L-Aħbar Tajba Skont Mattew 20:1-34
20 “Is-Saltna t’Alla* tistaʼ titqabbel maʼ sid t’għalqa li ħareġ kmieni filgħodu biex isib ħaddiema għall-għalqa tad-dwieli tiegħu.
2 Wara li ftiehem mal-ħaddiema li jħallashom dinar* kuljum, bagħathom fl-għalqa tiegħu.
3 Madwar id-disgħa taʼ filgħodu* reġaʼ ħareġ u mar is-suq. Hemm ra oħrajn li kienu bla xogħol.
4 U lil dawn qalilhom, ‘Morru intom ukoll fl-għalqa, u nagħtikom dak li jmisskom.’
5 U allura dawn marru. Imbagħad dan reġaʼ għamel l-istess madwar nofsinhar u madwar it-tlieta taʼ wara nofsinhar.*
6 Imbagħad xi l-ħamsa taʼ filgħaxija,* dan reġaʼ ħareġ u sab oħrajn jistennew u qalilhom, ‘Għala qgħadtu ġurnata sħiħa tistennew hawn bla xogħol?’
7 Huma wiġbuh, ‘Għax ħadd ma qabbadna naħdmu.’ Hu qalilhom, ‘Morru intom ukoll fl-għalqa.’
8 “Filgħaxija, sid l-għalqa tad-dwieli qal lil dak li kien qed jiħodlu ħsieb, ‘Għajjat lill-ħaddiema u ħallashom. Ibda b’tal-aħħar u spiċċa b’tal-ewwel.’
9 Meta waslu l-irġiel li bdew fil-ħamsa taʼ filgħaxija, dawn irċivew dinar* kull wieħed.
10 Għalhekk, meta waslu dawk li ħadmu ġurnata sħiħa, ħasbu li kienu se jirċievu iktar, imma huma tħallsu dinar* ukoll.
11 Meta tħallsu, dawn bdew igergru kontra s-sid
12 u qalulu, ‘Dawn tal-aħħar ħadmu siegħa biss, imma int xorta ħallasthom daqsna, li ħdimna ġurnata sħiħa u ssaportejna x-xemx!’
13 Imma hu wieġeb lil wieħed minnhom, ‘Sieħbi, m’għamiltlek xejn ħażin. Mhux dinar* ftehemna li nagħtik?
14 Ħu d-dinar u mur. Lil tal-aħħar nixtieq nagħtihom daqshekk.
15 M’għandix id-dritt li nagħmel dak li rrid b’li għandi? Jew qed tgħir* għax jien tajjeb?’*
16 B’hekk, tal-aħħar jiġu l-ewwel, u tal-ewwel jiġu l-aħħar.”
17 Hu u sejjer fit-triq lejn Ġerusalemm, Ġesù kellem lit-12-il dixxiplu waħedhom u qalilhom:
18 “Bħalissa telgħin Ġerusalemm, u jien, Bin il-bniedem, se ningħata f’idejn il-qassisin importanti u l-iskribi. Dawn se jikkundannawni għall-mewt
19 u jagħtuni f’idejn in-nies taʼ pajjiżi oħra biex jgħadduni biż-żmien, isawtuni, u joqtluni fuq zokk, u fit-tielet jum niġi mqajjem.”
20 Imbagħad il-mara taʼ Żebedew resqet lejh mat-tfal tagħha, mielet quddiemu, u talbitu pjaċir.
21 Hu qalilha: “Xi trid?” Hi wiġbitu: “Irrid li ż-żewġt itfal tiegħi joqogħdu bilqiegħda ħdejk fis-Saltna tiegħek, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug.”
22 Ġesù wiġibhom: “Intom ma tafux x’qed titolbu. Tistgħu intom tixorbu minn dak li daqt se nixrob jien?” Huma qalulu: “Nistgħu.”
23 Hu qalilhom: “Fil-fatt, intom se tixorbu minn dan, imma ma nistax ngħidilkom jien min se jpoġġi fuq il-lemin u fuq ix-xellug tiegħi, għax Missieri ddeċieda dan.”
24 Meta l-għaxra l-oħra semgħu dan, xejn ma ħadu pjaċir biż-żewġ aħwa.
25 Imma Ġesù għajtilhom u qalilhom: “Intom tafu li l-mexxejja tal-popli jmexxu kif iridu huma, u li dawk fl-awtorità jużaw il-qawwa tagħhom biex jiddominaw fuq in-nies.
26 M’għandkomx tagħmlu hekk bejnietkom. Imma min irid ikun l-aqwa minnkom għandu jaqdi lill-oħrajn,
27 u min irid ikun l-ewwel minnkom għandu jkun l-ilsir tal-oħrajn.
28 Jien, Bin il-Bniedem, hekk għamilt, għax ma ġejtx biex inkun moqdi, imma biex naqdi u nagħti ħajti bħala fidwa* għal ħafna.”
29 Waqt li kienu ħerġin minn Ġeriko, marret folla kbira wara Ġesù.
30 Mal-ġenb tat-triq kien hemm żewġt irġiel li ma jarawx. Meta semgħu li kien għaddej Ġesù, bdew jgħajtu: “Mulej, Bin David, ħenn għalina!”
31 Imma n-nies bdew jgħajtu magħhom biex jieqfu. Iżda huma iktar bdew jgħajtu: “Mulej, Bin David, ħenn għalina!”
32 Għalhekk Ġesù waqaf, għajtilhom, u qalilhom: “Kif nistaʼ ngħinkom?”
33 Huma qalulu: “Mulej, nixtiequ li nibdew naraw.”
34 Peress li Ġesù tħassarhom, messilhom għajnejhom, u bdew jaraw mill-ewwel. Imbagħad marru warajh.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “Is-Saltna tas-smewwiet.”
^ Letteralment “it-tielet siegħa.”
^ Letteralment “madwar is-sitt siegħa u madwar id-disaʼ siegħa.”
^ Letteralment “il-11-il siegħa.”
^ Letteralment “għajnek hi ħażina.”
^ Jew “ġeneruż.”