L-Aħbar Tajba Skont Luqa 11:1-54
-
Kif għandu jsir it-talb (1-13)
-
It-talba tal-Missierna (2-4)
-
-
Id-demonji jitkeċċew permezz tal-qawwa t’Alla (14-23)
-
Spirtu ħażin jerġaʼ jmur fir-raġel (24-26)
-
Ferħ veru (27, 28)
-
Ġona ġie mqajjem bħala miraklu (29-32)
-
L-għajnejn huma bħal dawl għall-ġisem (33-36)
-
Ħażin għall-mexxejja reliġjużi ipokriti (37-54)
11 Darba minnhom hu kien f’post jitlob, u xħin kien lest, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Mulej, għallimna kif nitolbu, bħalma Ġwanni għallem lid-dixxipli tiegħu.”
2 Għalhekk qalilhom: “Meta titolbu, għidu: ‘Missier, ħa jitqaddes* ismek. Ħa tiġi Saltnatek.*
3 Agħtina l-ikel* li jkollna bżonn kuljum.
4 Aħfrilna d-dnubiet tagħna, għax aħna wkoll naħfru lil kull min jidneb kontrina;* u tħalliniex naqgħu fit-tentazzjoni.’”
5 Imbagħad qalilhom: “Ejja ngħidu li wieħed minnkom imur għand ħabib f’nofsillejl u jgħidlu, ‘Agħtini tliet ħobżiet,
6 għax għadu kif ġie għandi ħabib tiegħi li qed jivvjaġġa u m’għandi xejn x’nagħtih.’
7 Imma dan iwieġeb minn ġod-dar, ‘Tibqax iddejjaqni. Il-bieb diġà msakkar, u t-tfal żgħar tiegħi qegħdin fis-sodda miegħi. Ma nistax inqum nagħtik.’
8 Naċċertakom li hu se jqum jagħtikom l-affarijiet li tridu mhux għax intom il-ħbieb tiegħu, imma għax bqajtu tippersistu.
9 Għalhekk ibqgħu itolbu u tirċievu, ibqgħu fittxu u ssibu, u ibqgħu ħabbtu fuq il-bieb u jinfetħilkom.
10 Għax kull min jitlob, jaqlaʼ; kull min ifittex, isib; u kull min iħabbat fuq il-bieb, jinfetaħlu.
11 Infatti, jekk it-tifel tagħkom jitlobkom ħuta, se tagħtuh serp minflok?
12 Jew jekk jitlobkom bajda, se tagħtuh skorpjun?
13 Għalhekk, jekk intom, għalkemm tagħmlu affarijiet ħżiena,* tafu tagħtu affarijiet tajbin lit-tfal tagħkom, mela żgur li Missierkom li hu fis-sema se jagħti l-ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh!”
14 Iktar tard hu keċċa minn raġel demonju li ma kienx iħallih jitkellem. Wara li d-demonju ħareġ, ir-raġel beda jitkellem, u l-folol baqgħu mistagħġbin.
15 Imma xi ftit minnhom bdew jgħidu: “Hu jkeċċi d-demonji bis-saħħa taʼ Begħelżebub,* il-mexxej tad-demonji.”
16 U oħrajn biex jittestjawh bdew jitolbuh jagħmel miraklu f’isem Alla.
17 Peress li kien jaf x’qed jaħsbu, qalilhom: “Saltna tispiċċa jekk in-nies tagħha jiġġieldu bejniethom, u familja titkisser jekk il-membri tagħha jiġġieldu bejniethom.
18 Bl-istess mod, jekk Satana jiħodha kontra tiegħu nnifsu, is-saltna tiegħu tispiċċa. Għax intom tgħidu li jien inkeċċi d-demonji permezz taʼ Begħelżebub.
19 Jekk jien inkeċċi d-demonji permezz taʼ Begħelżebub, id-dixxipli tagħkom permezz taʼ min ikeċċuhom? Għalhekk, huma stess se juru li intom żbaljati.
20 Imma jekk hu permezz tal-qawwa* t’Alla li jien inkeċċi d-demonji, dan ifisser li s-Saltna t’Alla* waslet u intom lanqas indunajtu.
21 Meta raġel b’saħħtu u armat sew joqgħod għassa mal-palazz tiegħu, ħadd ma jkun jistaʼ jisraqlu l-affarijiet li għandu.
22 Imma meta jmur xi ħadd kontrih iktar b’saħħtu minnu u jirbaħlu, dan jiħodlu l-armi kollha li kien jafda fihom u jqassam l-affarijiet li jkun ħadlu.
23 Min mhux miegħi, hu kontra tiegħi, u min ma jgħinx lin-nies jiġu għandi, ikun qed ibegħedhom minni.
24 “Meta spirtu ħażin* joħroġ minn raġel, dan l-ispirtu jgħaddi minn deżert ifittex post fejn jistrieħ, u xħin ma jsibx, jgħid: ‘Ħa mmur lura fir-raġel li kont fih.’
25 Meta jmur lura jsib li r-raġel hu bħal dar li ma joqgħod fiha ħadd, nadifa, u mżejna.
26 Imbagħad imur u jieħu miegħu sebaʼ spirti iktar ħżiena minnu, jidħlu fir-raġel, u jibdew jgħixu hemm. Għalhekk, is-sitwazzjoni tar-raġel tispiċċa agħar milli kienet fil-bidu.”
27 Hekk kif kien qed jgħid dawn l-affarijiet, mara mill-folla qaltlu b’leħen għoli: “Ferħana hi l-mara li wellditek u li tatek il-ħalib!”
28 Imma hu qalilha: “Ikun iktar ferħan min jismaʼ l-kelma t’Alla u jobdiha!”
29 Waqt li iktar nies bdew jinġabru flimkien, hu beda jgħid: “Din il-ġenerazzjoni hi ħażina, għax trid tara miraklu. Imma mhu se tirċievi l-ebda miraklu ħlief il-miraklu li ġara lil Ġona.
30 Għax bħalma Ġona ġie mqajjem bħala miraklu għan-nies taʼ Ninwe, hekk ukoll jien, Bin il-bniedem, se niġi mqajjem bħala miraklu għal din il-ġenerazzjoni.
31 Ir-reġina taʼ Xeba* se tiġi rxoxtata f’Jum il-Ġudizzju man-nies taʼ din il-ġenerazzjoni u tikkundannahom, għax hi vvjaġġat mill-bogħod ħafna biex tismaʼ l-għerf taʼ Salamun. Imma hawnhekk hawn xi ħadd iktar importanti minn Salamun.
32 In-nies taʼ Ninwe se jiġu rxoxtati f’Jum il-Ġudizzju maʼ din il-ġenerazzjoni u jikkundannawha, għax huma nidmu meta Ġona ppritkalhom. Imma hawnhekk hawn xi ħadd iktar importanti minn Ġona.
33 Meta persuna tixgħel lampa, ma tqegħedhiex f’post moħbi jew taħt xi qoffa, imma fuq gandlier, biex dawk li jidħlu ġewwa jkunu jistgħu jaraw id-dawl.
34 Għajnejkom huma bħal dawl għall-ġisem. Mela meta għajnejkom ikunu ffokati,* ġisimkom kollu jkun fid-dawl; imma meta għajnejkom ikunu għajjurin,* ġisimkom ikun fid-dlam.
35 Għalhekk, oqogħdu attenti li d-dawl li qed taħsbu li għandkom ma jkunx dlam.
36 Għalhekk, jekk ġisimkom kollu jiddi u m’hemm ebda parti minnu fid-dlam, dan se jkun jiddi daqs lampa mixgħula.”
37 Meta qal dan, Fariżew staqsieh biex imur jiekol għandu. Għalhekk, hu mar u qagħad mal-mejda.
38 Imma l-Fariżew kien sorpriż meta ra li hu ma ħasilx idejh* qabel l-ikel.
39 Imma l-Mulej qallu: “Intom il-Fariżej tnaddfu t-tazza u l-platt minn barra, imma minn ġewwa tħalluhom maħmuġin ħafna. Dan għax intom ħżiena u rgħiba.
40 Ja nies bla raġuni! Il-wieħed li għamel il-ġisem għamel ukoll il-qalb.
41 Jekk tagħmlu t-tajjeb maʼ min hu fqir* minn qalbkom, intom se tkunu nodfa minn kollox.
42 Imma ħażin għalikom Fariżej, għax intom tagħtu għaxra fil-100 tan-nagħniegħ, tal-fejġel, u taʼ kull ħaxixa oħra, imma ma tagħtux kas il-ġustizzja u l-imħabba t’Alla! Veru li hemm bżonn tagħtu għaxra fil-100 taʼ dawn l-affarijiet, imma m’għandkomx twarrbu l-affarijiet l-oħra.
43 Ħażin għalikom Fariżej, għax intom tħobbu s-siġġijiet taʼ quddiem* fis-sinagogi u li n-nies isellmulkom fis-suq!
44 Ħażin għalikom, għax intom bħall-oqbra* li ma jidhrux faċilment, li n-nies jimxu fuqhom mingħajr ma jkunu jafu!”
45 Wieħed minn dawk li jafu sew il-Liġi qallu: “Għalliem, b’dan li qed tgħid qed tgħajjar lilna wkoll.”
46 Imbagħad wieġbu: “Ħażin għalikom intom li tafu sew il-Liġi, għax tgħabbu lin-nies b’ħafna regoli, imma intom stess m’intomx lesti li terfgħuhom b’subaʼ wieħed!*
47 “Ħażin għalikom, għax intom tibnu l-oqbra* tal-profeti, imma l-antenati tagħkom qatluhom!
48 Intom xhieda taʼ dak li għamlu l-antenati tagħkom, u minkejja dan taqblu magħhom. Huma qatlu lill-profeti u intom qed tibnulhom l-oqbra.
49 Hu għalhekk li Alla wera l-għerf meta qal: ‘Jien se nibagħtilhom profeti u appostli, u huma se joqtlu u jippersegwitaw lil xi wħud minnhom.
50 B’hekk, din il-ġenerazzjoni se tinżamm responsabbli għall-qtil* tal-profeti kollha sa mill-bidu tad-dinja,*
51 minn Abel sa Żakkarija, li nqatel bejn l-artal u t-tempju.’ Iva, naċċertakom li din il-ġenerazzjoni se tiġi kkastigata għall-qtil tagħhom.
52 “Ħażin għalikom intom li tafu sew il-Liġi, għax m’intomx tħallu lin-nies ikollhom l-opportunità li jieħdu l-għarfien dwar Alla. Intom ma tidħlux fis-Saltna t’Alla,* u qed twaqqfu lil dawk li qed jipprovaw jidħlu!”
53 Għalhekk meta ħareġ minn hemm, l-iskribi u l-Fariżej daru miegħu, bdew irossuh, u jistaqsuh ħafna iktar mistoqsijiet
54 biex jistennewh jgħid xi ħaġa li jkunu jistgħu jakkużawh biha.
Noti taʼ taħt
^ Jew “jiġi rrispettat; jiġi onorat.”
^ Jew “il-Gvern (it-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “il-ħobż.”
^ Letteralment “għandu d-dejn magħna.”
^ Letteralment “għalkemm ħżiena.”
^ Titlu għal Satana.
^ Letteralment “tas-subaʼ.”
^ Jew “il-Gvern (it-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “mhux nadif.”
^ Letteralment “Ir-reġina tan-Nofsinhar.”
^ Letteralment “sempliċi.”
^ Letteralment “ħżiena; mill-agħar.”
^ Dan jirreferi għal li jnaddaf idejh b’mod ċerimonjali skont it-tradizzjoni tal-Lhud.
^ Jew “tagħtu rigali taʼ ħniena.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “l-aqwa siġġijiet.”
^ Jew “bħall-oqbra tat-tifkira.”
^ Dan jistaʼ jirreferi għal li ma kinux lesti jħaffu t-toqol t’oħrajn.
^ Jew “l-oqbra tat-tifkira.”
^ Jew “se jintalab minnha d-demm li xxerred.”
^ Dan qed jirreferi għat-tfal t’Adam u Eva.
^ Letteralment “għax ħadtu ċ-ċavetta tal-għarfien; intom stess ma dħaltux.”