Ir-Rivelazzjoni li Rċieva Ġwanni (L-Apokalissi) 15:1-8

  • Sebaʼ anġli b’sebaʼ kastigi (1-8)

    • L-għanja taʼ Mosè u tal-Ħaruf (3, 4)

15  U fis-sema rajt ġrajja* oħra li kienet kbira u tal-għaġeb, u fiha kien hemm sebaʼ anġli b’sebaʼ kastigi. Dawn huma l-aħħar kastigi, għax meta jispiċċaw Alla ma jibqax irrabjat.  U rajt xi ħaġa bħal baħar tal-ħġieġ imħallat bin-nar, u dawk li rebħu l-bhima salvaġġa u l-istatwa tagħha u li ma kinux immarkati bin-numru taʼ isimha, kienu weqfin ħdejn il-baħar tal-ħġieġ. Huma kellhom l-arpi t’Alla.  Bdew ikantaw l-għanja taʼ Mosè l-ilsir t’Alla u l-għanja tal-Ħaruf, u qalu: “Alla Ġeħova* li Tistaʼ Kollox, dak li tagħmel hu kbir u tal-għaġeb. Re taʼ dejjem, int dejjem taġixxi b’mod ġust u li tistaʼ tafdah.  Ġeħova,* min mhux se jirrispettak ħafna u jigglorifika lil ismek? Għax int biss leali lejn in-nies tiegħek. Il-popli kollha se jiġu quddiemek u jqimuk, għax huma jaraw li int tiġġudika b’mod ġust.”  Wara dan rajt is-santwarju tat-tinda jinfetaħ fis-sema. Din it-tinda fiha x-xhieda t’Alla.  U mis-santwarju ħarġu s-sebaʼ anġli bis-sebaʼ kastigi. Dawn kienu lebsin ħwejjeġ tal-għażel nodfa u jleqqu, u kellhom trieħi tad-deheb madwar sidirhom.  Waħda mill-erbaʼ ħlejjaq ħajjin tat lis-sebaʼ anġli sebaʼ skutelli tad-deheb li kienu mimlijin bir-rabja tal-Alla li jgħix għal dejjem taʼ dejjem.  U s-santwarju mtela bid-duħħan minħabba l-glorja t’Alla u l-qawwa tiegħu, u ħadd ma setaʼ jidħol fih sakemm spiċċaw is-sebaʼ kastigi tas-sebaʼ anġli.

Noti taʼ taħt

Letteralment “sinjal.” Dan jirreferi għal ġrajja b’tifsir simboliku.