Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

It-2 Suġġeriment—Ħu Ħsieb il-Bżonnijiet Bażiċi taʼ Ġismek

It-2 Suġġeriment—Ħu Ħsieb il-Bżonnijiet Bażiċi taʼ Ġismek

“Ebda bniedem qatt ma bagħad lil ġismu stess; imma jitimgħu u jgħożżu.” (Efesin 5:29) Ħu passi bażiċi biex tieħu ħsieb tiegħek innifsek u tara differenza kbira f’saħħtek.

Strieħ Biżżejjed. “Aħjar id mimlija bil-​mistrieħ milli tnejn mimlijin bix-​xogħol iebes u l-​ġiri wara r-​riħ.” (Ekkleżjasti 4:6) In-​neċessitajiet u d-​distrazzjonijiet tal-​ħajja tal-​lum naqqsu, bil-​mod il-​mod, il-​ħin li n-​nies iqattgħu fl-​irqad. Iżda l-​irqad hu essenzjali għal saħħa tajba. Xi studji wrew li waqt l-​irqad, ġisimna u moħħna jġeddu lilhom infushom. Dan ikun taʼ benefiċċju għall-​memorja u għall-​burdata.

L-​irqad isaħħaħ is-​sistema tal-​immunità tagħna u jnaqqsilna r-​riskju taʼ infezzjonijiet, dijabete, puplesija, mard tal-​qalb, kanċer, obeżità, dipressjoni, u forsi saħansitra l-​marda tal-​Alzheimer. Minflok ma nipprovaw niġġieldu n-​nagħas, li hu s-​“salvavita” naturali tagħna, b’xi affarijiet artifiċjali bħalma huma l-​ħelu, il-​kafeina, jew xi stimulanti oħrajn, għandna nagħtu kas in-​nagħas u sempliċement immorru norqdu. Il-​biċċa l-​kbira tal-​adulti għandhom bżonn bejn sebgħa u tmien sigħat irqad kull lejl sabiex jidhru, iħossuhom, u jagħtu l-​aħjar tagħhom. Iż-​żgħażagħ għandhom bżonn iktar ħin minn hekk. Żgħażagħ li ma jorqdux biżżejjed għandhom iktar tendenza li jsofru minn problemi psikoloġiċi u li jorqdu huma u jsuqu.

L-​irqad hu importanti b’mod speċjali meta nkunu morda. Ġisimna jistaʼ jiġġieled ċertu mard, bħall-​irjiħat, jekk sempliċement norqdu iktar u nixorbu ħafna likwidi.

Ħu ħsieb snienek. Meta taħsel snienek u tuża d-​dental floss wara l-​ikel, speċjalment qabel tmur torqod, tkun qed tgħin biex jiġu evitati problemi bħall-​ġebla fis-​snien, il-​mard fil-​ħanek, u t-​telf taʼ snien. Mingħajr is-​snien tagħna, jistaʼ jkun li ma niħdux il-​benefiċċju massimu mill-​ikel li nieklu. Huwa rrapportat li l-​iljunfanti ma jmutux bix-​xjuħija iżda jmutu bil-​ġuħ bil-​mod il-​mod minħabba li snienhom ma jibqgħux jaqtgħu, u b’hekk ma jkunux jistgħu jomogħdu sew. Tfal li jkunu ġew mgħallmin jaħslu snienhom u jużaw id-​dental floss wara li jkunu kielu, igawdu saħħa aħjar matul żgħożithom u matul ħajjithom.

Mur għand it-​tabib. Jekk ikollok ċertu mard, tkun teħtieġ kura medika professjonali. Meta tinduna b’marda minn kmieni, ġeneralment ir-​riżultat ikun aħjar u jkun hemm inqas spejjeż. Għalhekk, jekk ma tkunx qed tħossok f’sikktek, fittex l-​għajnuna biex issib u telimina l-​kaġun, minflok ma sempliċement tipprova ttaffi s-​sintomi.

Eżamijiet mediċi regulari f’ċentri tas-​saħħa awtorizzati jistgħu jevitaw ħafna problemi serji. Huwa tajjeb ukoll li mara tagħmel visti regulari waqt it-​tqala. a Però, żomm f’moħħok li t-​tobba ma jistgħux jagħmlu mirakli. Il-​fejqan komplet mill-​mard kollu tagħna se jseħħ biss meta Alla jagħmel “kollox ġdid.”—Rivelazzjoni 21:4, 5.

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​artiklu “Healthy Mothers, Healthy Babies,” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! bl-​Ingliż taʼ Novembru 2009.