Ittra lil-Lhud 5:1-14
5 Għax kull raġel li hu inkarigat bħala qassis kbir jaqdi lin-nies f’affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-qima tagħhom lejn Alla, ħalli jkun jistaʼ joffri rigali u sagrifiċċji għad-dnubiet tagħhom.
2 Hu kapaċi jittratta bi ħniena* lil dawk li jagħmlu dnub għax ma jafux aħjar minn hekk, peress li anki hu jiżbalja.*
3 Minħabba f’hekk, ikollu jagħmel offerti għad-dnubiet tiegħu stess bħalma jagħmel għan-nies.
4 Raġel ma jistax ikun qassis kbir minn jeddu, imma Alla biss jistaʼ jinkarigah, bħalma għamel lil Aron.
5 Anki l-Kristu, ma gglorifikax lilu nnifsu billi sar qassis kbir minn jeddu, imma kien igglorifikat minn Alla li qallu: “Int ibni; illum jien sirt missierek.”
6 Fi skrittura oħra jgħid ukoll: “Int qassis bħalma kien Melkisedek u se tkun qassis għal dejjem.”
7 Meta Kristu kien fid-dinja, hu talab bil-ħniena,* b’leħen għoli, u bid-dmugħ lill-Wieħed li setaʼ jsalvah mill-mewt. U peress li Kristu kien jirrispettah ħafna,* Alla semaʼ t-talb tiegħu.
8 Għalkemm kien Ibnu, hu tgħallem x’jiġifieri jobdi mit-tbatija li għadda minnha.
9 Wara li sar ikkwalifikat għalkollox, hu setaʼ jsalva għal dejjem lil dawk kollha li jobduh,
10 għax Alla għażlu biex ikun qassis kbir bħalma kien Melkisedek.
11 Għandna ħafna affarijiet x’ngħidu dwaru, imma hu diffiċli tispjegahom peress li mhux qed tagħmlu sforz biex tifhmu.
12 Għax għalkemm s’issa suppost sirtu għalliema, reġaʼ għandkom bżonn lil min jgħallimkom l-affarijiet bażiċi mill-kelma t’Alla, u sirtu bħal xi ħadd li għandu bżonn il-ħalib, u mhux l-ikel solidu.
13 Fil-fatt, min jibqaʼ jieħu l-ħalib biss mhux familjari mal-kelma t’Alla li tgħallimna x’inhu tajjeb, għax hu bħallikieku għadu tifel żgħir.
14 Imma l-ikel solidu hu għan-nies maturi, li tgħallmu kif jużaw il-mod taʼ kif jaħsbu u huma ttrennjati jagħrfu t-tajjeb mill-ħażin.
Noti taʼ taħt
^ Jew “b’mod ġentili.”
^ Jew “dgħajjef.”
^ Jew “issupplika u talab.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Talb bil-ħniena.”
^ Letteralment “jibżaʼ minnu.”