Kif Nistaʼ Nispjega l-Ħarsa tal-Bibbja Lejn l-Omosesswalità?
Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
Fiċ-ċerimonja tal-premjijiet iqum ferħ taʼ ġenn meta żewġ attriċi popolari jilqgħu lil xulxin b’bewsa passjonali! Dawk li qed jaraw, għall-ewwel iħossuhom ixxokkjati, u mbagħad jifirħu biex juru li jappoġġawhom. L-omosesswali jsejħulha rebħa. Xi wħud jemmnu li kienet biss xi ħaġa biex jiġbdu l-għajn. Hi x’inhi, vidjos tal-bewsa se jintwerew darba wara l-oħra fuq it-televixin—u se jkunu popolari ferm fuq l-Internet—għal diversi ġranet.
BĦALMA hu deskritt fix-xena t’hawn fuq, ftit hemm ġrajjiet li joħolqu eċċitament fil-mezzi tax-xandir daqskemm meta xi ċelebrità tistqarr li hi omosesswali jew bisesswali. a Xi wħud ifaħħru lil uħud bħal dawn għall-kuraġġ tagħhom; oħrajn jikkundannawhom għall-ħajja żienja tagħhom. Bejn iż-żewġ estremi, ħafna jqisu l-omosesswalità bħala xejn iktar minn mod taʼ ħajja alternattiva. “Meta kont l-iskola,” jgħid Daniel li għandu 21 sena, “anki tfal li ma kinux omosesswali ħassew li jekk kellek xi problema bl-idea tal-omosesswalità, kont qed turi preġudizzju u tiġġudika.” b
Attitudnijiet dwar l-omosesswalità għandhom mnejn ikunu differenti minn ġenerazzjoni għal oħra jew minn pajjiż għal ieħor. Imma l-Kristjani mhumiex “imtajrin minn kull riħ taʼ tagħlim.” (Efesin 4:14) Minflok, iżommu mal-ħarsa tal-Bibbja.
X’inhi l-ħarsa tal-Bibbja lejn l-omosesswalità? Jekk tgħix fi qbil mal-liġijiet morali tal-Bibbja, kif tistaʼ twieġeb lil dawk li jgħidu li int turi preġudizzju, tiġġudika, jew saħansitra tobgħod lill-omosesswali? Ikkunsidra l-mistoqsijiet li ġejjin u xi risposti li jistgħu jkunu t’għajnuna.
Il-Bibbja x’tgħid dwar l-omosesswalità? Il-Bibbja tagħmilha ċara li Alla ddisinja s-sess biex jitgawda biss bejn raġel u mara u fl-arranġament taż-żwieġ biss. (Ġenesi 1:27, 28; Levitiku 18:22; Proverbji 5:18, 19) Meta l-Bibbja tikkundanna ż-żína, tkun qed tirreferi kemm għal kondotta omosesswali kif ukoll għal kondotta eterosesswali (bejn raġel u mara). c—Galatin 5:19-21.
Jekk xi ħadd jistaqsik: “X’inhi l-ħarsa tiegħek lejn l-omosesswalità?”
Forsi twieġeb: “Ma nobgħodx lill-omosesswali,
imma ma nistax napprova l-kondotta tagħhom.”✔ Ftakar: Jekk tħalli l-liġijiet morali tal-Bibbja jiggwidawk, mela dan hu l-mod li int għażilt kif tgħix ħajtek, u għandek kull dritt tagħmel dan. (Ġożwè 24:15) Tħossokx imbarazzat minħabba l-ħarsa tiegħek.—Salm 119:46.
M’għandhomx il-Kristjani jittrattaw lin-nies kollha b’rispett, hi x’inhi l-orjentazzjoni sesswali tagħhom? Dażgur. Il-Bibbja tgħid: “Onoraw lil kull xorta taʼ bnedmin.” (1 Pietru 2:17) Għalhekk, il-Kristjani ma jobogħdux lill-omosesswali. Huma juru qalb tajba mal-bnedmin kollha, inkluż maʼ dawn in-nies.—Mattew 7:12.
Jekk xi ħadd jistaqsik: “Il-ħarsa tiegħek lejn l-omosesswalità ma tqanqalx il-preġudizzju kontra l-omosesswali?”
Forsi twieġeb: “Lanqas xejn. Jien niċħad il-kondotta omosesswali, mhux lin-nies.”
✔ Forsi tistaʼ żżid tgħid: “Biex nagħtik eżempju, jien nagħżel ukoll biex ma npejjipx. Infatti, anki l-idea stess li npejjep tqażżiżni. Imma ejja ngħidu li int tpejjep u tħossok differenti. Jien ma nkunx preġudikat minħabba l-ħarsa tiegħek, sewwasew bħalma jien ċert li int ma tkunx preġudikat minħabba l-ħarsa tiegħi—sewwa qed ngħid? L-istess prinċipju japplika għall-ħarsa differenti tagħna lejn l-omosesswalità.”
Ma ppritkax Ġesù li għandna naċċettaw lil oħrajn? Jekk inhu hekk, m’għandhomx il-Kristjani jkollhom ħarsa tolleranti lejn l-omosesswalità? Ġesù ma inkuraġġiex lis-segwaċi tiegħu biex jaċċettaw kwalunkwe stil taʼ ħajja jkun xi jkun. Minflok, hu għallem li t-triq għas-salvazzjoni hi miftuħa għal “kulmin jeżerċita l-fidi fih.” (Ġwanni 3:16) Li wieħed jeżerċita l-fidi f’Ġesù jinkludi li jgħix fi qbil mal-liġijiet morali t’Alla, li jipprojbixxu ċerti tipi taʼ kondotta—inkluż l-omosesswalità.—Rumani 1:26, 27.
Jekk xi ħadd jgħidlek: “L-omosesswali ma jistgħux ibiddlu l-orjentazzjoni tagħhom; huma hekk jitwieldu.”
Forsi twieġeb: “Il-Bibbja ma tikkummentax dwar il-bijoloġija tal-omosesswali, għalkemm tirrikonoxxi li xi tendenzi huma stabbiliti fis-sod. (2 Korintin 10:4, 5) Anki jekk xi wħud huma miġbudin lejn l-istess sess, il-Bibbja tgħid lill-Kristjani biex iwarrbu atti omosesswali.”
✔ Suġġeriment: Minflok ma tinqabad f’dibattitu dwar il-kaġun taʼ xewqat omosesswali, enfasizza li l-Bibbja tipprojbixxi l-kondotta omosesswali. Biex tagħmel paragun, tistaʼ tgħid: “Bħalma taf, ħafna jistqarru li l-imġiba vjolenti jistaʼ jkollha għeruq ġenetiċi, u minħabba f’hekk xi nies huma inklinati lejn din l-imġiba. (Proverbji 29:22) Xi ngħidu jekk dan hu minnu? Bħalma forsi taf, il-Bibbja tikkundanna r-rabja. (Salm 37:8; Efesin 4:31) Huwa dan il-livell inġust sempliċement għax xi wħud huma inklinati lejn il-vjolenza?”
Alla kif jistaʼ jgħid lil xi ħadd li hu miġbud lejn l-istess sess biex iwarrab l-omosesswalità? Dan jinstemaʼ kattiv. Irraġunar bħal dan hu bbażat fuq l-idea żbaljata li l-bnedmin għandhom jaġixxu fuq ix-xewqat sesswali tagħhom. Il-Bibbja tagħti lill-bnedmin id-dinjità billi tassigurahom li jistgħu jagħżlu li ma jaġixxux fuq it-tqanqil sesswali mhux xieraq tagħhom jekk verament iridu.—Kolossin 3:5.
Jekk xi ħadd jgħidlek: “Anki jekk m’intix omosesswali, għandek tbiddel il-ħarsa tiegħek lejn l-omosesswalità.”
Forsi twieġeb: “Ejja ngħidu li jien ma napprovax il-logħob tal-ażżard filwaqt li int tapprovah. Ikun raġunevoli li int tinsisti li jien inbiddel il-ħarsa tiegħi, sempliċement minħabba li
miljuni taʼ nies jagħżlu li jilagħbu l-logħob tal-ażżard?”✔ Ftakar dan: Il-biċċa l-kbira min-nies (inkluż l-omosesswali) għandhom ċerti prinċipji morali li jġegħluhom jistkerrhu ċerti affarijiet—forsi l-frodi, l-inġustizzja, jew il-gwerra. Il-Bibbja tipprojbixxi dawn l-affarijiet; tikkundanna wkoll ċerti tipi taʼ kondotta sesswali, inkluż l-omosesswalità.—1 Korintin 6:9-11.
Il-Bibbja hija raġunevoli u ma tqanqalx il-preġudizzju. Sempliċement tidderieġi lil dawk li jinġibdu lejn dawk tal-istess sess biex jagħmlu l-istess ħaġa li hi meħtieġa minn dawk li jinġibdu lejn dawk tas-sess oppost—li ‘jaħarbu miż-żína.’—1 Korintin 6:18.
Il-fatt hu li miljuni taʼ eterosesswali li jixtiequ jgħixu fi qbil mal-livelli tal-Bibbja jrażżnu lilhom infushom minkejja kwalunkwe tentazzjoni li għandhom mnejn jiffaċċjaw. L-għadd tagħhom jinkludi ħafna li huma waħedhom u li ma tantx għandhom prospett li jiżżewġu; jinkludi wkoll ħafna li huma miżżewġin lil xi ħadd diżabilitat li ma jistax jiffunzjona sesswalment. Huma kapaċi jgħixu ferħanin mingħajr ma jissodisfaw it-tqanqil sesswali tagħhom. Dawk li għandhom tendenzi omosesswali jistgħu jagħmlu l-istess jekk verament jixtiequ jogħġbu lil Alla.—Dewteronomju 30:19.
Iktar artikli mis-sensiela “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu” jistgħu jinstabu fuq il-Websajt www.watchtower.org/ype
[Noti taʼ taħt]
a F’dan l-artiklu, il-kelma omosesswali tirreferi kemm għall-irġiel u kemm għan-nisa.
b L-ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.
c Il-kelma Biblika “żína” ma tirreferix biss għall-att tas-sess imma wkoll għal atti bħall-masturbazzjoni taʼ persuna oħra jew is-sess orali jew is-sess anali.
AĦSEB DWAR DAN
● Alla għala jimponi liġijiet morali fuq il-bnedmin?
● Int kif tibbenefika meta żżomm mal-liġijiet morali tal-Bibbja?
[Kaxxa f’paġna 24]
XI NGĦIDU GĦALL-BISESSWALITÀ?
Għalkemm tistaʼ tinsab fost iż-żewġ sessi, jidher li l-bisesswalità qed issir iktar u iktar komuni fost it-tfajliet. Ikkunsidra ftit raġunijiet.
● L-Attenzjoni
“Is-subien jammettu bil-miftuħ li jaħsbu li l-lesbjani huma attraenti. Tfajliet li mhumiex kunfidenti fihom infushom huma lesti li jagħmlu kważi kollox biex ġuvni jieħu grazzja magħhom.”—Jessica, 16.
● Il-Kurżità
“Meta juru xi ħaġa f’films, fuq it-televixin, u fil-mużika li tippromwovi tfajliet ibusu lit-tfajliet, l-adoloxxenti se jkunu mħajrin biex jipprovawha—speċjalment meta ma jqisuhiex bħala xi ħaġa ħażina.”—Lisa, 26.
● Il-Ġibda
“Iltqajt maʼ żewġ tfajliet bisesswali f’“party”, u iktar tard sirt naf mingħand ħabibti li ħadu grazzja miegħi. Eventwalment bdejt nibgħat messaġġi lil waħda mit-tfajliet, u bdejt niżviluppa sentimenti lejha.”—Vicky, 13.
Jekk trid togħġob lil Alla, għandek tevita li tesperimenta b’kondotta li l-Bibbja tiddeskriviha bħala li mhijiex nadifa. (Efesin 4:19; 5:11) Imma xi ngħidu jekk verament tħossok miġbud lejn iż-żewġ sessi? Ħafna kieku jħeġġuk biex sempliċement taċċetta s-sesswalità tiegħek u tgħid fil-beraħ li int bisesswali. Madankollu, għandek tkun taf li l-ġibda lejn l-istess sess spiss hija fażi li tgħaddi malajr. Lisette, li għandha 16-il sena, irrikonoxxietu dan. Hi tgħid: “Ħassejtni aħjar xħin kellimt lill-ġenituri tiegħi dwar kif kont qed inħossni. Ukoll, permezz tal-lezzjonijiet tal-bijoloġija fl-iskola sirt naf li matul is-snin tal-adoloxxenza, il-livelli tal-ormoni jistgħu jinbidlu ħafna. Verament nemmen li jekk iktar żgħażagħ ikunu jafu iżjed dwar ġisimhom stess, isiru jafu li l-ġibda lejn l-istess sess tistaʼ tkun temporanja u ma jħossux il-pressjoni biex ikunu omosesswali.”
Anki jekk is-sentimenti tiegħek huma iktar minn fażi temporanja li tgħaddi minnha fl-adoloxxenza, hemm bżonn li tirrealizza li l-Bibbja tagħtik mira li tistaʼ tilħaqha: Tistaʼ tagħżel li ma taġixxix fuq kwalunkwe xewqa ħażina. d
[Nota taʼ taħt]
d Għal iktar informazzjoni, ara “How Can I Avoid Homosexuality?” f’kapitlu 28 tal-ktieb Questions Young People Ask—Answers That Work, Volume 2, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Stampa f’paġna 23]
Fejn tidħol l-opinjoni popolari, il-Kristjani għandhom il-kuraġġ biex jimxu kontra l-kurrent