Proverbji 6:1-35
6 Ibni, jekk għamilt tajjeb għal xi ħadd,Jekk għamilt ftehim maʼ* stranġier,
2 Jekk il-wegħda tiegħek saret bħal nassa għalik,U kliemek bħal nasba,
3 Ħaddieħor issa għandu kontroll fuqek.
Għalhekk ibni, agħmel dan biex tinħeles:
Mur, umilja ruħek, u itolbu bil-ħniena biex tinħeles mill-ftehim.
4 Tħallix lil għajnejk jingħalqu biex jorqdu,U lanqas lill-kappell t’għajnejk jieħu nagħsa.
5 Inħeles bħal ċerva minn id il-kaċċatur,U bħal għasfur minn id in-nassab.
6 Mur għand in-nemla, ja għażżien;Innota x’tagħmel u sir għaref.
7 Għalkemm m’għandhiex kmandant, uffiċjal, jew mexxej,
8 Hi taħżen l-ikel tagħha fis-sajf,U tiġbor il-provvisti tal-ikel fi żmien il-ħsad.
9 Ja għażżien, kemm se ddum mimdud hemmhekk?
Meta se tqum mir-raqda?
10 Jekk torqod ftit ieħor, tongħos ftit ieħor,U tistrieħ b’idejk marbutin ftit ieħor,
11 Int malajr se ssir fqir, bħallikieku tiġi attakkat f’daqqa minn ħalliel,U bħallikieku raġel armat jiħodlok kulma għandek.
12 Raġel ħażin u li ma jiswa għal xejnJimxi ’l hemm u ’l hawn waqt li jitkellem bil-qerq.
13 Hu jegħmeż, jagħmel sinjali b’siequ, u jipponta b’subgħajh.
14 B’intenzjoni ħażina f’qalbu,Hu dejjem jippjana biex jagħmel il-ħsara u jaqlaʼ l-ġlied.
15 Għalhekk, se jiġi fuqu diżastru f’daqqa;F’ħakka t’għajn se jinqered u ma jkun jistaʼ jagħmel xejn dwar dan.
16 Hemm sitt affarijiet li Ġeħova jobgħod;Iva, hemm sebaʼ affarijiet li hu* ma jaħmilx:
17 Lil min hu kburi, giddieb, joqtol nies innoċenti,
18 Jippjana l-ħażen, jgħaġġel biex jagħmel il-ħażin,
19 Lil xhud falz li jigdeb maʼ kull nifs li jieħu,U kull min jaqlaʼ l-ġlied bejn l-aħwa.
20 Ibni, obdi l-kmandament taʼ missierek,U tinsiex dak li tgħallmek ommok.
21 Żommhom dejjem marbutin maʼ qalbekU orbothom m’għonqok.
22 Meta timxi, dawn se jiggwidawk;Meta timtedd, dawn se jipproteġuk;U meta tqum, dawn se jkellmuk.*
23 Għax il-kmandament hu bħal lampa,It-tagħlim hu bħal dawl,U l-korrezzjoni u d-dixxiplina jwasslu għall-ħajja.
24 Dawn se jipproteġuk mill-mara ħażina,Mill-kliem li l-mara immorali tuża biex tħajrek.*
25 Tixxennaqx għas-sbuħija tagħha,U tħallihiex taffaxxinak b’għajnejha,
26 Għax minħabba prostituta, tistaʼ tant issir fqir li taffordja ħobża biss,Filwaqt li l-mara taʼ raġel ieħor, se tiswielek ħajtek.
27 Jistaʼ raġel iressaq in-nar viċin sidru mingħajr ma jaħraq il-ħwejjeġ tiegħu?
28 Jew jistaʼ raġel jimxi fuq il-ġamar mingħajr ma jaħraq saqajh?
29 L-istess jiġrilu min ikollu x’jaqsam mal-mara taʼ ħaddieħor;Kull min imissha żgur se jiġi kkastigat.
30 In-nies ma jobogħdux ħallielJekk jisraq biex jiekol meta jkollu l-ġuħ.
31 Imma meta jinqabad, hu jkollu jagħti sebaʼ darbiet iktar minn dak li seraq;Hu jagħti l-ġid kollu li għandu d-dar.
32 Kull min jagħmel adulterju* hu iblah;Min jagħmel hekk, iġib tbatija kbira fuqu nnifsu.
33 Hu se jweġġaʼ lilu nnifsu u jiġi mmaqdar min-nies;Se jkollu reputazzjoni ħażina għal dejjem.
34 Għax l-għira ġġiegħel lil raġel miżżewweġ jirrabja ħafna;Hu mhux se juri ħniena meta jpatti lura.
35 Anki jekk toffrilu l-flus,* hu mhux se jaċċettahom;Lanqas jekk tagħtih rigal jiswa ħafna mhu se jagħmel paċi.
Noti taʼ taħt
^ Jew “ħadt b’idejn.”
^ Jew “ruħu.”
^ Jew “jgħallmuk.”
^ Letteralment “adulterju maʼ mara.”
^ Jew “fidwa; kumpens.”