L-Aħbar Tajba Skont Luqa 20:1-47

  • Jisfidaw l-awtorità taʼ Ġesù (1-8)

  • L-eżempju tal-bdiewa qattiela (9-19)

  • Alla u Ċesari (20-26)

  • Mistoqsija dwar l-irxoxt (27-40)

  • Hu l-Kristu t-tifel taʼ David? (41-44)

  • Iwissi kontra l-iskribi (45-47)

20  Darba minnhom, waqt li kien qed jgħallem fit-tempju u jipprietka l-aħbar tajba, marru ħdejh il-qassisin importanti, l-iskribi, u l-anzjani,*  u qalulu: “B’liema awtorità tagħmel dawn l-affarijiet u min tahielek din l-awtorità?”  Hu qalilhom: “Wiġbuli din il-mistoqsija l-ewwel:  Min bagħat lil Ġwanni biex jgħammed? L-Alla tas-sema jew in-nies?”  Huma bdew jirraġunaw bejniethom: “Jekk ngħidulu, ‘Alla,’ jgħidilna, ‘Mela allura, għala m’emmintuhx?’  Imma jekk ngħidu, ‘In-nies,’ il-folla twaddbilna l-ġebel u toqtolna, għax hi konvinta li Ġwanni kien profeta.”  Għalhekk, wiġbuh li ma kinux jafu min bagħtu.  Ġesù qalilhom: “Lanqas jien mhu se ngħidilkom b’liema awtorità nagħmel dawn l-affarijiet.”  Imbagħad hu ta lin-nies dan l-eżempju: “Raġel ħawwel għalqa bid-dwieli, ħallieha f’idejn xi bdiewa, u siefer għal tul taʼ żmien. 10  Meta kien iż-żmien li jinqataʼ l-għeneb, hu bagħat ilsir għand il-bdiewa biex jiġborlu sehmu mill-frott. Imma huma sawtuh u bagħtuh b’idu vojta. 11  Hu reġaʼ bagħtilhom ilsir ieħor. U anki lil dan sawtuh, umiljawh, u bagħtuh b’idu vojta. 12  Hu reġaʼ bagħtilhom ilsir ieħor, it-tielet wieħed, u lil dan weġġgħuh serjament u tefgħuh ’il barra. 13  Għal dan, sid l-għalqa qal, ‘X’se nagħmel? Issa nibgħat lit-tifel għażiż tiegħi. Lil dan għandhom jirrispettawh.’ 14  Meta l-bdiewa rawh, huma rraġunaw bejniethom, ‘Dan li se jiret l-għalqa tad-dwieli. Ejja noqtluh u nieħdu l-wirt aħna.’ 15  Għalhekk tefgħuh ’il barra mill-għalqa u qatluh. X’taħsbu li se jagħmlilhom sid l-għalqa? 16  Hu jmur u joqtol lill-bdiewa, u jagħti l-għalqa tad-dwieli lil ħaddieħor.” Meta semgħu hekk, qalulu: “Jalla qatt ma jiġri dan!” 17  Imma hu ħares lejhom u qal: “Allura, xi tfisser din l-iskrittura, ‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret l-iktar ġebla importanti* tal-bini? 18  Kull min jaqaʼ fuq din il-ġebla jitfarrak, u fuq min taqaʼ tgħaffġu.” 19  Meta semgħu dan l-eżempju, l-iskribi u l-qassisin importanti ndunaw li kien qed jgħid għalihom, għalhekk xtaqu jarrestawh dak il-ħin, imma bdew jibżgħu min-nies. 20  Huma kienu qed ifittxu opportunità biex iqarrqu b’Ġesù. Għalhekk, ħallsu lil xi nies biex jilagħbuha taʼ nies sewwa ħalli jġiegħlu lil Ġesù jgħid xi ħaġa li jistgħu jakkużawh biha u jagħtuh f’idejn l-awtoritajiet u l-gvernatur. 21  Huma qalulu: “Għalliem, aħna nafu li int tgħid u tgħallem il-verità, ma turix preferenzi, u tgħallem il-verità dwar Alla.” 22  Imbagħad staqsewh: “Skont il-Liġi, għandna* nħallsu t-taxxa* lil Ċesari jew le?” 23  Imma hu nduna bil-ħażen tagħhom u qalilhom: 24  “Uruni dinar.* Dan il-wiċċ u l-isem taʼ min huma?” Qalulu: “Taʼ Ċesari.” 25  Hu qalilhom: “Mela agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla.” 26  Huma ma setgħu jakkużawh b’xejn quddiem in-nies, anzi baqgħu mbellhin bil-mod kif wiġibhom, u ma qalu xejn iktar. 27  Madankollu, xi wħud mis-Sadduċej, li ma kinux jemmnu bl-irxoxt, marru u staqsewh: 28  “Għalliem, Mosè kitbilna li jekk xi ħadd imut u ma jkollux tfal, ħuh għandu jiżżewweġ lill-mara tiegħu u jkollu t-tfal għal ħuh. 29  Kien hemm sebaʼ aħwa. L-ewwel wieħed iżżewweġ, imma miet mingħajr tfal. 30  Għalhekk iżżewwiġha t-tieni wieħed, imma anki dan miet. 31  It-tielet wieħed ġralu l-istess. Fil-fatt, is-sebgħa li huma żżewġuha u mietu bla tfal. 32  Imbagħad anki l-mara mietet. 33  Allura fl-irxoxt, il-mara taʼ min se tkun peress li żżewġuha s-sebgħa li huma?” 34  Ġesù qalilhom: “In-nies taʼ din id-dinja* jiżżewġu, 35  imma dawk li ħaqqhom jiġu rxoxtati mill-mewt u jgħixu fiż-żmien li ġej mhux se jiżżewġu. 36  Fil-fatt, ma jistgħux jerġgħu jmutu, għax huma bħall-anġli, u peress li se jiġu rxoxtati se jkunu t-tfal t’Alla. 37  Imma dwar li l-mejtin se jiġu mqajmin, anki Mosè tkellem dwarhom fir-rakkont dwar l-għollieqa, meta rrefera għal Ġeħova* bħala ‘l-Alla t’Abraham, l-Alla taʼ Iżakk, u l-Alla taʼ Ġakobb.’ 38  Hu l-Alla tal-ħajjin u mhux tal-mejtin, għax għalih* kollha ħajjin.” 39  Xi skribi wiġbuh: “Sewwa għedt, Għalliem.” 40  Għax huma ma kellhomx il-kuraġġ jistaqsuh mistoqsija oħra. 41  Imbagħad hu staqsiehom: “Kif jgħidu li l-Kristu hu bin David? 42  Fil-ktieb tas-Salmi, David stess qal, ‘Ġeħova* qal lill-Mulej tiegħi, Oqgħod bilqiegħda fuq il-lemin tiegħi 43  sakemm inpoġġi l-għedewwa tiegħek bħala banketta għal saqajk.’ 44  Għalhekk, jekk David irrefera għall-Kristu bħala Mulej, kif jistaʼ jkun li hu t-tifel tiegħu?” 45  Imbagħad, waqt li n-nies kollha kienu qed jisimgħu, hu qal lid-dixxipli tiegħu: 46  “Oqogħdu attenti mill-iskribi li jieħdu gost jippassiġġaw bi lbiesi twal, li jħobbu li n-nies isellmulhom fis-suq, li jħobbu s-siġġijiet taʼ quddiem* fis-sinagogi, u li jħobbu l-iktar postijiet importanti fl-ikliet taʼ filgħaxija. 47  Huma jaħtfu d-djar* tar-romol u jgħidu talb twil għal għajn in-nies. Dawn se jirċievu kastig akbar.”

Noti taʼ taħt

Din il-ġebla titpoġġa fil-kantuniera taʼ fuq nett taʼ bini, fejn jiltaqgħu żewġ ħitan.
Jew “hu tajjeb li.”
Milli jidher din kienet taxxa li kellu jagħtiha kull individwu.
Jew “It-tfal taʼ din is-sistema tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “mill-ħarsa tiegħu.”
Jew “l-aqwa siġġijiet.”
Jew “il-propjetà.”