb maʼ kulħadd, imma speċjalment maʼ ħutna fil-fidi. 11  Jien stess ktibtha din l-ittra. Qed taraw kemm ktibt kbir? 12  Dawk kollha li jridu jidhru sbieħ minn barra jipprovaw iġegħlukom tagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni. Huma jagħmlu hekk għax ma jridux li jiġu ppersegwitati minħabba li huma dixxipli tal-Kristu li miet fuq zokk tat-tortura.* 13  Għax anki dawk li qed jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni ma jobdux il-Liġi, imma huma jridu lilkom tagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni ħalli jkunu jistgħu jiftaħru b’dak li għamlu lil ġisimkom. 14  Imma jien se niftaħar biss bil-Mulej tagħna Ġesù Kristu li miet fuq iz-zokk tat-tortura.* Għalija, id-dinja ġiet ikkundannata għall-mewt* permezz tiegħu, imma għad-dinja jien ġejt ikkundannat għall-mewt permezz tiegħu. 15  L-iktar importanti hu li tkun ħolqien ġdid, u mhux li tkun ċirkonċiż jew le. 16  Jalla dawk kollha li jimxu ma’ dan il-prinċipju, jiġifieri l-Iżrael t’Alla, ikollhom il-paċi u jintwerew ħniena. 17  Fuq ġismi għandi marki li juru li jien ilsir taʼ Ġesù, għalhekk minn issa ’l quddiem taqilgħulix problemi. 18  Ħuti, jalla l-Mulej tagħna Ġesù Kristu jurikom qalb tajba kbira hekk kif turu kwalitajiet tajbin. Ammen.

Noti taʼ taħt

Jew “li għandkom kwalifiki spiritwali.”
Letteralment “iġorr it-tagħbija tiegħu.”
Jew “ma naqtgħux qalbna.”
Letteralment “iż-żmien magħżul.”
Jew “imsammra maʼ zokk.”