KAPITLU 72
Ġesù jibgħat 70 dixxiplu biex jippritkaw
-
ĠESÙ JAGĦŻEL 70 DIXXIPLU U JIBGĦATHOM BIEX JIPPRITKAW
Issa hu viċin l-aħħar tas-sena 32 WK, madwar tliet snin minn mindu tgħammed Ġesù. Hu u d-dixxipli tiegħu reċentement kienu Ġerusalemm għall-Festa tal-Għerejjex u x’aktarx li għadhom fil-viċinanzi. (Luqa 10:38; Ġwanni 11:1) Infatti, Ġesù jqattaʼ l-biċċa l-kbira mill-aħħar sitt xhur tal-ministeru tiegħu fil-Lhudija jew in-naħa l-oħra tax-Xmara Ġordan fid-distrett tal-Perija. L-ippritkar hu meħtieġ f’dawn l-inħawi wkoll.
Iktar kmieni, wara l-Qbiż tas-sena 30 WK, Ġesù qattaʼ xi xhur jipprietka fil-Lhudija u jivvjaġġa madwar is-Samarija. Imbagħad madwar iż-żmien tal-Qbiż tas-sena 31 WK, il-Lhud f’Ġerusalemm ipprovaw joqtluh. Fis-sena u nofs taʼ wara, Ġesù għallem l-iktar fit-Tramuntana, il-Galilija. Matul dak iż-żmien, ħafna saru segwaċi tiegħu. Fil-Galilija, Ġesù ħarreġ lill-appostli tiegħu u mbagħad bagħathom b’din l-istruzzjoni: “Ippridkaw u għidu, ‘Qorbot is-saltna tas-smewwiet.’” (Mattew 10:5-7) Issa jorganizza kampanja taʼ ppritkar fil-Lhudija.
Biex jibda din il-kampanja, Ġesù jagħżel 70 dixxiplu u jibgħathom tnejn tnejn. B’hekk, hemm 35 par jippritkaw dwar is-Saltna fit-territorju, fejn “il-ħsad hu kbir, imma l-ħaddiema ftit.” (Luqa 10:2) Huma għandhom imorru minn qabel f’postijiet fejn forsi ħa jmur Ġesù. Is-70 għandhom ifejqu lill-morda u jaqsmu l-istess messaġġ li kien qed ixandar Ġesù.
Dawn id-dixxipli m’għandhomx jiffokaw fuq li jgħallmu fis-sinagogi. Ġesù jgħidilhom biex imorru fid-djar tan-nies. “Kulfejn tidħlu f’xi dar,” hu jgħidilhom, “l-ewwel għidu, ‘Jalla jkollha l-paċi din id-dar!’ U jekk ikun hemm ħabib tal-paċi, il-paċi tagħkom tibqaʼ fuqu.” X’għandu jkun il-messaġġ tagħhom? Ġesù jgħid: “Għidulhom, ‘Is-saltna t’Alla qorbot lejkom.’”—Luqa 10:5-9.
L-istruzzjonijiet li Ġesù jagħti lis-70 huma simili għal dawk li ta lit-12-il appostlu meta bagħathom jippritkaw madwar sena qabel. Hu jwissihom li mhux kulħadd se jilqagħhom tajjeb. Imma l-isforzi tagħhom se jħejju lil dawk interessati biex meta jasal Ġesù ftit wara, ħafna jkunu ħerqanin biex jiltaqgħu mas-Sid u jitgħallmu minnu.
Il-35 par ma jdumux ma jirritornaw lura għand Ġesù. Dawn il-predikaturi tas-Saltna b’ferħ jgħidulu: “Mulej, anki d-demonji jintgħamlu sottomessi lejna f’ismek.” Dan ir-rapport tajjeb żgur li jferrħu ħafna lil Ġesù, għax jgħid: “Bdejt nara lil Satana diġà mwaqqaʼ bħal sajjetta mis-sema. Ara! Tajtkom l-awtorità li tgħaffġu taħt saqajkom sriep u skorpjuni.”—Luqa 10:17-19.
B’hekk, Ġesù jaċċerta lis-segwaċi tiegħu li Luqa 10:20.
se jkunu jistgħu jegħlbu affarijiet li jagħmlu l-ħsara, billi b’mod simboliku jgħaffġu taħt saqajhom sriep u skorpjuni. Barra minn hekk, jistgħu jkunu ċerti li fil-futur Satana se jaqaʼ mis-sema. Ukoll, Ġesù jgħin lis-70 biex jaraw x’inhu verament importanti. Hu jgħid: “Tifirħux b’dan, li l-ispirti jintgħamlu sottomessi lejkom, imma ifirħu għax isimkom tnaqqax fis-smewwiet.”—Ġesù tgħidx kemm jifraħ u jfaħħar lil Missieru pubblikament talli juża lil dawn il-qaddejja umli tiegħu b’mod tant setgħan. Hu jdur lejn id-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Henjin l-għajnejn li jaraw dak li qed taraw intom. Għax ngħidilkom, Ħafna profeti u slaten xtaqu jaraw dak li qed taraw intom imma ma rawhx, u jisimgħu dak li qed tisimgħu intom imma ma semgħuhx.”—Luqa 10:23, 24.