KAPITLU 11
Ġwanni l-Battista jħejji t-triq
MATTEW 3:1-12 MARKU 1:1-8 LUQA 3:1-18 ĠWANNI 1:6-8, 15-28
-
ĠWANNI JIPPRIETKA U JGĦAMMED
-
ĦAFNA JITGĦAMMDU, IMMA MHUX KULĦADD
Niftakru li Ġesù kellu 12-il sena meta kien fit-tempju jagħmel mistoqsijiet lill-għalliema. Issa għaddew 17-il sena, u hi r-rebbiegħa tas-sena 29 wara Kristu (WK). Ħafna qed jitkellmu dwar il-qarib taʼ Ġesù, Ġwanni, li qed jipprietka madwar il-pajjiż kollu fin-naħa tal-Punent tax-Xmara Ġordan.
Ġwanni hu raġel impressjonanti mhux ħażin, kemm fid-dehra kif ukoll fi kliemu. L-ilbies tiegħu hu magħmul mix-xagħar tal-ġemel, u jilbes ċinturin tal-ġilda madwar qaddu. Hu jiekol ġurati u għasel salvaġġ. X’inhu l-messaġġ tiegħu? “Indmu, għax qorbot is-saltna tas-smewwiet.”—Mattew 3:2.
Il-messaġġ taʼ Ġwanni jqanqal lil dawk li ġew biex jisimgħuh. Ħafna jirrealizzaw li għandhom bżonn jindmu, jiġifieri, li jbiddlu l-attitudni u l-mod taʼ ħajja tagħhom. Dan jagħmluh billi jwarrbu l-mod kif kienu jgħixu qabel għax jagħrfu li ma kienx xieraq. Dawk li jiġu għandu huma minn “Ġerusalemm u l-Lhudija kollha u l-pajjiż kollu madwar il-Ġordan.” (Mattew 3:5) Ħafna minn dawk li jmorru għand Ġwanni jindmu. Hu jgħammidhom, billi jgħaddashom fl-ilmijiet tal-Ġordan. Għala?
Hu jgħammed lin-nies bħala simbolu, jew turija, tal-indiema tagħhom mill-qalb għad-dnubiet li kkommettew kontra l-patt tal-Liġi t’Alla. (Atti 19:4) Iżda mhux kulħadd jikkwalifika. Meta xi mexxejja reliġjużi, Fariżej u Sadduċej, imorru għandu, Ġwanni jsejħilhom “nisel il-lifgħat.” Hu jgħid: “Agħmlu mela frott li jixraq lill-indiema; u tażżardawx tgħidu fikom infuskom, ‘Bħala missierna għandna lil Abraham.’ Għax jien ngħidilkom li Alla kapaċi jqajjem ulied lil Abraham minn dan il-ġebel. Il-mannara diġà qiegħda maʼ l-għeruq tas-siġar; għalhekk, kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tintefaʼ fin-nar.”—Mattew 3:7-10.
Peress li Ġwanni qed jingħata ħafna attenzjoni, għandu messaġġ qawwi, u qed jgħammed lil ħafna, il-qassisin u l-Leviti jintbagħtu biex jistaqsuh: “Min int?”
“M’iniex il-Kristu,” jammetti Ġwanni.
Huma jistaqsu: “Min int, mela? Elija?”
Hu jwieġeb: “M’iniex.”
“Int il-Profeta?” jistaqsu, jiġifieri l-Profeta l-kbir li Mosè qal li kellu jiġi.—Dewteronomju 18:15, 18.
“Le!” iwieġeb Ġwanni.
Huma jibdew jinsistu: “Min int, biex inwieġbu lil dawk li bagħtuna? X’tgħid dwarek innifsek?” Ġwanni jgħid: “Jien leħen taʼ xi ħadd li qed jgħajjat fix-xagħri, ‘Iddrittaw it-triq taʼ Ġeħova,’ bħalma qal il-profeta Isaija.”—Ġwanni 1:19-23.
Huma jridu jkunu jafu: “Allura int għala tgħammed jekk m’intix il-Kristu jew Elija jew il-Profeta?” Hu jagħti tweġiba sinifikanti: “Jien ngħammed fl-ilma. F’nofskom hemm wieħed li ma tafuhx, dak li ġej warajja.”—Ġwanni 1:25-27.
Iva, Ġwanni jirrikonoxxi li hu qed iħejji t-triq billi jgħin lin-nies ikollhom qalb li hi lesta taċċetta l-Messija mbassar, il-wieħed li se jkun Sultan. Dwaru, Ġwanni jgħid: “Dak li ġej warajja hu b’saħħtu iktar minni, u jien ma jistħoqqlix inneżżagħlu s-sandli minn saqajh.” (Mattew 3:11) Infatti, Ġwanni saħansitra jgħid: “Dak li ġej warajja avanza quddiemi, għax eżista qabli.”—Ġwanni 1:15.
Għalhekk, il-messaġġ taʼ Ġwanni “Indmu, għax qorbot is-saltna tas-smewwiet” tassew hu xieraq. (Mattew 3:2) Dan iservi bħala avviż pubbliku li dalwaqt kien se jibda l-ministeru taʼ Ġesù Kristu, dak li fil-futur kellu jkun is-Sultan taʼ Ġeħova.