Ir-Rivelazzjoni li Rċieva Ġwanni (L-Apokalissi) 12:1-17

  • Il-mara, it-tifel, u d-dragun (1-6)

  • Mikiel jiġġieled kontra d-dragun (7-12)

    • Id-dragun twaddab ’l isfel lejn l-art (9)

    • Ix-Xitan jaf li ftit żmien baqagħlu (12)

  • Ix-Xitan jippersegwita l-mara (13-17)

12  Imbagħad dehret ġrajja* kbira fis-sema: Mara kienet liebsa ħwejjeġ ileqqu bħax-xemx, bil-qamar taħt saqajha, u fuq rasha kellha kuruna bi 12-il stilla,  u kienet tqila. Peress li kienet waslet biex twelled, hi kienet qed tgħajjat minħabba li kellha l-uġigħ tal-ħlas.  Dehret ġrajja oħra fis-sema: Rajt dragun kbir kulur in-nar li kellu sebat irjus u għaxart iqrun, u fuq l-irjus tiegħu kellu sebaʼ kuruni.*  U b’denbu kaxkar terz tal-istilel u waddabhom lejn l-art. Id-dragun baqaʼ wieqaf quddiem il-mara li kienet waslet biex twelled, ħalli meta twelled, jiblaʼ t-tarbija tagħha.  U hi welldet tifel, li għandu jirgħa lill-popli kollha b’virga tal-ħadid. U t-tifel tagħha nħataf u ttieħed għand Alla li kien fuq it-tron tiegħu.  Il-mara ħarbet lejn id-deżert. Hemm kellha post ippreparat minn Alla, u kienet se tingħata ikel għal 1,260 jum.  U faqqgħet gwerra fis-sema: Mikiel* u l-anġli tiegħu ġġieldu kontra d-dragun. Id-dragun u l-anġli tiegħu ġġieldu kontrihom  imma ma rebħulhomx,* u lanqas tħallew jibqgħu iktar fis-sema.  Għalhekk, id-dragun il-kbir twaddab ’l isfel lejn l-art. Hu s-serp oriġinali, il-wieħed li jissejjaħ Xitan u Satana, li qed iqarraq bl-art kollha. L-anġli tiegħu wkoll twaddbu ’l isfel miegħu. 10  Jien smajt leħen għoli fis-sema jgħid: “L-Alla tagħna salva l-bnedmin, u ntweriet il-qawwa tiegħu. Is-Saltna tiegħu bdiet tmexxi u dak li għażel biex ikun il-Kristu qed juża l-awtorità tiegħu. Għax il-wieħed li kien jakkuża lil ħutna lejl u nhar quddiem Alla twaddab għal isfel. 11  U huma rebħulu grazzi għad-demm tal-Ħaruf u għall-messaġġ li xandru, u huma kienu lesti li jagħtu ħajjithom u jmutu. 12  Minħabba f’hekk, ifirħu intom li tgħixu fis-sema, imma ħażin għall-art u għall-baħar, għax ix-Xitan niżel għandkom u hu rrabjat ħafna peress li jaf li ftit żmien baqagħlu.” 13  Meta d-dragun irrealizza li ġie mwaddab lejn l-art, hu ppersegwita l-mara li welldet lit-tifel. 14  Imma lill-mara ngħatawlha żewġ ġwienaħ kbar t’ajkla, ħalli tkun tistaʼ ttir lejn id-deżert u tmur fil-post li kien ippreparat għaliha. Hemm se tingħata l-ikel għal tliet snin u nofs* ’il bogħod mis-serp. 15  U s-serp qalaʼ minn ħalqu ilma bħal xmara wara l-mara, biex jgħerreqha. 16  Imma l-art ġiet tgħin lill-mara. L-art infetħet u belgħet ix-xmara li d-dragun qalaʼ minn ħalqu. 17  Għalhekk, id-dragun irrabja ħafna għall-mara, u mar biex jagħmel gwerra kontra t-tfal* li kien baqgħalha, jiġifieri dawk li jobdu l-kmandamenti t’Alla u li ġew inkarigati biex jagħtu xhieda dwar Ġesù.

Noti taʼ taħt

Letteralment “sinjal.” Dan jirreferi għal ġrajja b’tifsir simboliku.
Letteralment “dijademi.”
Ifisser “Min Hu bħal Alla?”
Jew forsi “imma ġie megħlub,” jiġifieri d-dragun.
Jew “għal żmien u żminijiet u nofs żmien.”
Jew “nisilha.”