Levitiku 7:1-38

  • L-istruzzjonijiet dwar l-offerti (1-21)

    • L-offerta għall-ħtija (1-10)

    • L-offerta tal-paċi (11-21)

  • Ipprojbit li jittiekel xaħam jew demm (22-27)

  • Is-sehem tal-qassisin (28-36)

  • Konklużjoni fuq l-offerti (37, 38)

7  “‘Din hi l-liġi tal-offerta għall-ħtija: Hi xi ħaġa mill-iktar qaddisa.  Fil-post fejn tinqatel l-offerta tal-ħruq tinqatel ukoll l-offerta għall-ħtija, u demmha jiġi mxerred maʼ kull naħa tal-artal.  Il-qassis* jippreżenta x-xaħam kollu, li jinkludi d-denb imxaħħam, ix-xaħam li jiksi l-imsaren,  u ż-żewġ kilwiet bix-xaħam taʼ fuqhom viċin il-ġenbejn. Hu jneħħi wkoll il-kliewi u x-xaħam tal-fwied.  Il-qassis jaħraqhom fuq l-artal bħala offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova. Din hi offerta għall-ħtija.  Irid jikolha kull raġel minn fost il-qassisin, u trid tittiekel f’post qaddis. Din hi xi ħaġa mill-iktar qaddisa.  Il-liġi dwar l-offerta għad-dnub tapplika wkoll għall-offerta għall-ħtija. Din issir tal-qassis li jagħmel it-tpattija biha.  “‘Meta l-qassis jippreżenta l-offerta tal-ħruq għal xi ħadd, il-ġilda tal-offerta tal-ħruq li ġiet ippreżentata lill-qassis issir tiegħu.  “‘Kull offerta taċ-ċereali* msajra fil-forn, ġol-borma, jew fuq il-pjanċa ssir tal-qassis li jippreżentaha. 10  Imma kull offerta taċ-ċereali li tkun imħallta biż-żejt jew li hi xotta tkun tat-tfal subien kollha t’Aron. Is-sehem taʼ kull wieħed minnhom ikun indaqs. 11  “‘Issa din hi l-liġi tas-sagrifiċċju tal-paċi li wieħed jistaʼ jippreżenta lil Ġeħova: 12  Jekk jippreżentah biex jesprimi ringrazzjament, hu jippreżenta flimkien mas-sagrifiċċju taʼ ringrazzjament ħobż bla ħmira forma taʼ ftira mħallat biż-żejt, galletti bla ħmira biż-żejt fuqhom, u ħobż forma taʼ ftira magħmul bi dqiq fin, imħallat sew biż-żejt. 13  Hu jippreżenta l-offerta tiegħu maʼ ħobż bil-ħmira forma taʼ ftira u s-sagrifiċċji tal-paċi b’sinjal taʼ ringrazzjament. 14  Minnha jrid jippreżenta waħda minn kull offerta bħala sehem sagru għal Ġeħova. Din tkun tal-qassis li jroxx id-demm tas-sagrifiċċji tal-paċi. 15  Il-laħam tas-sagrifiċċji tal-paċi tiegħu b’sinjal taʼ ringrazzjament għandu jittiekel dakinhar li joffrih. Ma jrid jerfaʼ xejn minnu għal filgħodu. 16  “‘Jekk is-sagrifiċċju tal-offerta tiegħu jkun wegħda jew offerta volontarja, għandu jittiekel dakinhar li hu jippreżenta s-sagrifiċċju tiegħu, u l-għada dak li jifdal minnu jistaʼ jittiekel ukoll. 17  Imma dak kollu li jifdal mil-laħam tas-sagrifiċċju fit-tielet jum għandu jinħaraq bin-nar. 18  Madankollu, jekk xi laħam tas-sagrifiċċju tal-paċi tiegħu jittiekel fit-tielet jum, min jippreżentah ma jiġix aċċettat b’approvazzjoni. Ma jibbenefikax minnu. Hi xi ħaġa moqżieża, u min jiekol ftit minnu jbati l-konsegwenzi tal-iżball tiegħu. 19  Il-laħam li jmiss maʼ xi ħaġa mhix nadifa m’għandux jittiekel. Għandu jinħaraq bin-nar. Kull min hu nadif jistaʼ jiekol il-laħam nadif. 20  “‘Imma kull persuna li mhix nadifa u li tiekol il-laħam tas-sagrifiċċju tal-paċi, li hu għal Ġeħova, trid tiġi maqtula.* 21  Jekk xi ħadd imiss xi ħaġa mhix nadifa, kemm jekk hi n-nuqqas taʼ ndafa taʼ bniedem jew annimal mhux nadif jew kwalunkwe ħaġa mhix nadifa li hi diżgustanti, u jiekol ftit mil-laħam tas-sagrifiċċju tal-paċi, li hu għal Ġeħova, din il-persuna trid tiġi maqtula.’”* 22  Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 23  “Għid lill-Iżraelin, ‘Tieklu ebda xaħam taʼ barri, muntun żgħir, jew bodbod. 24  Ix-xaħam t’annimal li jinstab mejjet u x-xaħam t’annimal li nqatel minn annimal ieħor jistaʼ jintuża għal kwalunkwe ħaġa oħra, imma qatt m’għandkom tikluh. 25  Għax kull min jiekol ix-xaħam t’annimal li jippreżenta bħala offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova, irid jiġi maqtul.* 26  “‘Tgħixu fejn tgħixu m’għandkom tieklu ebda demm, sew jekk tal-għasafar u sew jekk tal-annimali. 27  Kull persuna li tiekol xi demm, għandha tiġi maqtula.’”* 28  Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 29  “Għid lill-Iżraelin, ‘Kull min jippreżenta s-sagrifiċċju tal-paċi tiegħu lil Ġeħova, għandu jġib parti mis-sagrifiċċju tiegħu bħala offerta lil Ġeħova. 30  Hu jrid jieħu b’idejh stess ix-xaħam u s-sidra bħala offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova, u hu jxejjirha ’l quddiem u lura bħala offerta li tiġi mxejra quddiem Ġeħova. 31  Il-qassis jaħraq ix-xaħam fuq l-artal, imma s-sidra tkun t’Aron u tat-tfal tiegħu. 32  “‘Mis-sagrifiċċji tal-paċi tagħkom tagħtu s-sieq il-leminija bħala sehem sagru lill-qassis. 33  It-tifel t’Aron li jippreżenta d-demm tas-sagrifiċċji tal-paċi u x-xaħam ikollu s-sieq il-leminija bħala sehmu. 34  Għax is-sidra tal-offerta li tiġi mxejra u s-sieq tas-sehem sagru niħodhom mis-sagrifiċċji tal-paċi tal-Iżraelin, u nagħtihom lil Aron il-qassis u lit-tfal tiegħu, bħala liġi għal żmien twil għall-Iżraelin. 35  “‘Dan kien is-sehem mill-offerti li jiġu maħruqin għal Ġeħova li kellu jitwarrab għall-qassisin, għal Aron u t-tfal tiegħu, dakinhar li ppreżentahom biex jaqdu bħala qassisin għal Ġeħova. 36  Ġeħova kkmanda li jingħatalhom dan is-sehem mingħand l-Iżraelin dakinhar li ġew inkarigati* minnu. Din hi liġi għal dejjem għall-ġenerazzjonijiet tagħhom.’” 37  Din hi l-liġi dwar l-offerta tal-ħruq, l-offerta taċ-ċereali, l-offerta għad-dnub, l-offerta għall-ħtija, is-sagrifiċċju biex jiġu inkarigati l-qassisin, u s-sagrifiċċju tal-paċi, 38  bħalma Ġeħova kkmanda lil Mosè fuq il-Muntanja Sinaj dakinhar li kkmanda lill-Iżraelin biex jippreżentaw l-offerti tagħhom lil Ġeħova fid-deżert tas-Sinaj.

Noti taʼ taħt

Jew forsi “Min joffri l-offerta.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Jew “maqtugħa mill-poplu tagħha.”
Jew “maqtugħa mill-poplu tagħha.”
Jew “maqtugħ mill-poplu tiegħu.”
Jew “maqtugħa mill-poplu tagħha.”
Jew “midlukin.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.