Ktieb li Tistaʼ Tafdah— It-2 Parti
L-Assirja fl-Istorja tal-Bibbja
Dan hu t-tieni artiklu minn sensiela taʼ sebaʼ artikli wara xulxin fil-ħarġa taʼ “Stenbaħ!” li jiddiskutu s-sebaʼ qawwiet dinjin fl-istorja tal-Bibbja. L-objettiv hu biex jintwera li l-Bibbja hi taʼ min jafdaha u hi ispirata minn Alla u li l-messaġġ tagħha hu wieħed taʼ tama, tama li se tintemm it-tbatija kaġunata mill-ħakma ħarxa taʼ bniedem fuq ieħor.
IN-NIES tal-Lvant Nofsani tal-qedem għandhom mnejn kienu jitkexkxu meta sempliċement kienet tissemma l-Assirja. Skont il-ktieb Bibliku taʼ Ġona, meta dan il-profeta ngħata inkarigu mingħand Alla biex jipprietka messaġġ taʼ ġudizzju fil-belt kapitali tal-Assirja, Ninwe, hu ħarab fid-direzzjoni opposta! (Ġona 1:1-3) Forsi għamel hekk minħabba r-reputazzjoni tal-Assirja li kienet tqanqal il-biżaʼ.
Storja taʼ Min Jafdaha
Naħum, wieħed mill-profeti tal-Bibbja, iddeskriva lil Ninwe bħala “l-bejta taʼ l-iljuni” u “l-belt li xxerred id-demm.” Hu żied jgħid: “Il-priża ma taqtaʼ qatt! Hemm il-ħoss tal-frosta u l-ħoss tat-tkarwit tar-roti, u ż-żiemel ilebbet u l-karru jaqbeż. Ir-rikkieb fuq iż-żiemel, u l-fjamma tas-sejf, u d-dija tal-lanza, u l-kotra tal-maqtulin, u l-gozz kbir taʼ katavri; u l-iġsma mejtin ma jispiċċaw qatt. Naħum 2:11; 3:1-3) Tikkonferma l-istorja sekulari d-deskrizzjoni Biblika tal-Assirja tal-qedem?
Jibqgħu jitfixklu fl-iġsma mejtin tagħhom.” (Il-ktieb Light From the Ancient Past isejjaħ lill-Assirja “l-magna kiefra tal-ġlied li l-biżaʼ pjanat tagħha kien it-terrur tal-għedewwa tagħha.” Dan li ġej hu l-mod kif wieħed sultan tal-Assirja, Asurnasirpal II, ftaħar bil-mod kif ittratta lil dawk li opponewh:
“Jien bnejt pilastru faċċata taʼ bieb il-belt tiegħu, u slaħt lill-irġiel ewlenin kollha li kienu rvellaw, u ksejt il-pilastru bil-ġilda tagħhom; bnejt ħajt madwar xi wħud u għalaqthom ġewwa l-pilastru, lil xi wħud sammarthom fuq zkuk fuq il-pilastru, . . . u qaċċatt id-driegħ u r-riġlejn tal-uffiċjali, tal-uffiċjali rjali li kienu rribellaw. . . . Lil ħafna lsiera minn fosthom ħraqthom bin-nar, u lil ħafna ħadthom bħala lsiera ħajjin.” Meta xi arkeoloġi skavaw xi palazzi rjali tal-Assirja, huma sabu ħitan imżejnin bi tpinġijiet taʼ kif kienu jittrattaw lill-ilsiera b’mod orribbli.
Fis-sena 740 Q.E.K., l-Assirja għelbet lis-Samarija, il-belt kapitali tas-saltna taʼ Iżrael fit-Tramuntana, u ħadet lin-nies tagħha fl-eżilju. Tmien snin wara, l-Assirja invadiet lil Ġuda. a (2 Slaten 18:13) Is-sultan Assirjan Sennakerib insista li s-sultan taʼ Ġuda, Ħeżekija, iħallas 30 talent tad-deheb u 300 talent tal-fidda. Ir-rakkont tal-Bibbja jgħid li dan il-ħlas sar. Minkejja dan, Sennakerib insista li anki Ġerusalemm, il-belt kapitali taʼ Ġuda, għandha ċċedi u tiġi taħt idejh mingħajr kundizzjoni.—2 Slaten 18:9-17, 28-31.
F’Ninwe, xi arkeoloġi sabu rakkont tal-istess ġrajjiet fl-annali taʼ Sennakerib. Fit-test, li hu mnaqqax fuq priżma tal-fuħħar b’sitt iġnub, is-sultan Assirjan ftaħar: “Inkwantu għal Ħeżekija, il-Lhudi, hu ma ssottomettiex ruħu għall-madmad tiegħi, u jien assedjajt 46 mill-bliet b’saħħithom tiegħu, lil fortizzi mdawrin b’ċint, u lil numru bla għadd taʼ rħula żgħar fil-viċinanza tagħhom, u għelibthom . . . Lilu stess [lil Ħeżekija] għamiltu priġunier f’Ġerusalemm, ir-residenza rjali tiegħu, bħal għasfur ġo gaġġa.” Sennakerib imbagħad isostni li Ħeżekija bagħatlu “30 talent tad-deheb, 800 talent tal-fidda, ħaġar prezzjuż, . . . (u) kull xorta taʼ teżori prezzjużi,” u b’hekk kabbar l-għadd taʼ talenti tal-fidda li fil-fatt irċieva.
Però, innota li Sennakerib ma sostniex li għeleb lil Ġerusalemm. Infatti, ma jgħid xejn dwar it-telfa kbira li l-armata tiegħu sofriet permezz taʼ intervent divin. Skont il-Bibbja, l-anġlu t’Alla qatel 185,000 suldat Assirjan f’lejl wieħed. (2 Slaten 19:35, 36) L-istudjuż Jack Finegan jgħid: “Madankollu, meta tqis kemm l-iskrizzjonijiet tas-slaten Assirjani huma mimlijin ftaħir, ma tantx tistaʼ tistenna li Sennakerib kien se jniżżel bil-miktub telfa bħal din.”
Profeziji taʼ Min Jafdahom
Madwar mitt sena qabel il-waqgħa tal-Imperu Assirjan, Isaija ddikjara li Alla Isaija 10:12) Iktar minn hekk, Naħum, il-profeta t’Alla, bassar li l-belt taʼ Ninwe kienet se tiġi misruqa, li l-bibien tagħha kienu se jinfetħu għall-għedewwa tagħha, u li l-gwardji tagħha kienu se jaħarbu. (Naħum 2:8, 9; 3:7, 13, 17, 19) Sofonija, wieħed mill-profeti tal-Bibbja, kiteb li l-belt kienet se ssir “ħerba.”—Sofonija 2:13-15.
Ġeħova kien se jitlob kont minn dawn il-konkwistaturi kburin għall-insolenza tagħhom lejn il-poplu tiegħu. “Jien se nitlob kont mis-sultan taʼ l-Assirja minħabba l-qalb insolenti tiegħu u għajnejh l-imkabbrin għax jaħseb li hu xi ħaġa,” qal Ġeħova. (Dawn il-profeziji taʼ qerda twettqu fis-sena 632 Q.E.K. Dan kien meta l-belt taʼ Ninwe waqgħet f’idejn il-Babiloniżi u l-Medin li għaqqdu l-forzi tagħhom flimkien, u ġabu lill-Imperu Assirjan fi tmiem bla ġieħ. Kronaka Babiloniża taʼ din il-ġrajja tgħid li l-konkwistaturi “ġarrew il-priża enormi tal-belt u tat-tempju” u li lil Ninwe għamluha “ħerba sħiħa.” Illum, il-ħerba li darba kienet Ninwe hi karatterizzata minn bosta fdalijiet fuq ix-xatt tal-Lvant tax-Xmara Tigri, faċċata tal-belt taʼ Mosul, fl-Iraq.
Il-qerda tal-Assirja kkontribwiet ukoll għat-twettiq taʼ saħansitra profezija oħra tal-Bibbja. Qabel, fis-sena 740 Q.E.K., l-Assirja kienet ħadet fl-eżilju lis-saltna tal-għaxar tribujiet. Madwar l-istess żmien li l-Assirja għamlet dan, Isaija, wieħed mill-profeti t’Alla, bassar li Ġeħova kien se ‘jkisser lill-Assirjani,’ ‘jisħaqhom,’ u jieħu lill-Iżraelin lura f’pajjiżhom. Isaija kiteb: “Biex mill-Assirja, . . . jikseb lill-fdal tal-poplu tiegħu li jkun baqaʼ . . . , [u Alla] jiġborhom flimkien.” Dan hu eżattament dak li seħħ—madwar mitejn sena wara!—Isaija 11:11, 12; 14:25.
Wegħda li Tistaʼ Tafdaha
Ħafna qabel ma waqgħet il-belt taʼ Ninwe, waqt li s-slaten tagħha kienu għadhom ikexkxu lill-għedewwa tagħhom, Isaija bassar il-miġja taʼ ħakkiem differenti għall-aħħar. Hu kiteb: “Twildilna tifel, ngħatalna iben; u l-ħakma taʼ prinċep se tkun fuq spalltu. U ismu jissejjaħ . . . Prinċep tal-Paċi. Għall-kobor tal-ħakma tiegħu bħala prinċep u għall-paċi ma jkun hemm ebda tmiem, fuq it-tron taʼ David u fuq saltnatu sabiex jistabbiliha fis-sod u jsaħħaħha permezz tal-ġustizzja u s-sewwa, minn issa ’l quddiem u għal dejjem. L-istess żelu taʼ Ġeħova taʼ l-armati se jagħmel dan.”—Isaija 9:6, 7.
Ġesù Kristu, il-“Prinċep tal-Paċi,” se jaħkem fuq l-art kollha. Salm 72:7, 8 jgħid: “Fi żmienu l-ġust jinbet, u jkun hemm sliem kotran sa ma jintemm il-qamar. Ikollu sudditi minn baħar sa baħar u mix-Xmara [Ewfrat] sa truf l-art.”
Permezz taʼ dan il-“Prinċep tal-Paċi” setgħan, Alla Ġeħova se jwettaq il-wegħda li nsibu f’Salm 46:8, 9: “Ejjew, araw l-attivitajiet taʼ Ġeħova, kif għamel affarijiet taʼ l-istagħġib fuq l-art. Qed iwaqqaf il-gwerer sa tarf l-art. Il-qaws jaqsmu fi tnejn u l-lanza jkissirha biċċiet; il-karrijiet jaħraqhom fin-nar.”
Bħala introduzzjoni għat-twettiq taʼ din il-profezija tal-Bibbja, ix-Xhieda taʼ Ġeħova qed iwettqu programm t’edukazzjoni mill-Bibbja li jgħallem lin-nies it-triqat tal-paċi, bħalma għamel Ġesù. Tabilħaqq, huwa Alla, mhux il-bniedem, li se jwettaq il-profezija tal-Bibbja dokumentata f’Isaija 2:4: “Ikollhom jaħdmu sjufhom f’sikek tal-moħriet u l-lanez tagħhom fi skieken taż-żabra. Ġens ma jerfax sejf kontra ġens, u ma jitħarrġux iktar għall-gwerra.” B’kuntrast, illum, id-dinja u l-ħakkiema tagħha jonfqu triljuni taʼ ewro kull sena f’affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-militar!
Storja u profeziji eżatti juru b’mod ċar li l-Bibbja hi unika, u dawn juru lil dawk li sinċerament qed ifittxu l-verità li hi tabilħaqq ktieb li jistħoqqlu nafdawh. Fl-artiklu li jmiss f’din is-sensiela se nikkunsidraw lil Babilonja tal-qedem, il-belt kapitali tat-tielet imperu kbir tal-istorja Biblika.
[Nota taʼ taħt]
a Wara r-renju tas-Sultan Salamun, il-ġens tat-12-il tribù taʼ Iżrael inqasam. Ġuda u Benjamin ifformaw is-saltna tan-Nofsinhar; u l-għaxar tribujiet l-oħrajn, is-saltna tat-Tramuntana. Ġerusalemm kienet il-belt kapitali tas-saltna tan-Nofsinhar, u Samarija kienet il-belt kapitali tas-saltna tat-Tramuntana.
[Mappa f’paġna 26]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
L-IMPERU ASSIRJAN
MEDJA
ASSIRJA
Khorsabad
Ninwe
Kalaħ
Assur
Babilonja
Tigri
Ewfrat
Il-Baħar Mediterran (Il-Baħar il-Kbir)
Samarija
Ġerusalemm
EĠITTU
[Stampa f’paġna 26]
Barrin enormi b’ras taʼ bniedem u bil-ġwienaħ kienu jgħassu l-palazzi tas-slaten Assirjani
[Stampa f’paġna 27]
Priżma li fiha l-ftaħir taʼ Sennakerib dwar l-invażjoni tiegħu taʼ Ġuda
[Stampa f’paġna 26, 27]
Skultura mnaqqxa fuq il-ġebel li turi priġunieri jiġu misluħin ħajjin
[Sors tal-Istampa f’paġna 27]
Paġna 26, fuq, linja kronoloġika: Skultura Eġizzjana fuq ħajt u bust taʼ Neruni: Photograph taken by courtesy of the British Museum; Skultura Persjana fuq ħajt: Musée du Louvre, Paris; isfel, barri bil-ġwienaħ u paġna 27, iż-żewġ stampi: Photograph taken by courtesy of the British Museum