Ir-Rivelazzjoni li Rċieva Ġwanni (L-Apokalissi) 14:1-20
14 Imbagħad rajt il-Ħaruf fuq il-Muntanja Sijon, u miegħu kien hemm 144,000 li kellhom ismu u isem Missieru miktubin fuq moħħhom.
2 Jien smajt ħoss ġej mis-sema bħal dak taʼ ħafna ilma u taʼ ragħad qawwi. Il-ħoss li smajt kien bħal dak taʼ kantanti li kienu qed idoqqu l-arpi tagħhom waqt li jkantaw.
3 Huma kienu qishom qed ikantaw għanja ġdida quddiem it-tron, l-erbaʼ ħlejjaq ħajjin, u l-anzjani.* Ħadd ma setaʼ jitgħallem din l-għanja ħlief il-144,000 li nxtraw mid-dinja.
4 Dawn ma niġġsux lilhom infushom man-nisa; fil-fatt huma verġni. Dawn jibqgħu jimxu wara l-Ħaruf kull fejn imur. Huma kienu l-ewwel uħud* mill-bnedmin li nxtraw għal Alla u għall-Ħaruf.
5 Dawn qatt ma qarrqu b’dak li qalu u huma bla difett.
6 Jien rajt anġlu ieħor itir fis-sema.* Hu kellu aħbar tajba li se tibqaʼ għal dejjem biex jippritkaha lil dawk li jgħixu fuq l-art, jiġifieri lill-ġnus, it-tribujiet, il-lingwi,* u n-nies kollha.
7 Hu kien qed jgħid b’leħen għoli: “Irrispettaw ħafna lil* Alla u agħtuh glorja, għax wasal iż-żmien biex jagħmel ġudizzju. Għalhekk qimu lill-Wieħed li għamel is-sema, l-art, il-baħar, u l-għejun tal-ilma.”
8 Imbagħad ġie t-tieni anġlu u qal: “Waqgħet! Waqgħet Babilonja l-Kbira, dik li ġiegħlet lill-popli jixorbu mill-inbid tagħha li jħajjarhom jagħmlu l-immoralità sesswali!”*
9 Imbagħad ġie t-tielet anġlu u qal b’leħen għoli: “Jekk xi ħadd iqim il-bhima salvaġġa u l-istatwa tagħha, u jirċievi marka fuq moħħu jew idu,
10 anki hu se jixrob mill-inbid t’Alla li hu r-rabja tiegħu. Alla jferraʼ dan l-inbid pur fit-tazza tar-rabja tiegħu. Min jixrob minn dan l-inbid se jiġi tturmentat bin-nar u l-kubrit* quddiem l-anġli qaddisin u l-Ħaruf.
11 Id-duħħan tan-nar li jitturmentahom* se jibqaʼ tielaʼ għal dejjem taʼ dejjem. Dawk li jqimu l-bhima salvaġġa u l-istatwa tagħha u li jirċievu l-marka t’isimha, se jibqgħu jiġu tturmentati lejl u nhar.
12 Hu għalhekk li l-qaddisin għandhom bżonn jissaportu. Dawn huma dawk li jobdu l-kmandamenti t’Alla u jżommu sod mal-fidi li għandhom f’Ġesù.”
13 Jien smajt leħen mis-sema jgħidli: “Ikteb dan: Ferħanin huma dawk li minn issa ’l quddiem imutu bħala dixxipli tal-Mulej. L-ispirtu jgħid, iva, ħa jistrieħu mix-xogħol iebes tagħhom, għax dak li għamlu mhux se jintesa.”*
14 Imbagħad rajt sħaba bajda u fuqha kien hemm bilqiegħda xi ħadd bħal bin il-bniedem, li kellu kuruna tad-deheb fuq rasu u minġel jaqtaʼ f’idu.
15 Anġlu ieħor ħareġ mis-santwarju tat-tempju u lil dak bilqiegħda fuq is-sħaba qallu b’leħen għoli: “Uża l-minġel tiegħek u aħsad, għax wasal iż-żmien tal-ħsad, u l-prodott tal-art sar.”
16 Dak li kien bilqiegħda fuq is-sħaba uża l-minġel tiegħu u ħasad il-prodott tal-art.
17 Anġlu ieħor ħareġ mis-santwarju tat-tempju fis-sema, u anki hu kellu minġel jaqtaʼ.
18 Mill-artal ħareġ anġlu ieħor li kellu awtorità fuq in-nar. Hu qal b’leħen għoli lil dak li kellu l-minġel jaqtaʼ: “Uża l-minġel tiegħek u aqtaʼ l-għenieqed tad-dielja tal-art, għax l-għeneb sar.”
19 L-anġlu uża l-minġel tiegħu u qataʼ d-dielja tal-art. Hu tefagħha b’kollox fil-post il-kbir fejn jintgħasar l-għeneb, li jirrappreżenta r-rabja t’Alla.
20 Id-dielja ntgħasret barra l-belt, u d-demm li ħareġ minnha għola sa ħalq iż-żwiemel u nfirex sa 1,600 stadju.*
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “l-ewwel frott.”
^ Il-kelma bil-Grieg tirreferi għall-parti tas-sema fejn itiru l-għasafar.
^ Letteralment “l-ilsna.”
^ Letteralment “Ibżgħu minn.”
^ Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Dan jirreferi għal tip taʼ ġebla li taqbad bin-nar.
^ Jew “Id-duħħan tal-ħabs tagħhom.”
^ Letteralment “imur dritt magħhom.”