L-Aħbar Tajba Skont Luqa 7:1-50
7 Wara li qalilhom dan kollu, daħal Kafarnahum.
2 Hemmhekk kien hemm uffiċjal tal-armata li kellu lsir marid ħafna u li kien wasal biex imut. Hu kien iħobbu lil dan l-ilsir.
3 Meta semaʼ dwar Ġesù, hu bagħat xi mexxejja Lhud biex jgħidulu jiġi u jfejjaq lill-ilsir.
4 Huma marru għand Ġesù u bdew jitolbuh bil-ħniena: “Ħaqqu li tgħinu,
5 għax hu jħobbu l-poplu tagħna u bena s-sinagoga li għandna.”
6 Għalhekk, Ġesù mar magħhom. Imma meta kien wasal ftit ’il bogħod mid-dar, l-uffiċjal tal-armata bagħat xi ħbieb biex jgħidulu: “Sinjur toqgħodx tinqalaʼ, għax jien ma jistħoqqlix li tidħol għandi.
7 Hu għalhekk li ma ġejtx jien stess inkellmek. Imma jekk tikkmanda lill-qaddej tiegħi biex ifiq, hu jfiq.
8 Għax anki jien, li għandi min jikkmandani, għandi suldati taħti. U lil min ngħidlu biex imur, imur, u lil min ngħidlu biex jiġi, jiġi. U meta nikkmanda lill-ilsir biex jagħmel xi ħaġa, hu jagħmilha.”
9 Meta Ġesù semaʼ dan, baqaʼ mistagħġeb bih u dar lejn il-folla li kienet qed timxi warajh u qal: “Naċċertakom li lanqas f’Iżrael ma sibt fidi kbira daqs din.”
10 Meta dawk li kienu ntbagħtu għand Ġesù waslu lura d-dar, sabu lill-ilsir qawwi u sħiħ.
11 Wara dan, hu vvjaġġa lejn belt jisimha Najn, u miegħu kien hemm id-dixxipli tiegħu u folla kbira.
12 Hekk kif wasal viċin bieb il-belt, hu ra n-nies iġorru raġel mejjet. Ommu lilu biss kellha u barra minn hekk kienet armla. Magħha kien hemm ukoll folla kbira mill-belt.
13 Meta l-Mulej raha, hu tħassarha u qalilha: “Tibqax tibki.”
14 Imbagħad hu mess is-sodda li kien qed jinġarr fuqha, u dawk li kienu qed iġorruh waqfu. Hu qal: “Żagħżugħ, nikkmandak biex tqum!”
15 U l-mejjet qam bilqiegħda u beda jitkellem, u Ġesù tah lil ommu.
16 In-nies kollha li kien hemm baqgħu mbellhin u bdew ifaħħru lil Alla billi jgħidu: “Għandna profeta kbir fostna,” u, “Alla ta kas in-nies tiegħu.”
17 Din l-aħbar dwaru ġriet mal-Lhudija kollha u mal-inħawi kollha tal-madwar.
18 Id-dixxipli taʼ Ġwanni qalu lil Ġwanni dwar dan kollu.
19 Għalhekk, hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu għand il-Mulej biex jistaqsih: “Int Dak li kellu jiġi jew għandna nistennew lil xi ħadd ieħor?”
20 Meta waslu għandu, l-irġiel qalulu: “Ġwanni l-Għammied bagħatna għandek biex nistaqsuk, ‘Int Dak li kellu jiġi jew għandna nistennew lil xi ħadd ieħor?’”
21 Dak il-ħin, hu fejjaq lil ħafna nies minn kull tip taʼ mard, fejjaq lil dawk li ma kinux jaraw ħalli jkunu jistgħu jaraw, u keċċa spirti ħżiena.
22 Ġesù wiġibhom: “Morru għidu lil Ġwanni dak li rajtu u smajtu: Dawk li ma kinux jaraw, issa qed jaraw; dawk li ma kinux jisimgħu, issa qed jisimgħu; dawk li ma setgħux jimxu, issa qed jimxu; dawk li kellhom il-ġdiem, qed jiġu mfejqin; il-mejtin qed jingħataw il-ħajja; u l-foqra qed jirċievu l-aħbar tajba.
23 Min ma jiddubitax fija,* se jkun ferħan.”
24 Meta l-messaġġiera taʼ Ġwanni telqu, Ġesù beda jkellem lill-folla dwar Ġwanni: “Min kien ir-raġel li rajtu fid-deżert? Kien dan bħal xi qasba li tixxejjer mar-riħ? Le!
25 Mela min kien? Raġel liebes ħwejjeġ fini u sbieħ? Le! Dawk li jilbsu hekk u jgħixu fil-lussu qegħdin fid-djar tar-rejiet.
26 Allura min kien? Profeta? Iva, imma hu iktar importanti mill-profeti l-oħra.
27 Dan hu l-wieħed li dwaru hemm miktub: ‘Qed nibgħat il-messaġġier tiegħi qablek. Hu se jippreparalek it-triq!’
28 Min-nies kollha li twieldu, ma kien hemm ħadd iktar importanti minn Ġwanni l-Għammied. Imma persuna li m’għandhiex pożizzjoni għolja fis-Saltna t’Alla hi iktar importanti minnu.”
29 (Meta n-nies u dawk li jiġbru t-taxxi semgħu dan, huma qalu li kulma jagħmel Alla hu tajjeb, għax kienu diġà tgħammdu minn Ġwanni.
30 Imma l-Fariżej u dawk li kienu jafu sew il-Liġi ma kinux lesti li jagħmlu dak li jrid Alla,* għax huma ma kinux mgħammdin minn Ġwanni.)
31 “Għalhekk, maʼ min se nqabbilhom lin-nies taʼ din il-ġenerazzjoni, u min qishom?
32 Qishom tfal bilqiegħda f’suq li jgħajtu lil sħabhom u jgħidulhom: ‘Aħna daqqejnielkom il-flawt, imma intom ma żfintux; aħna bkejna ħafna, imma intom ma bkejtux magħna.’
33 Bl-istess mod, Ġwanni l-Battista la jiekol ħobż u lanqas jixrob inbid, imma intom tgħidu: ‘Għandu demonju fih.’
34 U għalkemm jien, Bin il-bniedem, niekol u nixrob, intom tgħidu: ‘Dan ir-raġel moħħu fl-ikel u l-inbid, u hu ħabib taʼ dawk li jiġbru t-taxxi u l-midinbin!’*
35 Imma bniedem juri li hu għaref b’dak li jagħmel.”
36 Wieħed mill-Fariżej stiednu kemm-il darba biex imur jiekol għandu. Għalhekk, Ġesù mar id-dar tal-Fariżew u qagħad mal-mejda.
37 U mara li kienet magħrufa fil-belt bħala midinba saret taf li kien qed jiekol fid-dar tal-Fariżew. Hi marret u ħadet vażett tal-alabastru b’żejt ifuħ.
38 Hi niżlet ħdejn saqajh, bkiet, xarrbitlu saqajh bid-dmugħ, u mesħithom b’xagħarha. Ukoll, bisitlu saqajh b’tenerezza u ferrgħet żejt ifuħ fuqhom.
39 Malli ra dan, il-Fariżew li stiednu qal bejnu u bejn ruħu: “Jekk dan ir-raġel hu veru profeta, ikun jaf x’tip taʼ persuna hi din il-mara li qed tmissu. Ikun jaf li hi midinba.”
40 Peress li kien jaf x’qed jaħseb, Ġesù qallu: “Xmun, għandi xi ħaġa x’ngħidlek.” Hu qallu: “Għidli Għalliem!”
41 “Żewġt irġiel kellhom id-dejn maʼ wieħed raġel. Wieħed kellu jagħtih 500 dinar* imma l-ieħor 50.
42 Meta ma kellhomx biex iħallsuh, hu ħafrilhom minn qalbu. Issa min minnhom taħseb li se jħobbu l-iktar?”
43 Xmun wieġbu: “Naħseb dak li nħafirlu l-iktar dejn.” Qallu: “Sewwa ħsibt.”
44 Imbagħad Ġesù dar lejn il-mara u qal lil Xmun: “Qed taraha lil din il-mara? Jien ġejt għandek u int ma tajtnix ilma biex naħsel saqajja. Imma hi xarrbitli saqajja bid-dmugħ u mesħithomli b’xagħarha.
45 Int ma bistnix, imma minn xħin dħalt din il-mara ma waqfitx tbusli saqajja b’tenerezza.
46 Int ma ferrajtlix żejt fuq rasi, imma din il-mara ferrgħet żejt ifuħ fuq saqajja.
47 Minħabba f’hekk, għalkemm għamlet ħafna dnubiet, dawn ġew maħfurin, għax hi wriet imħabba kbira. Imma min jinħafirlu ftit, ma jurix ħafna mħabba.”
48 Imbagħad qalilha: “Id-dnubiet tiegħek ġew maħfurin.”
49 Dawk li kienu mal-mejda miegħu bdew jgħidu bejniethom: “Min hu dan ir-raġel biex anki jaħfer id-dnubiet?”
50 Imma hu qal lill-mara: “Il-fidi tiegħek salvatek. Mur fil-paċi.”
Noti taʼ taħt
^ Jew “Min ma jitfixkilx minħabba fija.”
^ Jew “ma tawx kas il-pariri li tahom Alla.”
^ Jew “in-nies li jagħmlu d-dnub.”