L-Onestà Hija Prattika
“Wieħed jieħu gost bil-ħobż li jinkiseb bil-qerq, imma mbagħad ħalqu jimtela biż-żrar.”—Proverbji 20:17.
HUWA neċessarju li tirrikorri għall-prattiki diżonesti biex tirnexxi fin-negozju? It-tweġiba hija le. Fil-fatt, id-diżonestà spiss aktar toħloq problemi milli tiswa ġid. Għala? Għax l-integrità tqanqal il-fiduċja, aspett essenzjali għal suċċess fuq tul taʼ żmien.
Il-Valur tal-Fiduċja
Ir-reputazzjoni tiegħek għall-onestà teffettwa s-suċċess tiegħek—kemm jekk int konxju taʼ dan u kemm jekk le. L-esperjenza taʼ Franz, li ġie kwotat fl-artiklu taʼ qabel, turi kemm dan hu minnu. “Għall-ewwel li bdejt naħdem għall-imgħallmin tiegħi,” jgħid hu, “mingħajr ma kont naf, huma għaddew l-onestà u l-integrità tiegħi minn serje taʼ provi. Bħalma sirt naf iktar tard, jien għaddejt mill-provi. Minħabba f’hekk, ġejt fdat b’iktar responsabbiltà u libertà u s-sidien ippremjawni għall-onestà tiegħi. Naf li hemm nies oħrajn li jistgħu jagħmlu xogħli aħjar minni u li ċertament huma iktar intelliġenti minni. Madankollu, naħseb li xogħli hu fiż-żgur minħabba l-fiduċja li għandhom fija l-imgħallmin tiegħi.”
Evita Riskji Mhux Għaqlin
David, negozjant ikkwotat fl-artiklu taʼ qabel, josserva: “Hekk kif rajt lil xi individwi jgħawġu r-regoli biex jiksbu vantaġġ għal żmien qasir, għedt bejni u bejn ruħi, ‘Kultant l-invojs jittardja, imma dejjem jasal.’ Fi kliem ieħor, attività diżonestà eventwalment, b’mod jew ieħor, se ġġib il-problemi. Irrifjutajna bosta opportunitajiet biex nieħdu sehem f’negozju dubjuż. Ħafna mill-kumpaniji li ħadu sehem f’dawn l-attivitajiet iktar tard sfaw fix-xejn, u xi individwi ttellgħu l-qorti. Il-kumpanija tagħna skansat traġedji bħal dawn.”
Waqt li kien qed jistabbilixxi razzett kbir tal-baqar fix-Xlokk tal-Afrika, Ken setaʼ ġie mħajjar biex ixaħħam lill-uffiċjali ħalli jimportaw l-affarijiet li kellu bżonn iktar malajr u biex jgħinuh jevita li jħallas it-taxxa. Hu jgħid: “Ħafna sidien taʼ rziezet oħrajn ċedew għal din il-prattika komuni. Peress li għamilna l-affarijiet bl-onestà, domna għaxar snin biex niksbu kulma kellna bżonn għar-razzett tagħna. Ibbenefikajna mill-onestà tagħna? Iva! Dawk li offrew it-tixħim, wara baqgħu jiġu ffittati minn uffiċjali korrotti li riedu iktar flus.”
Kif Tkampa maʼ Sfidi Ekonomiċi
Meta negozji li qed ibatu jkunu kważi se jfallu, il-pressjoni biex jirrikorru għad-diżonestà hi kbira. Madankollu, ċirkustanzi bħal dawn jistgħu jikxfu wkoll il-valur taʼ reputazzjoni onesta.
Ikkunsidra l-eżempju taʼ Bill, li n-negozju tiegħu tal-kostruzzjoni falla matul ir-reċessjoni fl-industrija tal-bini tad-djar fl-Istati Uniti. Hu jirrakkonta: “Għadd mill-konsumaturi kbar tagħna fallew u kellhom jagħtuna mijiet t’eluf taʼ dollari. Meta bdejna naraw li m’għandniex tama, avviċinajt kompetitur biex nara jekk setgħux iħaddmu lil xi wħud minna. Fi żmien 48 siegħa wara l-laqgħa, offrew biex iħaddmu lili u l-biċċa l-kbira mill-impjegati tiegħi. Qaluli li r-reputazzjoni tiegħi taʼ servizz tajjeb u t’onestà kienet magħrufa sew.”
In-nies kollha li l-esperjenzi tagħhom huma rakkontati hawn fuq huma Xhieda taʼ Ġeħova. Il-livelli tan-negozju tagħhom, bħall-aspetti l-oħrajn kollha taʼ ħajjithom, huma bbażati fuq il-Bibbja. Bħalma tistaʼ tara, minflok ma fixklet is-suċċess tagħhom fin-negozju, l-onestà tagħhom ġabitilhom benefiċċji prattiċi.
Madankollu, dejjem se jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom id-diżonestà tidher li fiha l-vantaġġi. Huwa l-gwadann finanzjarju l-uniku mezz kif tkejjel is-suċċess?
[Kumment f’paġna 6]
Ir-reputazzjoni tiegħek għall-onestà teffettwa s-suċċess tiegħek —kemm jekk int konxju taʼ dan u kemm jekk le
[Stampa f’paġna 7]
“Qaluli li r-reputazzjoni tiegħi taʼ servizz tajjeb u t’onestà kienet magħrufa sew.” —Bill, l-Istati Uniti