L-Aħbar Tajba Skont Mattew 24:1-51
24 Hekk kif Ġesù telaq mit-tempju, id-dixxipli tiegħu resqu lejh biex juruh il-bini tat-tempju.
2 Ġesù qalilhom: “Qed tarawh dan kollu? Naċċertakom li l-ġebel kollu se jitwaqqaʼ u ma tibqax ġebla fuq oħra.”
3 Waqt li kien bilqiegħda fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ, id-dixxipli resqu lejh waqt li kien waħdu u qalulu: “Għidilna, meta se jiġru dawn l-affarijiet, u x’se jkun is-sinjal taʼ meta tiġi lura* u tat-tmiem taʼ din id-dinja?”*
4 Ġesù wiġibhom: “Oqogħdu attenti li ħadd ma jqarraq bikom,
5 għax ħafna se jiġu u jużaw ismi u jgħidu, ‘Jien il-Kristu,’ u jqarrqu b’ħafna.
6 Se tisimgħu bi gwerer f’postijiet differenti. Tibżgħux, għax dawn l-affarijiet iridu jiġru, imma ma jkunx għadu t-tmiem.
7 “Se jkun hemm il-ġlied bejn poplu u ieħor u bejn pajjiż u ieħor, u se jkun hemm nuqqas taʼ ikel u terremoti f’post wara l-ieħor.
8 Dawn l-affarijiet kollha huma l-bidu taʼ żmien taʼ tbatija.*
9 “In-nies se jippersegwitawkom u joqtlukom, u l-popli kollha se jobogħdukom minħabba li intom dixxipli tiegħi.
10 Imbagħad ħafna ma jibqgħux jafdaw f’Alla,* jittradixxu lil xulxin, u jobogħdu lil xulxin.
11 Se jkun hemm ħafna profeti foloz li jqarrqu b’ħafna.
12 U peress li jiżdied il-ħażen, il-biċċa l-kbira tan-nies ma jibqgħux iħobbu lil oħrajn.
13 Imma min jissaporti sal-aħħar se jsalva.
14 U din l-aħbar tajba tas-Saltna* se tiġi ppritkata mad-dinja kollha biex tingħata xhieda lill-popli kollha, u mbagħad jiġi t-tmiem.
15 “Għalhekk, bħalma qal Alla permezz tal-profeta Danjel, intom se taraw fil-post qaddis il-ħaġa moqżieża li se teqred l-affarijiet kollha (ħa juża moħħu l-qarrej).*
16 Meta dawk li jkunu fil-Lhudija jaraw dan, għandhom jaħarbu lejn il-muntanji.
17 Min ikun fuq il-bejt m’għandux jidħol id-dar tiegħu biex jieħu l-affarijiet.
18 Min ikun fl-għalqa m’għandux imur lura biex jieħu l-ħwejjeġ tiegħu.
19 Ħa jkun żmien ikrah għan-nisa tqal u għal dawk li jkunu qed jieħdu ħsieb xi tarbija.
20 Ibqgħu itolbu biex ma jkollkomx għalfejn taħarbu fix-xitwa jew f’jum is-Sabat.
21 Dan għax se jkun żmien taʼ tbatija kbira* li qatt ma kien hawn bħalu fid-dinja u li qatt mhu se jerġaʼ jkun hawn.
22 Fil-fatt, jekk dan iż-żmien ma jitqassarx, ħadd ma jsalva, imma minħabba l-magħżulin dan iż-żmien se jitqassar.
23 “Mela jekk xi ħadd jgħidilkom, ‘Hawn qiegħed il-Kristu!’ jew, ‘Hemm qiegħed!’ temmnuhx.
24 Għax se jkun hemm Kristijiet foloz u profeti foloz li se jagħmlu mirakli kbar biex iqarrqu, anki bil-magħżulin.
25 Jien qed inwissikom minn qabel.
26 Għalhekk, jekk in-nies jgħidulkom li l-Kristu qiegħed fid-deżert, tmorrux hemm. U jekk jgħidulkom li qiegħed fil-kmamar taʼ ġewwa, temmnuhomx.
27 Għax iż-żmien meta nerġaʼ niġi jien,* Bin il-bniedem, se jkun bħal sajjetta mil-Lvant li tidher ukoll mill-Punent.
28 Fejn ikun hemm il-ġisem mejjet, ikun hemm l-ajkli miġburin.
29 “Eżatt wara ż-żmien tat-tbatija, ix-xemx se tiddallam, il-qamar mhux se jagħti d-dawl, l-istilel se jaqgħu mis-sema, u l-affarijiet li hemm fis-sema jitheżżu.
30 Imbagħad fis-sema se jidher is-sinjal tiegħi, Bin il-bniedem, u n-nies* kollha tal-art se juru li huma mdejqin ħafna* u se jarawni ġej fis-sħab tas-sema b’qawwa u glorja kbira.
31 Se jinstemaʼ ħoss qawwi taʼ trumbetta, u mbagħad nibgħat lill-anġli tiegħi biex jiġbru l-magħżulin mill-erbaʼ naħat tad-dinja, minn tarf sa tarf tas-sema.
32 “Tgħallmu mis-siġra tat-tin: Meta din toħroġ friegħi ġodda u ttellaʼ l-weraq, tkunu tafu li ġej is-sajf.
33 Bl-istess mod, meta intom taraw dawn l-affarijiet kollha, tkunu tafu li jien kważi wasalt.*
34 Naċċertakom li dawn l-affarijiet kollha se jiġru qabel ma tmut din il-ġenerazzjoni.
35 Is-sema u l-art se jispiċċaw, imma dak li ngħid jien se jibqaʼ għal dejjem.
36 “Ħadd ma jaf meta u x’ħin ġejja din il-ġurnata, la l-anġli tas-sema u lanqas jien, l-Iben. Il-Missier biss jaf.
37 Iż-żmien meta niġi jien,* Bin il-bniedem, se jkun bħal żmien Noè.
38 Għax qabel id-Dulluvju n-nies kienu aljenati jieklu, jixorbu, u jiżżewġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka.
39 Huma ma tawx kas, u ġie d-Dulluvju u kaxkarhom kollha. Hekk se jiġri meta niġi jien, Bin il-bniedem.
40 Żewġt irġiel se jkunu fl-għalqa; wieħed se jiġi aċċettat u l-ieħor se jiġi abbandunat.
41 Żewġ nisa se jkunu qed jitħnu l-qamħ; waħda se tiġi aċċettata u l-oħra se tiġi abbandunata.
42 Għalhekk, ibqgħu għassa, għax ma tafux il-jum meta se niġi jien, il-Mulej tagħkom.
43 “Imma kunu afu li kieku sid id-dar kien jaf x’ħin ġej il-ħalliel, kien jibqaʼ mqajjem u ma jħallix il-ħalliel jidħol f’daru.
44 Għalhekk, uru li intom lesti wkoll, għax jien, Bin il-bniedem, ġej f’ħin li ma tkunux qed tistennew.
45 “Min hu verament l-ilsir leali u għaqli li sidu inkarigah fuq il-qaddejja taʼ daru biex jagħtihom l-ikel fiż-żmien xieraq?
46 Dan l-ilsir se jkun ferħan meta sidu jiġi u jsibu jagħmel dan!
47 Naċċertakom li hu se jinkarigah fuq kulma għandu.
48 “Imma jekk l-ilsir ikun ħażin u bejnu u bejn ruħu jgħid, ‘Sidi qed idum biex jiġi,’
49 u jibda jsawwat lill-ilsiera sħabu u jiekol u jixrob maʼ dawk li jiskru,
50 sidu se jiġi f’ħin u f’ġurnata li ma jkunx qed jistennieh.
51 Sidu se jikkastigah bl-iktar mod aħrax u jitfgħu mal-ipokriti, fejn se jibki u jħossu ddisprat.*
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “tal-preżenza tiegħek.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “taʼ din is-sistema tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “tal-uġigħ tal-ħlas,” jiġifieri wġigħ taʼ meta mara tkun qed twelled.
^ Letteralment “jitfixklu.”
^ Jew “il-Gvern (it-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jiġifieri ħa jifhem il-profezija taʼ Danjel.
^ Letteralment “tribulazzjoni kbira.”
^ Jew “il-preżenza tiegħi.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “it-tribujiet.”
^ Jew “se jibku u jħabbtu fuq sidirhom.”
^ Jew “jien qiegħed ħdejn il-bieb.”
^ Jew “Il-preżenza tiegħi.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “jheżżeż snienu.”