Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

LEZZJONI 15

L-Anzjani Kif Jgħinu lill-Kongregazzjoni?

L-Anzjani Kif Jgħinu lill-Kongregazzjoni?

Il-Finlandja

Tagħlim

Indokrar

Għoti taʼ xhieda

L-organizzazzjoni tagħna m’għandhiex kleru li jitħallas. Minflok, bħalma ġara meta bdiet il-kongregazzjoni Kristjana, indokraturi kwalifikati jiġu maħturin ‘biex jirgħu l-kongregazzjoni t’Alla.’ (Atti 20:28) Dawn l-anzjani huma rġiel maturi spiritwalment li jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni u jirgħu, ‘mhux bilfors, imma minn jeddhom; mhux għall-imħabba tal-qligħ diżonest, imma bil-ħerqa.’ (1 Pietru 5:1-3) Liema xogħol jagħmlu għall-ġid tagħna?

Huma jieħdu ħsiebna u jipproteġuna. L-anzjani jiggwidaw u jgħinu biex jipproteġu lill-kongregazzjoni spiritwalment. Minħabba li huma konxji li Alla fdahom b’dan l-irwol importanti, l-anzjani ma jiddominawx lin-nies tiegħu, imma minflok, jgħinuna nkunu kuntenti u ferħanin. (2 Korintin 1:24) Bħalma ragħaj jieħu ħsieb b’mod diliġenti kull waħda min-nagħaġ tiegħu, l-anzjani jipprovaw isiru jafu lil kull membru tal-kongregazzjoni individwalment.—Proverbji 27:23.

Jgħallmuna kif nagħmlu r-rieda t’Alla. Kull ġimgħa, l-anzjani jmexxu l-laqgħat tal-kongregazzjoni biex isaħħulna l-fidi tagħna. (Atti 15:32) Dawn l-irġiel devoti jieħdu t-tmexxija wkoll fl-attività tal-evanġelizzar, billi jaħdmu magħna u jħarrġuna f’kull aspett tal-ministeru.

Jinkuraġġuna personalment. Sabiex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tagħna b’mod individwali, l-anzjani lokali tagħna jistgħu jżuruna fid-dar tagħna jew fis-Sala tas-Saltna biex joffru għajnuna u faraġ mill-Iskrittura.—Ġakbu 5:14, 15.

Apparti x-xogħol tagħhom fil-kongregazzjoni, il-maġġoranza tal-anzjani għandhom ukoll xogħol sekulari u responsabbiltajiet tal-familja li jeħtieġu l-ħin u l-attenzjoni tagħhom. Dawn l-aħwa rġiel li jaħdmu tant iebes jistħoqqilhom ir-rispett tagħna.—1 Tessalonikin 5:12, 13.

  • X’inhu l-irwol tal-anzjani tal-kongregazzjoni?

  • L-anzjani b’liema modi juru interess personali fina?