MISTOQSIJA 1
Jien min jien?
INT KIEKU X’TAGĦMEL?
Immaġina din ix-xena: Karen ma kinitx ilha iktar minn għaxar minuti f’party meta tismaʼ leħen familjari minn warajha.
“X’int tagħmel hemm bilwieqfa?”
Karen iddur u tara lill-ħabiba tagħha Jessica b’żewġ fliexken birra f’idejha. Jessica tpoġġilha flixkun eżatt quddiem wiċċha u tgħidilha, “Tgħidlix li għadek żgħira wisq biex tieħu ftit pjaċir taʼ!”
Karen tixtieq tirrifjuta, imma Jessica hi l-ħabiba tagħha. U Karen ma tixtieqx li l-ħabiba tagħha taħseb li hi stramba. Barra minn hekk, Jessica hi waħda mit-tfajliet bil-għaqal. U jekk hi qed tixrob, allura mhijiex xi ħaġa daqshekk ħażina. ‘Mur ara, mhux daqsxejn birra,’ tgħid Karen bejnha u bejn ruħha. ‘Mhix l-istess bħad-drogi.’
Li kieku kont fis-sitwazzjoni taʼ Karen, int kieku x’tagħmel?
IEQAF U AĦSEB!
Biex tieħu deċiżjoni għaqlija f’sitwazzjoni bħal din, għandek bżonn identità, jiġifieri tkun taf x’tip taʼ persuna int. Il-fatt li tkun taf x’tip taʼ persuna int jirreferi għall-valuri li għandek u dak li temmen fih. Meta jkollok dan l-għarfien, se tkun kapaċi tikkontrolla ħajtek int minflok ma tħalli lil oħrajn jikkontrollawha għalik.—1 Korintin 9:26, 27.
Kif jistaʼ jkollok identità b’saħħitha? Li twieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin hu bidu tajjeb.
1 X’INHUMA L-KAPAĊITAJIET TIEGĦI?
Li tkun taf x’inhuma l-abbiltajiet u l-kwalitajiet pożittivi tiegħek se jgħinek biex ikollok iktar fiduċja fik innifsek.
EŻEMPJU BIBLIKU: L-appostlu Pawlu kiteb: “Anki jekk m’iniex kapaċi nitkellem, żgur li kapaċi fl-għarfien.” (2 Korintin 11:6) Peress li kellu fehma tajba tal-Iskrittura, Pawlu setaʼ jibqaʼ sod meta oħrajn sfidawh. Hu ma ħalliex il-kummenti negattivi t’oħrajn idgħajfulu l-fiduċja tiegħu.—2 Korintin 10:10; 11:5.
EŻAMINA LILEK INNIFSEK: Ikteb talent jew abbiltà li għandek.
Issa ddeskrivi kwalità li tispikka fiha. (Pereżempju, jimpurtak minn oħrajn? int ġeneruż? taʼ min jafdak? puntwali?)
2 X’INHUMA D-DGĦUFIJIET TIEGĦI?
Bħalma katina ma tibqax b’saħħitha jekk ikollha xi ħolqa difettuża, l-identità tiegħek malajr tistaʼ tinbidel għall-agħar jekk tħalli d-dgħufijiet tiegħek jikkontrollawlek ħajtek.
EŻEMPJU BIBLIKU: Pawlu kien konxju tad-dgħufijiet tiegħu. Hu kiteb: “Jien tassew nitgħaxxaq bil-liġi t’Alla skond il-bniedem li jien minn ġewwa, imma fil-membri taʼ ġismi nara liġi oħra tiġġieled kontra l-liġi taʼ moħħi u tjassarni għal-liġi tad-dnub.”—Rumani 7:22, 23.
EŻAMINA LILEK INNIFSEK: Liema dgħufijiet għandek bżonn titgħallem tikkontrolla?
3 X’INHUMA L-MIRI TIEGĦI?
Sejjer int tirkeb ġo taxi u tgħid lis-sewwieq biex jibqaʼ jdur mal-blokk sakemm il-karozza jispiċċalha l-petrol? Din mhux biss tkun xi ħaġa bla sens, imma tiġik spiża wkoll!
Il-lezzjoni? Il-miri jagħtuk direzzjoni u jgħinuk biex ma taħlix ħajtek. Ikollok ħsieb fejn trid tmur u pjan kif tasal hemmhekk.
EŻEMPJU BIBLIKU: Pawlu kiteb: “M’iniex niġri b’mod inċert.” (1 Korintin 9:26) Minflok ma ntelaq mal-kurrent, Pawlu għamel miri u mbagħad għex fi qbil magħhom. —Filippin 3:12-14.
EŻAMINA LILEK INNIFSEK: Ikteb tliet miri li tixtieq tilħaq fi żmien sena.
4 X’INHUMA L-PRINĊIPJI TIEGĦI?
Jekk ma jkollokx prinċipji, ma tasalx biex tieħu deċiżjoni. Bħal kamaleonte, tbiddel il-kulur biex taqbel maʼ dawk tamparek—sinjal ċar li m’għandekx identità tiegħek stess.
B’differenza, meta l-mod kif taġixxi jkun ibbażat fuq dak li int konvint minnu, int se żżomm l-identità tiegħek—jagħmel x’jagħmel ħaddieħor.
EŻEMPJU BIBLIKU: Waqt li x’aktarx kien għadu żagħżugħ, il-profeta Danjel kien “deċiż f’qalbu” li jobdi l-liġijiet t’Alla, minkejja li kien ’il bogħod minn familtu. (Danjel 1:8) Billi għamel hekk, hu żamm maʼ dak li kien jemmen. Danjel għex fi qbil mal-prinċipji tiegħu.
EŻAMINA LILEK INNIFSEK: X’inhuma l-prinċipji tiegħek? Pereżempju: Temmen int f’Alla? Jekk iva, għala? Liema evidenza tikkonvinċi lilek li hu jeżisti?
Temmen li l-livelli morali t’Alla huma għall-benefiċċju tiegħek stess? Jekk iva, għala?
Fl-aħħar mill-aħħar, int liema tippreferi tkun—werqa li taqaʼ u li tittajjar maʼ kull żiffa li tgħaddi jew siġra li tkun tiflaħ saħansitra għal maltempati kbar? Saħħaħ l-identità tiegħek, u int tkun bħal dik is-siġra. U dan se jgħinek twieġeb il-mistoqsija, Jien min jien?