L-Aħbar Tajba Skont Luqa 24:1-53
24 Imma fl-ewwel jum tal-ġimgħa,* huma marru ħdejn il-qabar* kmieni filgħodu u ħadu magħhom il-ħwawar li ppreparaw.
2 Imma huma sabu l-ġebla mgerba minn quddiem il-qabar,*
3 u meta daħlu, ma sabuhx il-ġisem tal-Mulej Ġesù.
4 Waqt li kienu mħawdin dwar dan, żewġt irġiel marru ħdejhom lebsin ħwejjeġ jiddu.
5 In-nisa bdew jibżgħu u żammew rashom baxxuta. Għalhekk l-irġiel qalulhom: “Għala qed tfittxu lil dak li hu ħaj fost il-mejtin?
6 Hu mhux qiegħed hawn, għax ġie mqajjem. Ftakru li meta kien għadu fil-Galilija qalilkom
7 li hu, Bin il-bniedem, se jingħata f’idejn nies midinbin,* jiġi maqtul fuq zokk, u fit-tielet jum jiġi rxoxtat.”
8 Imbagħad huma ftakru x’kien qalilhom,
9 telqu minn ħdejn il-qabar,* u marru jgħidu dawn l-affarijiet lill-Ħdax u l-kumplament tad-dixxipli.
10 Dawk li qalu lill-appostli kienu Marija l-Maddalena, Ġwanna, Marija omm Ġakbu, u l-kumplament tan-nisa li kienu magħhom.
11 Imma dak li qalu ma kienx jagħmel sens għalihom u m’emmnuhomx.
12 Imma Pietru qam, ġera lejn il-qabar,* ittawwal ġewwa, u ra d-drapp tal-għażel biss. Għalhekk, telaq minn hemm u beda jipprova jifhem x’kien ġara.
13 Dakinhar stess, żewġ dixxipli kienu qed jivvjaġġaw lejn raħal jismu Għemmaws, li kien xi 11-il kilometru* minn Ġerusalemm.
14 Huma kienu qed jitkellmu dwar l-affarijiet kollha li ġraw.
15 Waqt li kienu qed jitkellmu, Ġesù mar ħdejhom u beda miexi magħhom,
16 imma huma ma setgħux jagħrfuh.
17 Hu qalilhom: “Fuqiex qed tiddiskutu?” Huma waqfu u dehru mdejqin.
18 Wieħed minnhom li jismu Kleofa wieġbu: “Int xi barrani li qed tgħix għalik waħdek f’Ġerusalemm biex ma tafx x’ġara* dan l-aħħar?”
19 Hu staqsiehom: “Mela x’ġara?” U wiġbuh: “Ma tafx x’ġara lil Ġesù n-Nazzarenu, li wera li kien profeta kbir b’dak li qal u għamel quddiem Alla u n-nies kollha?
20 Il-qassisin importanti u l-mexxejja tagħna tawh f’idejn Pilatu biex jinqatel, u sammruh maʼ zokk.
21 Aħna konna qegħdin nittamaw li dan ir-raġel kien il-wieħed li se jeħles lil Iżrael, imma llum it-tielet ġurnata minn meta ġara dan.
22 Iktar minn hekk, aħna mistagħġbin għax xi dixxipli nisa marru kmieni filgħodu ħdejn il-qabar*
23 u meta ma sabux il-ġisem tiegħu, ġew jgħidulna li raw lill-anġli li qalulhom li kien ħaj.
24 Imbagħad xi wħud minna, marru ħdejn il-qabar,* u sabu kollox eżatt kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx.”
25 Għalhekk qalilhom: “Kemm intom bla sens u ddumu biex temmnu l-affarijiet kollha li qalu l-profeti!
26 Il-Kristu kellu jgħaddi minn dawn l-affarijiet biex jiġi onorat.”
27 U hu spjegalhom l-affarijiet kollha li l-Iskrittura qalet dwaru, billi beda minn dak li kitbu Mosè u l-profeti kollha.
28 Fl-aħħar waslu viċin Għemmaws, u hu taparsi kien se jibqaʼ sejjer.
29 Imma huma ħeġġewh: “Ibqaʼ magħna, għax diġà sar il-ħin u daqt jidlam.” Għalhekk, hu daħal u qagħad għandhom.
30 Hekk kif kien qed jiekol magħhom, ħa ħobża, qal talba, qasamha, u tahielhom.
31 Dak il-ħin huma fehmu min kien u għarfuh, imma hu sparixxa.
32 Huma qalu lil xulxin: “Mhux taʼ b’xejn li messilna qalbna meta beda jitkellem magħna fit-triq u jispjegalna sew l-Iskrittura!”
33 Għalhekk, dak il-ħin stess qamu u marru lura Ġerusalemm. Huma sabu lill-Ħdax u d-dixxipli l-oħrajn miġburin flimkien,
34 li qalulhom: “Il-Mulej ġie mqajjem u deher lil Xmun!”
35 Imbagħad huma rrakkontawlhom xi ġralhom waqt li kienu qed jivvjaġġaw u kif għarfu lil Ġesù meta qasam il-ħobża.
36 Waqt li kienu qed jitkellmu dwar dan, hu stess mar f’nofshom u qalilhom: “Jalla jkollkom il-paċi.”
37 Imma peress li kienu mwerwrin u beżgħu, huma ħasbu li kienu raw spirtu.
38 Għalhekk qalilhom: “Għala qed titħawdu u tiddubitaw?
39 Ħarsu lejn idejja u saqajja biex taraw li veru jien. Missuni u araw, għax spirtu m’għandux laħam u għadam bħalma għandi jien.”
40 Xħin qalilhom dan, uriehom idejh u saqajh.
41 Imma peress li kienu mbellhin u ferħanin ħafna, huma ma setgħux jemmnu dak li raw. Għalhekk staqsiehom: “Għandkom xi ħaġa x’niekol?”
42 Allura tawh biċċa ħuta mixwija,
43 u hu ħadha u kielha quddiemhom.
44 Imbagħad qalilhom: “Meta kont għadni magħkom, jien għedtilkom li għandu jsir kulma nkiteb dwari fil-Liġi taʼ Mosè, fil-kitbiet tal-profeti, u fis-Salmi.”
45 Imbagħad hu għenhom jifhmu għalkollox l-Iskrittura,
46 u qalilhom: “Hemm miktub li jien, il-Kristu, kelli nbati u niġi mqajjem mill-mewt fit-tielet jum.
47 F’ismi se jiġi ppritkat messaġġ li l-popli għandhom jindmu mid-dnubiet tagħhom sabiex jinħafrulhom. Dan irid jiġi ppritkat l-ewwel f’Ġerusalemm, imbagħad mal-art kollha.
48 Intom se tkunu xhieda taʼ dawn l-affarijiet.
49 Jien se nagħtikom dak li wiegħed Missieri. Imma ibqgħu fil-belt sakemm tirċievu l-qawwa mis-sema.”
50 Imbagħad ħadhom ħdejn Betanja, għolla jdejh, u berikhom.
51 Hekk kif kien qed iberikhom, telaq minn ħdejhom u telaʼ s-sema.
52 U huma mielu quddiemu u marru lura Ġerusalemm ferħanin ħafna.
53 Huma kienu jmorru t-tempju kuljum ifaħħru lil Alla.
Noti taʼ taħt
^ Din il-ġurnata għalina hi l-Ħadd. Għal-Lhud kienet l-ewwel ġurnata tal-ġimgħa.
^ Jew “il-qabar tat-tifkira.”
^ Jew “il-qabar tat-tifkira.”
^ Jew “li jagħmlu d-dnub.”
^ Jew “il-qabar tat-tifkira.”
^ Jew “il-qabar tat-tifkira.”
^ Jew forsi “Int l-uniku wieħed li ġejt Ġerusalemm u ma tafx x’ġara?”
^ Jew “il-qabar tat-tifkira.”
^ Jew “il-qabar tat-tifkira.”