L-Aħbar Tajba Skont Luqa 10:1-42
10 Wara dan, il-Mulej għażel 70 oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien sejjer.
2 Imbagħad qalilhom: “Iva, ix-xogħol tal-ħsad hu kbir, imma l-ħaddiema huma ftit. Għalhekk, itolbu bil-ħniena lis-Sid tal-ħsad biex jibgħat iktar ħaddiema ħalli jiġbru l-ħsad tiegħu.
3 Morru u oqogħdu attenti għax qed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup.
4 Tiħdux borża tal-flus, basket tal-ikel, jew sandli żejjed, u ssellmu lil ħadd fit-triq.*
5 F’kull dar li tidħlu, l-ewwel għidu, ‘Jalla jkun hawn il-paċi f’din id-dar!’
6 U jekk ikun hemm min iħobb il-paċi, dan jibbenefika miż-żjara tagħkom, imma jekk le, ma jibbenefikax minnha.
7 Għalhekk, oqogħdu fid-dar fejn hemm min iħobb il-paċi, u kulu u ixorbu dak li jagħtukom, għax il-ħaddiem ħaqqu l-ħlas tiegħu. Toqogħdux tfittxu dar oħra fejn toqogħdu.
8 “Ukoll, f’kull belt li tidħlu u jilqgħukom, kulu dak li jagħtukom,
9 fejqu lill-morda, u għidulhom, ‘Is-Saltna t’Alla hi qrib.’
10 Imma f’kull belt li tidħlu u ma jilqgħukomx, morru fit-toroq prinċipali tagħha u għidu,
11 ‘Bħala twissija kontrikom, aħna se nfarfru anki t-trab li weħel maʼ saqajna mill-belt tagħkom.* Minkejja dan, kunu afu li s-Saltna t’Alla hi qrib.’
12 Nassigurakom li Jum il-Ġudizzju se jkun iktar diffiċli għal din il-belt milli għal Sodoma.
13 “Ħażin għalikom nies taʼ Korażin u Betsajda! Għax kieku l-affarijiet tal-għaġeb li rajtu intom rawhom in-nies taʼ Tir u Sidon, kieku ilhom li nidmu, libsu l-ixkora, u qagħdu bilqiegħda fl-irmied.
14 Nassigurakom li Jum il-Ġudizzju se jkun iktar diffiċli għalikom milli għal Tir u Sidon.
15 U intom, nies taʼ Kafarnahum, taħsbu li se tingħataw pożizzjoni għolja? Le! Intom se tiġu mitfugħin fil-Qabar!*
16 “Min jismaʼ lilkom, jismaʼ lili. U min ma jagħtix kaskom, ma jagħtix kasi wkoll. Iktar minn hekk, min ma jagħtix kasi, ma jagħtix kas ukoll lil dak li bagħatni.”
17 Imbagħad is-70 ġew lura ferħanin u qalulu: “Mulej, anki d-demonji jobduna meta nikkmandawhom f’ismek.”
18 Għal dan hu qalilhom: “Jien diġà qed nara lil Satana jaqaʼ bħal sajjetta mis-sema.
19 Jien tajtkom l-awtorità biex tgħaffġu taħt saqajkom sriep u skorpjuni, u tajtkom l-awtorità fuq il-qawwa kollha tal-għedewwa. Xejn mhu se jagħmlilkom il-ħsara.
20 Imma tifirħux minħabba li l-ispirti ħżiena qed jobdukom, minflok, ifirħu għax isimkom ġie miktub fis-sema.”
21 Dak il-ħin stess Ġesù ħassu ferħan ħafna permezz tal-ispirtu qaddis u qal: “Jien infaħħrek quddiem kulħadd Missier, Mulej tas-sema u l-art, għax int ħbejt dawn l-affarijiet min-nies għorrief u intelliġenti, imma wrejthom lil dawk li huma bħal tfal żgħar. Iva Missier, għax int hekk xtaqt li jsir.
22 Jien irċivejt kollox mingħand Missieri, u ħadd ma jafni* sew ħlief Missieri, u ħadd ma jaf lil Missieri sew ħlief jien u dawk li jien nurihom min hu.”
23 Imbagħad kellem lid-dixxipli meta kienu waħedhom u qalilhom: “Ferħanin huma dawk li jaraw dak li qed taraw intom.
24 Infatti ħafna profeti u nies sewwa xtaqu jaraw l-affarijiet li qed taraw intom u jisimgħu l-affarijiet li qed tisimgħu intom.”
25 Wieħed raġel li kien jaf il-Liġi sew qam biex jittestjah u qal: “Għalliem, x’għandi nagħmel biex ngħix għal dejjem?”
26 Hu qallu: “X’hemm miktub fil-Liġi? X’fhimt minn dak li qrajt?”
27 Dan wieġbu: “‘Għandek tħobb lil Ġeħova* l-Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek* kollha, b’saħħtek kollha, u b’moħħok kollu’ u ‘għandek tħobb lil ħaddieħor bħalek innifsek.’”
28 Ġesù qallu: “Sewwa wiġibt. Ibqaʼ agħmel hekk u tgħix għal dejjem.”
29 Imma peress li ried juri li hu ġust, ir-raġel qal lil Ġesù: “Lil min verament għandi nħobb?”
30 Ġesù wieġbu: “Wieħed raġel kien nieżel lejn Ġeriko minn Ġerusalemm u ġie attakkat mill-ħallelin. Dawn neżżgħuh, sawtuh, u telqu. Huma ħallewh nofsu mejjet.
31 B’kumbinazzjoni, kien hemm qassis nieżel minn dik it-triq, imma xħin rah, qasam għan-naħa l-oħra u baqaʼ għaddej.
32 L-istess għamel wieħed Levita, xħin rah, qasam għan-naħa l-oħra u baqaʼ għaddej.
33 Imma kien hemm Samaritan li xħin għadda minn hemm u rah, tħassru.
34 Għalhekk, mar ħdejh, ferraʼ ż-żejt u l-inbid fuq il-feriti tiegħu, u nfaxxahomlu. Imbagħad tellgħu fuq il-ħmar tiegħu stess, ħadu f’lukanda, u ħa ħsiebu.
35 U l-għada ta żewġ dinari* lil dak li jieħu ħsieb il-lukanda u qallu: ‘Ħu ħsiebu, u jekk tonfoq iktar minn hekk, inħallsek meta nerġaʼ niġi.’”
36 Imbagħad Ġesù staqsa: “Liema wieħed minn dawn it-tlieta wera mħabba mar-raġel li ġie attakkat mill-ħallelin?”
37 Dan qal: “Dak li wera ħniena miegħu.” Imbagħad Ġesù qallu: “Mur u agħmel l-istess.”
38 Huma komplew fi triqithom u daħlu f’raħal. Hemmhekk mara jisimha Marta laqgħetu f’darha.
39 Hi kellha oħtha jisimha Marija, u din poġġiet ħdejn saqajn il-Mulej u qagħdet tismaʼ x’kien qed jgħid.
40 Imma Marta kienet aljenata tipprepara ħafna affarijiet. Għalhekk marret fuqu u qaltlu: “Mulej, ma jimpurtakx li oħti ħallietni nieħu ħsieb kollox waħdi? Għidilha tiġi tgħinni.”
41 Il-Mulej wiġibha: “Marta, Marta, int ansjuża u mifxula dwar ħafna affarijiet.
42 Aħna m’għandniex bżonn ħafna affarijiet, ħaġa waħda tkun biżżejjed. Min-naħa tagħha, Marija għażlet l-iktar ħaġa importanti,* u mhux se tittieħed mingħandha.”
Noti taʼ taħt
^ Jew “tgħannqu lil ħadd biex issellmulu.”
^ Jiġifieri huma ma jkunux responsabbli għall-konsegwenzi tan-nies.
^ Jew “f’Ħades,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “jaf l-Iben.”
^ Jew “għażlet l-aħjar sehem.”