Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala Dejjem Nargumentaw?

Għala Dejjem Nargumentaw?

KAPITLU 2

Għala Dejjem Nargumentaw?

Fil-​ftuħ taʼ dan il-​kapitlu, Rachel, bi tliet modi, għandha parti mit-​tort għall-​argument li nqalaʼ. Tistaʼ tidentifika dawn it-​tliet modi? Ikteb it-​tweġibiet tiegħek hawn taħt, u mbagħad qabbilhom maʼ dawk li hemm fil-​kaxxa bit-​titlu  “Tweġibiet” f’paġna 20.

․․․․․

Huwa l-​Erbgħa filgħaxija. Rachel, li għandha 17-​il sena, lestiet xi xogħol li kellha tagħmel, u bix-​xieraq issa se tgawdi ftit ħin taʼ mistrieħ—fl-​aħħar! Tixgħel it-​televixin u tintefaʼ fuq il-​pultruna favorita tagħha.

Fis-​siegħa u l-​ħin, titfaċċa ommha fil-​bieb u ma tantx tidher kuntenta. “Rachel! Għala qed taħli ħinek tara t-​televixin meta suppost qed tgħin lil oħtok fil-​ħowmwerk? Int qatt ma tagħmel dak li jiġi mitlub minnek!”

“Erġajna bl-​istess kantaliena,” tgerger Rachel minn taħt l-​ilsien iżda b’volum għoli biżżejjed li jinstemaʼ.

Ommha tmil ’il quddiem u tgħid: “X’għedt sinjorina?”

“U xejn, Ma,” tgħid Rachel hi u tonfoħ u taqleb għajnejha.

Issa ommha vera rrabjata u tgħidilha: “Tgħollix leħnek miegħi!”

“Naħseb li int qed tgħolli leħnek u mhux jien!” tirrispondi fil-​pront Rachel.

Spiċċa l-​ħin tal-​mistrieħ . . . beda argument ieħor.

IS-​SITWAZZJONI li ssemmiet hawn fuq tinstemaʼ familjari? Int u l-​ġenituri tiegħek il-​ħin kollu targumentaw? Jekk iva, ħu ftit ħin biex tanalizza s-​sitwazzjoni. Liema huma s-​suġġetti li l-​iktar iqajmu konflitt? Agħmel ✔ fil-​kaxxi li japplikaw—jew ikteb is-​suġġett tiegħek stess maġenb “Suġġett ieħor.”

□ L-​attitudni

□ Ix-​xogħol tad-​dar

□ L-​ilbies

□ Il-​ħbieb

□ Id-​divertiment

□ Sa xħin nistaʼ ndum barra

□ Is-​sess oppost

□ Suġġett ieħor ․․․․․

Ikun xi jkun is-​suġġett, l-​argumenti jġiegħlu kemm lilek u kemm lill-​ġenituri tiegħek tħossukom ħażin. M’għandniex xi ngħidu, tistaʼ tagħżel li tigdem ilsienek u tagħmel tabirruħek li qed taqbel maʼ dak kollu li jgħidu l-​ġenituri tiegħek. Iżda jistenna minnek Alla li tagħmel hekk? Le. Huwa minnu li l-​Bibbja tgħidlek “onora lil missierek u lil ommok.” (Efesin 6:2, 3) Iżda tinkuraġġik ukoll biex tiżviluppa ‘l-​abbiltà li taħseb’ u li tuża l-​“qawwa tar-​raġuni” tiegħek. (Proverbji 1:1-​4; Rumani 12:1) Meta tagħmel hekk, żgur se jkollok ċerti konvinzjonijiet sodi li jistgħu jkunu differenti minn dawk tal-​ġenituri tiegħek. Madankollu, il-​ġenituri u ż-​żgħażagħ ġo familji li japplikaw il-​prinċipji tal-​Bibbja jistgħu jikkomunikaw b’mod paċifiku, anki meta ma jkunux jaqblu f’kollox.​—Kolossin 3:13.

Kif tistaʼ tesprimi ruħek mingħajr ma ddawwar konversazzjoni normali f’argument sħun? Huwa faċli li tgħid: “Din problema tal-​ġenituri tiegħi. Wara kollox, huma l-​uħud li dejjem jikkmandawni x’għandi nagħmel!” Iżda aħseb ftit: Tistaʼ tassew tbiddel lil ħaddieħor, inkluż il-​ġenituri tiegħek? Fir-​realtà, l-​unika persuna li tistaʼ tbiddel hija int stess. U xi ħaġa pożittiva hi li jekk tagħti l-​kontribut tiegħek biex ittaffi t-​tensjoni, x’aktarx li l-​ġenituri tiegħek ikunu iktar lesti jibqgħu kalmi u jagħtuk widen meta jkollok xi ħaġa xi tgħid.

Mela ejja naraw x’tistaʼ tagħmel int biex tevita li jinqalgħu l-​argumenti. Applika s-​suġġerimenti li ġejjin u għandek mnejn tissorprendi lill-​ġenituri tiegħek u saħansitra lilek innifsek bil-​mod ġdid kif qed tikkomunika.

Aħseb qabel ma twieġeb. Taqbadx u tfajjar l-​ewwel ħaġa li tiġik f’moħħok meta tħoss li qed tiġi attakkat bil-​kliem. Pereżempju, ejja ngħidu li ommok tgħidlek: “Għala ma ħsilthomx il-​platti? Int qatt ma tagħmel dak li jiġi mitlub minnek!” Tweġiba impulsiva tistaʼ tkun: “Kemm se ddum teqred?” Iżda aħseb ftit u pprova ifhem x’sentimenti ġiegħlu lil ommok tgħidlek dan il-​kliem. Normalment, stqarrijiet bi kliem bħal “dejjem” u “qatt” m’għandhomx jittieħdu b’mod letterali. Madankollu, dan il-​kliem jindika li jkun hemm xi emozzjoni warajh. Din x’tistaʼ tkun?

Forsi ommok tinsab frustrata għax qed tħossha mgħobbija iktar milli suppost bil-​faċendi. Jistaʼ jkun li sempliċement tridek tassiguraha li għandha l-​appoġġ tiegħek. Jekk dan ikun il-​każ, li tgħid: “Kemm se ddum teqred?” mhu se jwasslek imkien—ħlief forsi għal xi argument! Minflok, għala ma tagħmilhiex faċli għal ommok? Pereżempju, tistaʼ tgħid: “Ma, qed nifhem li int irrabjata. Ħa mmur naħsel il-​platti issa stess.” Oqgħod attent: Tużax sarkażmu fi kliemek. Wieġeb b’empatija u ommok x’aktarx tkun iktar kalma u tgħidlek x’inhi l-​problema vera. *

Hawn taħt, ikteb stqarrija li tistaʼ tagħmel ommok jew missierek li għandha mnejn tipprovokak—jekk tħalliha.

․․․․․

Issa aħseb fi tweġiba taʼ mogħdrija li tistaʼ tagħti u li forsi tkun fi qbil mas-​sentiment li jkun ġiegħel lil ommok jew lil missierek ilissen l-​istqarrija.

․․․․․

Tkellem b’rispett. Mill-​esperjenza, Michelle tgħallmet l-​importanza taʼ kif tkellem lil ommha. Hi tgħid: “Tkun xi tkun il-​problema, il-​kwistjoni dejjem tkun li ommi ma tiħux pjaċir bit-​ton taʼ leħni.” Jekk dan jiġri spiss fil-​każ tiegħek, tgħallem tkellem bil-​mod u bil-​kwiet u toqgħodx taqleb għajnejk jew tagħti indikazzjonijiet oħrajn mhux verbali li qed tirrita ruħek. (Proverbji 30:17) Jekk tħoss li tkun se titlef il-​kontroll, għid talba qasira f’qalbek. (Neħemija 2:4) M’għandniex xi ngħidu, it-​talba tiegħek m’għandhiex tkun biex il-​ġenituri tiegħek jieqfu jiffittawk; għandha tkun biex tiġi megħjun tikkontrolla lilek innifsek ħalli ma tressaqx porvli lejn in-​nar.—Ġakbu 1:26.

Fl-​ispazju t’hawn taħt, ikteb xi reazzjonijiet verbali u mhux verbali li int għandek tendenza li tagħmel u li għandek tevita.

Reazzjonijiet verbali (x’tgħid int):

․․․․․

Reazzjonijiet mhux verbali (l-​espressjonijiet taʼ wiċċek u taʼ ġismek):

․․․․․

Agħti widen. Il-​Bibbja tgħid: “Se tgħid il-​ħaġa żbaljata jekk titkellem wisq.” (Proverbji 10:19, Contemporary English Version) Mela kun ċert li tagħti ċans lil ommok jew lil missierek biex jitkellem u li tagħti attenzjoni sħiħa lill-​ġenitur tiegħek. Tinterrompix biex tiġġustifika l-​azzjonijiet tiegħek. Agħti widen. Iktar tard, meta l-​ġenitur ikun qal dak li għandu jgħid, ikollok bosta opportunitajiet biex tagħmel xi mistoqsijiet jew biex tispjega l-​opinjoni tiegħek. Mill-​banda l-​oħra, jekk tinsisti li tesprimi l-​opinjoni tiegħek dak il-​ħin stess, għandek mnejn tiggrava l-​affarijiet. Anke jekk ikollok iktar xi tgħid, dak il-​ħin x’aktarx ikun “żmien li toqgħod kwiet.”—Ekkleżjasti 3:7.

Kun lest li titlob skuża. Dejjem ikun xieraq li tgħid “jiddispjaċini” għal xi ħaġa li tkun għamilt u li tkun wasslet biex jinqalaʼ konflitt. (Rumani 14:19) Tistaʼ saħansitra tgħid li jiddispjaċik li nqalaʼ konflitt. Jekk issibha diffiċli biex tagħmel dan wiċċ imb wiċċ ipprova esprimi s-​sentimenti tiegħek bil-​kitba. Imbagħad, ‘oħroġ barra minn triqtek’ billi tbiddel xi kondotta li tkun ikkaġunat konflitt. (Mattew 5:41) Pereżempju, jekk jinqalaʼ xi argument għax tkun ittraskurajt xi xogħol tad-​dar, għala ma tissorprendix lill-​ġenituri tiegħek billi taqbad u tagħmlu? Anke jekk ma tħobbx tagħmel dan ix-​xogħol, mhux aħjar taqbad u tagħmlu milli tiffaċċja l-​konsegwenzi li jiġu meta l-​ġenituri jindunaw li tkun għadek m’għamiltux? (Mattew 21:28-​31) Aħseb fuq il-​benefiċċji li tikseb meta tagħti l-​kontribut tiegħek biex tnaqqas it-​tensjoni bejnek u bejn il-​ġenituri tiegħek.

Familji li jirnexxu jkollhom konflitti, iżda dawn jafu kif isolvuhom b’mod paċifiku. Applika s-​suġġerimenti li jintwerew f’dan il-​kapitlu u għandek mnejn issib li tistaʼ tiddiskuti saħansitra suġġetti diffiċli mal-​ġenituri tiegħek—mingħajr ma targumenta!

FIL-​KAPITLU LI JMISS

Tħoss li l-​ġenituri tiegħek għandhom jagħtuk iktar libertà? Jekk iva, int x’tistaʼ tagħmel?

[Nota ta’ taħt]

^ par. 26 Għal iktar informazzjoni, ara l-​ktieb Questions Young People AskAnswers That Work, Volume 2, Kapitlu 21.

SKRITTURA PRINĊIPALI

“Il-​ġust jaħsibha qabel iwieġeb.” ​—Proverbji 15:28, Għaqda Biblika Maltija.

SUĠĠERIMENT

Meta l-​ġenituri tiegħek ikunu qed ikellmuk itfi l-​mużika, neħħi l-​ktieb jew ir-​rivista minn idejk, u żomm kuntatt magħhom b’għajnejk.

KONT TAF . . . ?

Jekk tistinka biex issolvi jew tevita xi konflitt se tagħmel il-​ħajja iktar faċli għalik. Fil-​fatt, il-​Bibbja tgħid li “bniedem taʼ qalb tajba bl-​imħabba jippremja lilu nnifsu.”​Proverbji 11:17.

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

L-​iktar suġġeriment minn dan il-​kapitlu li għandi bżonn naħdem fuqu hu ․․․․․

Jien determinat(a) li nibda napplika dan is-​suġġeriment minn (ikteb id-​data) ․․․․․

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

[Caption f’paġna 20]

INT X’TAĦSEB?

● Għala xi wħud minn dawk tamparek iħossu li huwa tajjeb li wieħed ikun kapaċi jirbaħ argument?

● Alla Ġeħova għala jħares lejn individwu li jħobb jargumenta bħala iblah?—Proverbji 20:3.

Int liema benefiċċji tikseb jekk tnaqqas it-​tensjoni bejnek u bejn il-​ġenituri tiegħek?

[Kumment f’paġna 18]

 “Kemm nieħu pjaċir meta kultant ommi turini li jkun iddispjaċieha billi tgħannaqni. Imbagħad inkunu nistgħu nħallu l-​passat warajna. Jien nipprova nagħmel l-​istess ħaġa. Jistaʼ jkun taʼ benefiċċju kbir li nwarrab il-​kburija u bis-​sinċerità kollha ngħid ‘jiddispjaċini,’ għalkemm ikolli nammetti li dan ma jkunx faċli.”​—Lauren

[Kaxxa f’paġna 20]

Tweġibiet

1. L-​użu tas-​sarkażmu (“Erġajna bl-​istess kantaliena”) sewa biss biex iressaq il-​porvli lejn in-​nar, u b’hekk żied il-​frustrazzjoni t’ommha.

2. Bl-​espressjoni taʼ wiċċha (taqleb għajnejha), Rachel kienet qed tistieden l-​inkwiet.

3. In-​nuqqas taʼ rispett meta tirrispondi (“Naħseb li int qed tgħolli leħnek u mhux jien!”) kważi dejjem jiggrava s-​sitwazzjoni.

[Stampa f’paġna 19]

L-​argumenti maʼ ġenitur huma bħal meta tiġri fuq treadmill—taħli ħafna enerġija iżda ma tasal imkien