Ittra lil-Lhud 9:1-28

  • Ix-xogħol li għandu x’jaqsam mal-qima fit-tinda tal-art (1-10)

  • Kristu jidħol fis-sema permezz taʼ demmu (11-28)

    • Medjatur taʼ patt ġdid (15)

9  Għax il-patt taʼ qabel kellu liġijiet dwar il-qima* u kellu post qaddis fuq l-art.  Din it-tinda kienet mibnija f’żewġ partijiet. L-ewwel parti kienet tissejjaħ il-Post Qaddis u fiha kien hemm il-gandlier u l-mejda bil-ħobż tal-preżenza fuqha.  Imma wara t-tieni purtiera kien hemm it-tieni parti li tissejjaħ l-Iktar Qaddis.  Fiha kien hemm inċensier tad-deheb u l-arka tal-patt li kienet miksija bid-deheb. Fl-arka kien hemm il-ġarra tad-deheb li kien fiha l-manna, il-bastun t’Aron li warrad, u t-twavel tal-liġi.*  Fuqha kien hemm żewġ kerubini mill-isbaħ jgħattu l-għatu* tagħha bi ġwinħajhom. Imma issa mhux il-ħin li noqogħdu nitkellmu fid-dettall dwar dawn l-affarijiet.  Wara li dawn l-affarijiet inbnew b’dan il-mod, il-qassisin kienu jidħlu fil-Post Qaddis regolarment biex jagħmlu x-xogħol li għandu x’jaqsam mal-qima.*  Imma fl-Iktar Qaddis kien jidħol biss il-qassis il-kbir darba fis-sena. Hu kellu jieħu miegħu d-demm, li joffrih għalih u għad-dnubiet li jagħmlu n-nies fl-injoranza tagħhom.  B’hekk, l-ispirtu qaddis juri b’mod ċar li sakemm l-ewwel tinda* kienet għadha teżisti, ħadd ma ntwera t-triq biex jidħol fil-post qaddis.*  Din it-tinda tirrappreżenta dak li jeżisti bħalissa, u turi li r-rigali u s-sagrifiċċji li jiġu offruti ma jistgħux jagħtu kuxjenza nadifa b’mod perfett lir-raġel li qed jagħmel ix-xogħol li għandu x’jaqsam mal-qima. 10  Ir-rigali u s-sagrifiċċji għandhom x’jaqsmu biss mal-ikel, ix-xorb, u l-ħasil ċerimonjali differenti li kien isir. Dawn kienu liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-affarijiet fiżiċi, u kellhom jibqgħu saż-żmien magħżul biex l-affarijiet jiġu kif suppost. 11  Minkejja dan, Kristu sar qassis kbir u aħna diġà qed ingawdu l-barkiet. Meta sar qassis kbir, hu daħal fit-tinda li hi akbar u aqwa, li mhix magħmula mill-bnedmin u mhix minn din l-art. 12  Hu ma daħalx fil-Post Qaddis bid-demm tal-mogħoż u tal-barrin żgħar,* imma bid-demm tiegħu stess darba għal dejjem. B’hekk ħelisna* għal dejjem. 13  Għax jekk id-demm tal-mogħoż u tal-barrin u l-irmied taʼ baqra żgħira* jagħmlu nodfa f’għajnejn Alla lil dawk li ġew imniġġsin, 14  mela kemm iktar jistaʼ d-demm tal-Kristu jnaddfilna l-kuxjenza mill-affarijiet ħżiena kollha li għamilna, biex b’hekk inkunu nistgħu nqimu lill-Alla l-ħaj. Għax bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis hu ta ħajtu lil Alla bħala sagrifiċċju bla difett. 15  Hu għalhekk li Kristu hu medjatur* taʼ patt ġdid, ħalli dawk li ntgħażlu jkunu jistgħu jirċievu l-wegħda taʼ barkiet li jibqgħu għal dejjem. Dan kollu sar possibbli bil-mewt tiegħu bħala fidwa, li permezz tagħha ġew meħlusin min-nuqqasijiet li saru taħt il-patt taʼ qabel. 16  Għax meta jsir patt, il-persuna li tagħmlu trid tmut. 17  Għax il-patt ikun validu mal-mewt, peress li ma jibdiex japplika jekk il-persuna li tkun għamlitu tkun għadha ħajja. 18  Minħabba f’hekk, anki l-patt taʼ qabel kien validu* bid-demm. 19  Għax meta Mosè qal lill-poplu kollu l-kmandamenti kollha tal-Liġi, hu ħa d-demm tal-barrin żgħar u tal-mogħoż u ħalltu mal-ilma, imbagħad uża suf aħmar jgħajjat marbut maʼ zokk taż-żuf* biex iroxx id-demm fuq il-ktieb* tal-patt u n-nies kollha. 20  Hu qal: “Dan hu d-demm li għamel il-patt m’Alla validu. Hu jridkom li tobdu dan il-patt.” 21  Hu raxx id-demm ukoll fuq it-tinda u l-affarijiet li ntużaw għall-qima.* 22  Iva, skont il-Liġi kważi kollox jitnaddaf bid-demm, u jekk ma jixxerridx ma jkunx hemm maħfra. 23  Għalhekk, kien importanti ħafna li r-rappreżentazzjonijiet tal-affarijiet fis-sema jkunu mnaddfin permezz tas-sagrifiċċji tal-annimali, imma l-affarijiet tas-sema għandhom bżonn sagrifiċċji ħafna aħjar minn dawn. 24  Għax Kristu ma daħalx f’Post Qaddis magħmul mill-bnedmin, li jirrappreżenta l-post qaddis veru, imma daħal fis-sema, ħalli b’hekk ikun jistaʼ jidher quddiem Alla għalina. 25  Hu ma kienx se joffri lilu nnifsu ħafna drabi, bħalma kien jagħmel il-qassis il-kbir meta jidħol fil-Post Qaddis minn sena għall-oħra b’demm li mhux tiegħu. 26  Inkella kien ikollu jbati spiss mill-bidu tad-dinja.* Imma issa deher darba għal dejjem fit-tmiem taʼ dan iż-żmien* biex ineħħi d-dnub permezz tas-sagrifiċċju tiegħu stess. 27  Bħalma l-bniedem ikollu jmut darba biss, imma wara jiġi ġġudikat, 28  hekk ukoll il-Kristu offra lilu nnifsu darba għal dejjem biex iġorr id-dnubiet taʼ ħafna; u meta jidher it-tieni darba ma jkunx biex ineħħi d-dnub imma biex isalva lil dawk li qed jistennewh bil-ħeġġa.

Noti taʼ taħt

Jew “is-servizz qaddis.”
Letteralment “tal-patt.”
Il-kelma Griega għal ‘għatu’ tistaʼ tfisser ukoll sagrifiċċju li xi ħadd jagħmel biex Alla jaħfirlu.
Jew “jagħmlu s-servizz qaddis.”
Milli jidher dan jirreferi għal post qaddis fis-sema.
Din tirreferi għat-Tabernaklu fuq l-art.
Letteralment “fdiena.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Fidwa.”
Jew “tal-għoġġiela.”
Jew “għoġla.”
Letteralment “inawgurat.”
Jew “l-iskroll.”
Jew “għas-servizz qaddis.”
Dan qed jirreferi għat-tfal t’Adam u Eva.
Jew “tas-sistemi tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.