Proverbji 13:1-25
13 Tifel għaref jaċċetta d-dixxiplina mingħand missieru,Imma xi ħadd arroganti* ma jismax meta jiġi kkoreġut.
2 Meta bniedem jitkellem b’mod tajjeb, hu se jibbenefika,Imma t-traditur* iħobb il-vjolenza.
3 Min joqgħod attent għal dak li jgħid jipproteġi ħajtu,Imma min jitkellem iżżejjed se jinqered.
4 Xi ħadd għażżien jixtieq ħafna affarijiet, iżda m’għandu* xejn,Imma dak* li jaħdem iebes se jkun sodisfatt.*
5 Bniedem ġust jobogħdu l-gideb,Imma bniedem ħażin jagħmel affarijiet li jġibu mistħija u diżunur.
6 Il-ġustizzja tipproteġi lil min hu innoċenti,Imma l-ħażen iġiegħel lill-midneb* ibati.
7 Hemm min jippretendi li hu sinjur, imma m’għandu xejn,U hemm min jippretendi li hu fqir, imma għandu ħafna ġid.
8 Xi ħadd sinjur juża l-ġid tiegħu biex isalva ħajtu,Imma xi ħadd fqir lanqas biss jiġi mhedded.
9 Il-ġust hu bħal lampa li tagħti dawl qawwi,*Imma l-ħażin hu bħal lampa li se tintefa.
10 Min hu prużuntuż jaqlaʼ l-ġlied,Imma dawk li jitolbu parir* għandhom l-għerf.
11 Il-ġid li jinkiseb malajr* se jonqos u jispiċċa,Imma l-ġid li wieħed iġemmaʼ ftit ftit* se jiżdied.
12 Persuna li tittama għal* xi ħaġa li ma tiġrix, tiddispra,Imma meta x-xewqa taʼ xi ħadd issir realtà din tkun bħal siġra tal-ħajja.
13 Min jobgħod it-tagħlim* se jbati l-konsegwenzi,Imma min jirrispetta l-kmandamenti se jiġi ppremjat.
14 It-tagħlim tal-għaref jagħti l-ħajjaU jistaʼ jsalva lil xi ħadd min-nases tal-mewt.
15 Min hu bil-għaqal ikun approvat,Imma dak li jagħmlu t-tradituri jaqlaʼ ħafna problemi.
16 L-għaqli jaħseb qabel ma jagħmel xi ħaġa,Imma min hu iblah jikxef il-bluha tiegħu.
17 Messaġġier ħażin iġib l-inkwiet,Imma wieħed leali jġib il-benefiċċji.
18 Kull min jinjora d-dixxiplina jispiċċa fqir u ddiżonorat,Imma min jaċċetta l-korrezzjoni* se jiġi gglorifikat.
19 Meta xewqa ssir realtà, din tferraħ il-qalb,*Imma l-istupidu jkun irid jibqaʼ fil-ħażen.
20 Min jagħmilha mal-għorrief se jsir għaref,Imma min jagħmilha mal-istupidi se jbati.
21 L-inkwiet jiġri wara l-midinbin,Imma l-ġusti se jiġu ppremjati b’ħafna barkiet.
22 Min hu tajjeb iħalli wirt għat-tfal tat-tfal tiegħu,Imma l-ġid li għandu l-midneb se jinżamm għall-ġust.
23 L-art maħduma tal-fqir tipproduċi ħafna,Imma dan* jistaʼ jinħataf minħabba l-inġustizzja.
24 Min ma jikkoreġix* it-tifel tiegħu, jobogħdu,Imma min iħobbu, żgur* jiddixxiplinah.
25 Il-ġust jiekol u jixbaʼ,Imma l-ħażin jibqaʼ bi stonku vojt.
Noti taʼ taħt
^ Jew “li jwaqqaʼ għaċ-ċajt.”
^ Jew “ruħ it-traditur.”
^ Jew “ruħu m’għandha.”
^ Jew “ir-ruħ.”
^ Letteralment “se jeħxien.”
^ Jew “lil dak li jagħmel id-dnub.”
^ Letteralment “li tifraħ.”
^ Jew “dawk li jikkonsultaw flimkien.”
^ Jistaʼ jkun bʼmod diżonest.
^ Letteralment “li jiġbor bʼidu.”
^ Jew “tistenna.”
^ Jew “il-kelma.”
^ Jew “it-twiddib.”
^ Jew “tkun ħelwa għar-ruħ.”
^ Jew “hu.”
^ Jew “jikkastigax; jiddixxiplinax.”
^ Jew forsi “mill-ewwel.”