Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 9

Il-Familja Tiegħek Kif Tista’ Tkun Hienja?

Il-Familja Tiegħek Kif Tista’ Tkun Hienja?

1. Iż-​żwieġ għala hu vitali biex ikun hemm l-​hena fil-​familja?

L-​aħbar tajba tiġi mingħand Ġeħova, l-​Alla l-​hieni, li jrid li l-​familji jkunu henjin. (1 Timotju 1:11) Hu oriġina ż-​żwieġ. Iż-​żwieġ legali hu vitali għall-​hena fil-​familja għax jipprovdi ambjent sigur li fih jitrabbew it-​tfal. Il-​Kristjani għandhom jirrispettaw il-​liġijiet tal-​pajjiż rigward ir-​reġistrazzjoni taż-​żwieġ.—Aqra Luqa 2:1, 4, 5

Alla kif iħares lejn iż-​żwieġ? Hu jridu jkun unjoni permanenti bejn raġel u mara. Ġeħova jrid li l-​irġiel u n-​nisa miżżewġin ikunu leali lejn xulxin. (Ebrej 13:4) Hu jobgħod id-​divorzju. (Malakija 2:16) Imma jippermetti li l-​Kristjani jiddivorzjaw u jerġgħu jiżżewġu biss jekk il-​parti l-​oħra tikkommetti adulterju.​—Aqra Mattew 19:3-​6, 9.

2. Raġel u mara miżżewġin kif għandhom jittrattaw lil xulxin?

Ġeħova ħalaq lill-​irġiel u lin-​nisa biex jaħdmu flimkien id f’id. (Ġenesi 2:18) Bħala l-​kap tal-​familja, ir-​raġel għandu jieħu t-​tmexxija f’li jipprovdi materjalment għal familtu u f’li jgħallimhom dwar Alla. Għandu jkollu mħabba mhix egoistika għal martu. L-​irġiel u n-​nisa miżżewġin għandhom iħobbu u jirrispettaw lil xulxin. Ladarba l-​irġiel u n-​nisa kollha huma imperfetti, li jitgħallmu jaħfru hu fundamentali għall-​hena fiż-​żwieġ.​—Aqra Efesin 4:31, 32; 5:22-​25, 33; 1 Pietru 3:7.

3. Għandek tabbanduna żwieġ li mhuwiex hieni?

Jekk tesperjenzaw diffikultajiet fiż-​żwieġ tagħkom, it-​tnejn li intom għandkom tirsistu biex tittrattaw lil xulxin bi mħabba. (1 Korintin 13:4, 5) Il-​Kelma t’Alla ma tirrikkmandax is-​separazzjoni bħala mod kif jissolvew problemi li huma komuni fiż-​żwieġ.​—Aqra l-​1 Korintin 7:10-​13.

4. Tfal, Alla xi jrid għalikom?

Ġeħova jridkom tkunu henjin. Hu jagħtikom l-​aħjar pariri dwar kif tgawdu ż-​żgħożija tagħkom. Iridkom tibbenefikaw mill-​għerf u mill-​esperjenza tal-​ġenituri tagħkom. (Kolossin 3:20) Ukoll, Ġeħova jridkom tesperjenzaw il-​ferħ li jiġi meta tagħmlu l-​affarijiet għall-​Ħallieq tagħkom u għal Ibnu.​—Aqra Ekkleżjasti 11:9–12:1; Mattew 19:13-​15; 21:15, 16.

5. Ġenituri, uliedkom kif jistgħu jsibu l-​hena?

Għandkom taħdmu iebes biex tipprovdu l-​ikel, il-​kenn, u l-​ilbies għal uliedkom. (1 Timotju 5:8) Imma sabiex uliedkom isibu l-​hena, għandkom bżonn ukoll tgħallmuhom iħobbu lil Alla u jitgħallmu minnu. (Efesin 6:4) L-​eżempju tagħkom f’li turu mħabba lejn Alla jistaʼ jinfluwenza profondament qalb uliedkom. Meta tkun ibbażata fuq il-​Kelma t’Alla, l-​istruzzjoni tagħkom tistaʼ ssawwar il-​ħsib taʼ wliedkom b’mod pożittiv.​—Aqra Dewteronomju 6:4-​7; Proverbji 22:6.

It-​tfal jibbenefikaw meta tinkuraġġuhom u tfaħħruhom. Jeħtieġu wkoll il-​korrezzjoni u d-​dixxiplina. Taħriġ bħal dan jipproteġihom minn kondotta li tistaʼ tisirqilhom l-​hena. (Proverbji 22:15) Madankollu, id-​dixxiplina qatt m’għandha tkun ħarxa jew krudila.​—Aqra Kolossin 3:21.

Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jippubblikaw diversi kotba li huma miktubin speċjalment biex jgħinu lill-​ġenituri u lit-​tfal. Dawn il-​kotba huma bbażati fuq il-​Bibbja.​—Aqra Salm 19:7, 11.