Ir-Rivelazzjoni li Rċieva Ġwanni (L-Apokalissi) 18:1-24

  • Il-waqgħa taʼ “Babilonja l-Kbira” (1-8)

    • “Poplu tiegħi, oħorġu minnha” (4)

  • Imdejqin minħabba l-waqgħa taʼ Babilonja (9-19)

  • Ferħ fis-sema minħabba l-waqgħa taʼ Babilonja (20)

  • Babilonja għandha titwaddab fil-baħar bħal ġebla (21-24)

18  Wara dan rajt anġlu ieħor nieżel mis-sema b’awtorità kbira, u l-art xegħlet bil-glorja tiegħu.  B’leħen sod għajjat: “Waqgħet! Babilonja l-Kbira waqgħet, u saret post fejn jgħixu d-demonji u post fejn jinħbew kull spirtu* ħażin* u kull għasfur maħmuġ u mibgħud!  Peress li dawk li jixorbu mill-inbid tagħha jiġu mħajrin jagħmlu l-immoralità sesswali,* il-popli kollha sikru bl-inbid tagħha, ir-rejiet tal-art għamlu l-immoralità sesswali magħha, u n-negozjanti* saru sinjuri bis-saħħa tal-ġid li akkwistat bla mistħija.”  U smajt leħen ieħor mis-sema jgħid: “Poplu tiegħi, oħorġu minnha jekk ma tridux tieħdu sehem fid-dnubiet tagħha u jekk ma tridux tirċievu l-kastigi tagħha.  Għax id-dnubiet tagħha lanqas tistaʼ tgħoddhom, u Alla se jiġġudikaha għall-affarijiet ħżiena* li għamlet.  Pattuhielha tal-affarijiet ħżiena li għamlet lil oħrajn, iva pattuhielha doppju għal dak li għamlet. Fit-tazza li ħalltet l-inbid fiha, ħalltulha d-doppju għaliha.  Daqskemm faħħret lilha nfisha u għexet fil-lussu li akkwistat bla mistħija, daqstant ieħor għandkom iġġegħluha tbati u tibki. Għax f’qalbha tibqaʼ tgħid, ‘Jien immexxi bħal reġina, m’iniex armla, u qatt mhu se nibki.’  Għax f’ġurnata waħda se jiġu l-kastigi tagħha: il-mewt, il-biki, u l-ġuħ. Alla Ġeħova* se jaħraqha għalkollox bin-nar, għax hu l-wieħed li se jiġġudikaha, u hu b’saħħtu.  “Ir-rejiet tal-art li għamlu l-immoralità sesswali* magħha u li għexu magħha fil-lussu li akkwistat bla mistħija, se jibku u juru li huma mdejqin ħafna* minħabba fiha meta jaraw id-duħħan tagħha hi u tinħaraq. 10  Peress li jibżgħu li jbatu bħalha, mill-bogħod jgħidu, ‘X’ħasra, x’ħasra li ġralek hekk! Int kont belt kbira, il-belt b’saħħitha taʼ Babilonja. Imma f’daqqa waħda ġie l-ġudizzju tiegħek.’ 11  “Ukoll, in-negozjanti tal-art jibku u huma mdejqin minħabba fiha, għax ħadd mhu jixtri l-affarijiet kollha li qed ibigħu: 12  deheb, fidda, ħaġar prezzjuż, perli, għażel fin, drapp vjola, ħarir, u drapp aħmar jgħajjat; u kull ħaġa magħmula minn injam ifuħ, mill-avorju, mill-injam prezzjuż, mir-ram, mill-ħadid, u mill-irħam; 13  kif ukoll kannella, ħwawar mill-Indja, inċens, żejt ifuħ, inċens abjad, inbid, żejt taż-żebbuġa, dqiq fin, qamħ, baqar, nagħaġ, żwiemel, karrijiet, ilsiera, u nies* għall-bejgħ. 14  Iva, il-frott mill-aqwa li kont tixtieq int,* m’għadux tiegħek, u l-ikel mill-aqwa u l-affarijiet sbieħ tiegħek sparixxewlek darba għal dejjem. 15  “In-negozjanti li biegħu dawn l-affarijiet u li saru sinjuri minn fuqha se jibqgħu ’l bogħod għax jibżgħu li se jbatu bħalha u se jibku u juru li huma mdejqin. 16  Huma jgħidu, ‘‘X’ħasra, x’ħasra li dawn l-affarijiet ġraw lil din il-belt il-kbira! Hi kienet liebsa ħwejjeġ tal-għażel fin, vjola, u ħomor jgħajtu, u ħafna deheb, ħaġar prezzjuż, u perli, 17  imma f’daqqa waħda sparixxa dan il-ġid kollu.’ “U kull kaptan taʼ vapur, kull persuna li tivvjaġġa bil-baħar, il-baħrin, u dawk kollha li xogħolhom jiddependi mill-baħar, qagħdu ’l bogħod 18  waqt li ħarsu lejn id-duħħan tagħha hi u tinħaraq, u qalu, ‘Liema belt hi bħall-belt il-kbira?’ 19  Huma tefgħu t-trab fuq rashom, għajtu, bkew, u ħassewhom imdejqin, u qalu, ‘X’ħasra, x’ħasra li dawn l-affarijiet ġraw lil din il-belt il-kbira! Permezz tal-ġid tagħha dawk kollha li kellhom vapur saru sinjuri, imma f’daqqa waħda spiċċat fix-xejn!’ 20  “Intom li qegħdin fis-sema u intom il-qaddisin flimkien mal-appostli u l-profeti għandkom tkunu ferħanin b’dan, għax Alla ġġudikaha għal dak li għamlitilkom!” 21  U anġlu b’saħħtu refaʼ ġebla bħal ġebla kbira taʼ mitħna u waddabha fil-baħar u qal: “Il-belt il-kbira, Babilonja, se titwaddab bl-istess ħeffa, u qatt mhu se terġaʼ tidher. 22  F’Babilonja mhux se jerġaʼ jinstemaʼ l-ħoss tal-kantanti li jdoqqu l-arpa, tal-mużiċisti, taʼ dawk li jdoqqu l-flawt, u taʼ dawk li jdoqqu t-trumbetti. Fiha mhux se jkun hemm iktar nies tas-sengħa, u mhux se jinstemaʼ iktar il-ħoss taʼ xi ġebla tal-mitħna. 23  Fiha mhux se jerġaʼ jiddi d-dawl taʼ lampa, u mhu se jinstemaʼ l-ebda leħen t’għarus u għarusa. Dan se jiġri għax in-negozjanti tagħha kienu l-iktar nies importanti fuq l-art u għax il-popli kollha tfixklu minħabba li n-nies tagħha għamlu l-ispiritiżmu. 24  Iva, din il-belt instabet ħatja tal-qtil tal-profeti u tal-qaddisin u taʼ dawk kollha li nqatlu b’mod vjolenti.”

Noti taʼ taħt

Jew forsi “nifs; nifs ’il barra; messaġġ ispirat.”
Letteralment “mhux nadif.”
Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “il-merkanti tal-art li jivvjaġġaw.”
Jew “għall-affarijiet kriminali.”
Letteralment “iħabbtu fuq sidirhom bin-niket.”
Jew “erwieħ tal-bnedmin.”
Jew “li kienet tixtieq ruħek.”