L-Aħbar Tajba Skont Marku 14:1-72
-
Il-qassisin jippjanaw biex joqtlu lil Ġesù (1, 2)
-
Jiġi mferraʼ żejt ifuħ fuq Ġesù (3-9)
-
Ġuda jittradixxi lil Ġesù (10, 11)
-
L-aħħar Qbiż (12-21)
-
Tiġi stabbilita l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej (22-26)
-
Ġesù jbassar li Pietru se jgħid li ma jafux (27-31)
-
Ġesù jitlob fil-Ġetsemani (32-42)
-
Ġesù jiġi arrestat (43-52)
-
Jgħaddi ġuri quddiem is-Sinedriju (53-65)
-
Pietru jgħid li ma jafx lil Ġesù (66-72)
14 Issa kien għad fadal jumejn għall-Qbiż u għall-Festa tal-Ħobż bla Ħmira. U l-qassisin importanti u l-iskribi kienu qed ifittxu mod biex bil-qerq jarrestawh* u joqtluh.
2 Imma huma bdew jgħidu: “Mhux se nagħmlu dan fil-festa, li ma jmurx tqum xi rewwixta.”
3 Waqt li Ġesù kien Betanja jiekol għand Xmun li qabel kellu l-ġdiem, marret ħdejh mara b’vażett tal-alabastru b’żejt ifuħ. Dan kien magħmul minn nard pur u kien jiswa ħafna. Hi fetħet il-vażett u bdiet tferrgħu fuq rasu.
4 Meta raw dan, xi wħud xejn ma ħadu pjaċir u bdew jgħidu bejniethom: “Għala ġie moħli hekk dan iż-żejt ifuħ?
5 Dan setaʼ nbiegħ iktar minn 300 dinar* u l-flus kienu jingħataw lill-foqra!” Huma kienu rrabjati ħafna magħha.*
6 Imma Ġesù qalilhom: “Ħalluha bi kwietha. Għala qed iddejquha? Hi għamlet ħaġa tajba miegħi.
7 Dejjem se jkun hawn nies foqra magħkom, u tistgħu tgħinuhom meta tridu, imma jien mhux dejjem se nkun magħkom.
8 Hi għamlet kulma setgħet. Hi ferrgħet iż-żejt ifuħ fuqi biex tippreparani minn qabel għad-difna.
9 Naċċertakom li kull fejn tiġi ppritkata l-aħbar tajba se jissemma wkoll dak li għamlet din il-mara biex jibqgħu jiftakru fiha.”
10 Ġuda l-Iskarjota, wieħed mit-Tnax, mar għand il-qassisin importanti biex jittradih.
11 Meta semgħu dan, tgħidx kemm ferħu, u wegħduh li jagħtuh xi flus tal-fidda. Għalhekk, beda jfittex opportunità biex jittradih.
12 Fl-ewwel jum tal-Festa tal-Ħobż bla Ħmira, meta skont id-drawwa joqtlu s-sagrifiċċju tal-Qbiż, id-dixxipli tiegħu staqsewh: “Fejn tridna mmorru u nippreparawlek l-ikla tal-Qbiż?”
13 Għalhekk, hu bagħat żewġ dixxipli u qalilhom: “Idħlu fil-belt, u hemmhekk jiltaqaʼ magħkom raġel iġorr ġarra tal-fuħħar bl-ilma. Morru warajh,
14 u fid-dar li jidħol, għidu lil sid id-dar, ‘L-Għalliem qallek: “Fejn hi l-kamra li fiha nistaʼ niekol l-ikla tal-Qbiż mad-dixxipli tiegħi?”’
15 U hu jurikom kamra taʼ fuq kbira li għandha dak li hemm bżonn għall-ikla. Ippreparaw hemm.”
16 Għalhekk id-dixxipli telqu, daħlu l-belt, u sabu eżatt bħalma kien qalilhom. U huma ppreparaw għall-ikla tal-Qbiż.
17 Filgħaxija, Ġesù mar hemm mat-Tnax.
18 Hekk kif kienu mal-mejda jieklu, Ġesù qalilhom: “Naċċertakom li wieħed minnkom li qed jiekol miegħi se jittradini.”
19 Huma ħassewhom imdejqin ħafna u wieħed wieħed staqsewh: “Mhux jien hux?”
20 Hu qalilhom: “Wieħed minnkom it-Tnax, dak li se jbill fl-iskutella fl-istess ħin miegħi.
21 Għax jien, Bin il-bniedem, se mmut bħalma tgħid l-Iskrittura, imma ħażin għalih dak li se jittradini! Kien ikun aħjar għalih li qatt ma twieled.”
22 Huma u jieklu, Ġesù ħa ħobża, qal talba, qasamha, taha lid-dixxipli tiegħu, u qalilhom: “Kuluha, din tirrappreżenta lill-ġisem tiegħi.”
23 U ħa tazza bl-inbid, irringrazzja lil Alla, tahielhom, u huma xorbu minnha.
24 Hu qalilhom: “Dan l-inbid jirrappreżenta ‘d-demm tiegħi li bih se jibda jgħodd il-patt t’Alla.’ Dan se jixxerred għall-benefiċċju taʼ ħafna nies.
25 Naċċertakom li mhux se nixrob iktar inbid sa dakinhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna t’Alla.”*
26 Fl-aħħar, wara li kantaw biex ifaħħru lil Alla,* huma marru lejn il-Muntanja taż-Żebbuġ.
27 Ġesù qalilhom: “Kollha kemm intom se tabbandunawni, għax fl-Iskrittura hemm miktub, ‘Jien se nattakka lir-ragħaj, u n-nagħaġ jitferrxu.’
28 Imma wara li niġi rxoxtat, immur qabilkom fil-Galilija.”
29 Imma Pietru wieġbu: “Anki jekk l-oħrajn kollha jabbandunawk, jien mhux se nagħmel hekk.”
30 Għal dan Ġesù qallu: “Naċċertak li dan il-lejl se tgħid li ma tafnix tliet darbiet qabel ma jidden is-serduq darbtejn.”
31 Imma hu baqaʼ jinsisti: “Anki jekk ikolli mmut miegħek, żgur se ngħid li nafek.” Anki l-oħrajn bdew jgħidu l-istess ħaġa.
32 Wara marru f’post li jgħidulu Ġetsemani, u hu qal lid-dixxipli: “Poġġu hawn waqt li jien immur nitlob.”
33 U ħa miegħu lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni, u beda jħossu mdejjaq u inkwetat ħafna.
34 Hu qalilhom: “Inħossni mdejjaq* għall-mewt. Oqogħdu hawn u ibqgħu għassa.”
35 Imbagħad mexa ftit ’il quddiem, niżel mal-art, u beda jitlob biex, jekk hu possibbli, ma jgħaddix minn din is-sitwazzjoni diffiċli.
36 Hu qal: “Abba,* Missier, kollox hu possibbli għalik; neħħi din it-tazza* minn quddiemi. Imma ħa jsir kif trid int u mhux kif irrid jien.”
37 Hu mar lura u sabhom reqdin, u qal lil Pietru: “Mela rqadt Xmun? Ma flaħtx tibqaʼ għassa għal siegħa waħda?
38 Ibqgħu għassa u itolbu kontinwament ħalli ma taqgħux fit-tentazzjoni. Veru, l-intenzjoni hi tajba,* imma l-ġisem* hu dgħajjef.”
39 U reġaʼ telaq u mar jitlob għall-istess ħaġa.
40 U reġaʼ mar ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin, għax kellhom ħafna ngħas. Għalhekk ma kinux jafu x’se jaqbdu jgħidulu.
41 Hu reġaʼ mar ħdejhom it-tielet darba u qalilhom: “Issa mhux il-ħin li torqdu u tistrieħu! Daqshekk! Issa wasal il-ħin li jien, Bin il-bniedem, niġi ttradut u ningħata f’idejn il-midinbin.*
42 Qumu, ejja mmorru. Dak li se jittradini wasal.”
43 U mill-ewwel, waqt li kien għadu qed jitkellem, wasal Ġuda, wieħed mit-Tnax, u miegħu kellu folla li kienu armati bi xwabel u bsaten. Dawn kienu ntbagħtu mill-qassisin importanti, l-iskribi, u l-anzjani.*
44 Dak li kien se jittradih kien tahom sinjal u qalilhom: “Arrestaw lil dak li se nbus, għax hu l-wieħed li qed tfittxu. Ħuduh bis-suldati għassa miegħu.”
45 Hu mar dritt fuqu u qallu: “Rabbi!”* u biesu b’tenerezza.
46 Għalhekk, qabduh u arrestawh.
47 Imma wieħed minn dawk li kienu hemm qabad ix-xabla tiegħu u qataʼ l-widna tal-ilsir tal-qassis il-kbir.
48 B’hekk Ġesù qalilhom: “Mela jien xi ħalliel biex ġejtu għalija bix-xwabel u l-bsaten?
49 Kuljum kont inkun magħkom fit-tempju ngħallem, mela għax ma ġejtux tarrestawni hemm? Imma dan ġara biex iseħħ dak li hemm fl-Iskrittura.”
50 U d-dixxipli kollha abbandunawh u ħarbu.
51 Madankollu, kien hemm żagħżugħ liebes libsa fina li beda miexi warajh mill-qrib, u huma pprovaw jaqbduh.
52 Imma hu ħalla l-libsa warajh u ħarab għarwien.*
53 Huma ħadu lil Ġesù għand il-qassis il-kbir, u hemm inġabru l-qassisin importanti, l-anzjani, u l-iskribi kollha.
54 Imma Pietru segwieh mill-bogħod sal-bitħa tal-qassis il-kbir. Hu qagħad bilqiegħda mal-qaddejja tad-dar għas-sħana tan-nar.
55 Issa l-qassisin importanti u s-Sinedriju kollu kienu qed ifittxu nies biex jagħtu xhieda falza kontra Ġesù ħalli joqtluh, imma ma setgħux isibu.
56 Fil-fatt, kien hemm ħafna li bdew jagħtu xhieda falza kontrih, imma ma kinux qed jaqblu bejniethom.
57 Ukoll, kien hemm xi wħud li bdew iqumu u jagħtu xhieda falza kontrih billi jgħidu:
58 “Aħna smajnieh jgħid, ‘Jien se nwaqqaʼ dan it-tempju li nbena mill-bnedmin u fi tlett ijiem nibni ieħor li mhux magħmul mill-bnedmin.’”
59 Imma lanqas fuq din il-ħaġa ma kienet taqbel ix-xhieda tagħhom.
60 Imbagħad il-qassis il-kbir qam f’nofshom u staqsa lil Ġesù: “Mhu se tgħid xejn? M’intix tismaʼ fuqiex qed jakkużawk dawn l-irġiel?”
61 Imma hu baqaʼ kwiet u ma qal xejn. Il-qassis il-kbir reġaʼ beda jistaqsih: “Int il-Kristu Bin l-Alla l-Qaddis?”
62 Imbagħad Ġesù wieġeb: “Iva, u intom se taraw lili, Bin il-bniedem, bilqiegħda fuq il-lemin tal-Wieħed b’saħħtu u ġej mas-sħab tas-sema.”
63 Għal dan, il-qassis il-kbir ċarrat ħwejġu u qal: “Għandna bżonn iktar xhieda?
64 Smajtuha d-dagħwa? Xi ddeċidejtu?”* Huma kollha qablu li ħaqqu l-mewt.
65 Xi wħud bdew jobżqulu, jgħattulu wiċċu, jagħtuh bil-ponn, u jgħidulu: “Ipprofetizza!” U wara li tawh daqqiet taʼ ħarta, il-qaddejja tal-qorti ħaduh.
66 Issa, waqt li Pietru kien qiegħed fil-bitħa, marret waħda mill-qaddejja tal-qassis il-kbir,
67 u meta rat lil Pietru ħdejn in-nar, ħarset lejh u qaltlu: “Int ukoll kont maʼ dan Ġesù n-Nazzarenu.”
68 Imma hu m’ammettiex u qal: “La nafu u lanqas naf x’int tgħid,” u ħareġ barra ħdejn id-daħla.*
69 Din il-qaddejja ratu hemm u reġgħet bdiet tgħid lil oħrajn: “Dan wieħed minnhom.”
70 Hu reġaʼ m’ammettiex. U wara ftit, dawk li kienu ħdejh bdew jgħidulu: “Int żgur li wieħed minnhom, għax int fil-fatt Galilew.”
71 Imma hu beda jisħet* u jaħlef: “Jien ma nafux lil dan ir-raġel li qed titkellmu dwaru.”
72 Mill-ewwel, serduq idden għat-tieni darba, u Pietru ftakar f’dak li kien qallu Ġesù: “Int se tgħid li ma tafnix tliet darbiet qabel ma jidden darbtejn is-serduq.” U nfaqaʼ jibki.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “jaqbduh.”
^ Jew “għajtu magħha; ċanfruha.”
^ Jew “fil-Gvern (fit-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “kantaw is-salmi.”
^ Jew “Ruħi mdejqa.”
^ Kelma bl-Ebrajk jew bl-Aramajk li tfisser “O Missier!”
^ It-tazza tirrappreżenta dak li jrid Alla, jiġifieri li jħalli lil Ġesù jmut minħabba li jiġi akkużat b’mod falz li dagħa.
^ Letteralment “l-ispirtu jrid.”
^ Dan jirreferi għall-istat midneb u imperfett taʼ bniedem.
^ Jew “in-nies li jagħmlu d-dnub.”
^ Jew “Għalliem!”
^ Jew “kemxejn imlibbes; b’taʼ taħt biss.”
^ Jew “X’taħsbu?”
^ Jew “il-kanċell.”
^ Jiġifieri jgħid li se jkun misħut jekk mhux qed jgħid il-verità.