Mhuwiex Tard Wisq Biex Issir il-Ħabib t’Alla
Kif rakkontata minn Olavi J. Mattila
“Qatt ħsibt li tistaʼ tikseb għarfien eżatt dwar il-Ħallieq?” Xhud taʼ Ġeħova staqsieni din il-mistoqsija li ġegħlitni naħseb. Dak iż-żmien kelli ’l fuq minn 80 sena u kont sirt naf ħafna nies prominenti, saħansitra mexxejja politikanti. Imma, f’dak il-perijodu taʼ ħajti, verament stajt insir naf lil Alla u nsir ħabib tiegħu?
TWILIDT f’Ottubru tal-1918 f’Hyvinkää, il-Finlandja. Minn età żgħira bdejt ngħin fir-razzett. Il-familja tiegħi kienu jrabbu l-baqar, iż-żwiemel, it-tiġieġ, u l-wiżż. Tgħallimt naħdem iebes u kif insib sodisfazzjon f’xogħli.
Hekk kif kbirt, il-ġenituri inkuraġġewni biex nirsisti fl-edukazzjoni. Għaldaqstant, meta kbirt biżżejjed, tlaqt mid-dar biex immur il-kulleġġ. Kont involut ukoll f’attivitajiet atletiċi u sirt naf liċ-chairman tal-Assoċjazzjoni Atletika tal-Finlandja, Urho Kekkonen. Qajla kont naf li s-Sur Kekkonen kien se jkun il-prim ministru tal-Finlandja u li iktar tard il-president tal-pajjiż, pożizzjonijiet li dam fihom xi 30 sena. Iktar minn hekk, ma stajtx nimmaġina kemm kien se jinfluwenzali ħajti.
Ħajja taʼ Prominenza u Poter
Fl-1939, qamet gwerra bejn il-Finlandja u l-Unjoni Sovjetika. F’Novembru taʼ dik is-sena, ġejt ordnat naqdi fil-forzi armati. Għall-ewwel qdejt bħala trejner fir-riserva tal-armata u iktar tard bħala kmandant taʼ suldati li kienu jużaw il-maxinganns. Il-front tal-battalja kien il-Karelia, reġjun fuq il-fruntiera taʼ bejn il-Finlandja u l-Unjoni Sovjetika. Fis-sajf tal-1941, waqt ġlieda qrib il-belt taʼ Vyborg, ġejt ferut serjament bix-xrapnel u ttiħidt fi sptar militari. Minħabba l-feriti li kelli ma stajtx nerġaʼ mmur niġġieled.
F’Settembru tal-1944, ngħatajt is-sensja mill-armata, u rġajt bdejt immur il-kulleġġ. Komplejt nirsisti għall-attivitajiet atletiċi tiegħi wkoll. Għal tliet darbiet irbaħt il-kampjonat tal-pajjiż, darbtejn bħala ġerrej tar-rilej u darba bħala ġerrej tal-hurdles. Barra minn hekk, ksibt lawrja mill-università fit-teknoloġija u fl-ekonomija.
Sadanittant, Urho Kekkonen kien laħaq sar persunaġġ taʼ poter fil-politika. Fl-1952, matul iż-żmien li qeda bħala prim ministru, hu talabni naħdem bħala diplomatiku fiċ-Ċina. Waqt li kont hemm, iltqajt maʼ diversi uffiċjali tal-gvern, fosthom kien hemm Mao Tse-tung, li dak iż-żmien kien il-mexxej taċ-Ċina. Imma l-iktar persuna importanti li ltqajt magħha fiċ-Ċina kienet żagħżugħa l-ġmiel tagħha, Annikki, li kienet taħdem fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Finlandja. Hi saret marti f’Novembru tal-1956.
Is-sena taʼ wara, ġejt trasferit fl-ambaxxata Finlandiża fl-Arġentina. Meta konna f’dan il-pajjiż, kellna l-ewwel żewġt itfal tagħna, żewġ subien. F’Jannar tal-1960, morna lura
l-Finlandja. Ftit wara, kellna t-tielet tarbija, tifla.Imlaħħaq Sew fil-Gvern
Għalkemm qatt ma kont membru taʼ partit politiku, f’Novembru tal-1963, il-President Kekkonen stidinni biex inkun il-ministru tal-kummerċ maʼ pajjiżi barranin. Matul it-12-il sena taʼ wara, sitt darbiet kelli inkarigu fil-Kabinett u darbtejn minnhom bħala ministru tal-affarijiet barranin. Dak iż-żmien kont nemmen bis-sħiħ li l-problemi tad-dinja setgħu jiġu solvuti permezz tal-intelliġenza tal-bniedem. Imma ma domtx ma indunajt bil-kilba tal-bniedem għall-poter. Rajt b’għajnejja stess l-effetti ħżiena li jiġu min-nuqqas taʼ fiduċja u l-għira.—Ekkleżjasti 8:9.
M’għandniex xi ngħidu, irrealizzajt ukoll li hemm ħafna nies li b’sinċerità jipprovaw itejbu l-affarijiet. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar anki l-mexxejja li jridu jagħmlu l-ġid jonqsu milli jilħqu l-miri tagħhom.
Fis-sajf tal-1975, kien hemm 35 kap taʼ stat li ġew Ħelsinki biex jattendu l-Konferenza tas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa. Dak iż-żmien, kont il-ministru tal-affarijiet barranin u kont konsulent fdat tal-President Kekkonen. Ngħatajt ir-responsabbiltà biex norganizza l-okkażjoni, u ltqajt mal-mexxejja nazzjonali kollha li attendew il-konferenza.
Matul dawk il-ftit jiem, l-abbiltajiet diplomatiċi tiegħi ġew provati bis-sħiħ. Biex sempliċement ikun hemm qbil fejn il-membri jitpoġġew bilqiegħda kien taʼ sfida! Minkejja dan, ħassejt li l-konferenza, flimkien maʼ diversi laqgħat li saru wara, ikkontribwiet biex ittejjeb id-drittijiet tal-bniedem u biex ir-relazzjoni bejn is-superpotenzi tkun iktar tolleranti.
Konxju tal-Bżonn Spiritwali Tiegħi
Fl-1983 irtirajt u morna noqogħdu Franza, fejn kienet toqgħod binti. Imbagħad inqalgħet problema serja. F’Novembru tal-1994, Annikki saret taf li kellha kanċer tas-sider. Dik l-istess sena, jien inqbadt fi pjan t’investiment li rriżulta fi frodi. Ħdimt ħajti kollha biex ikolli isem tajjeb, imma dan l-iżball wieħed tebbagħli r-reputazzjoni tiegħi.
Matul ħajti ġieli ltqajt max-Xhieda taʼ Ġeħova. Għalkemm kont napprezza li kienu jżuruni u kont naċċetta r-rivisti tagħhom, kien ikolli ħafna x’nagħmel u ma kellix ċans għal affarijiet spiritwali. Imma, sas-sena 2000 kont qed nieħu ħsieb lil Annikki, li kienet għadha qed tiġġieled mal-kanċer. Ġurnata minnhom, f’Settembru tal-2002, Xhud taʼ Ġeħova ġie jħabbatli l-bieb. Hu staqsieni l-mistoqsija msemmija fil-bidu taʼ dan l-artiklu. Jien ħsibt: ‘Huwa verament possibbli li nitgħallem
il-verità dwar Alla? Huwa possibbli li nsir il-ħabib tiegħu?’ Qlajt il-Bibbja tiegħi, li kien inġabar ftit tat-trab fuqha, u beda jkolli diskussjonijiet regulari fuq il-Bibbja max-Xhieda.F’Ġunju tal-2004, marti l-għażiża raqdet fil-mewt, u jien spiċċajt waħdi. M’għandniex xi ngħidu, it-tfal tiegħi kienu taʼ faraġ għalija. Imma xorta kien għad għandi mistoqsijiet dwar x’jiġrilna meta mmutu. Dwar dan staqsejt lil żewġ qassisin Luterani. It-tweġiba tagħhom kienet sempliċement: “Ħeqq, dawn huma mistoqsijiet diffiċli.” Ma kontx sodisfatt bit-tweġiba tagħhom. Sirt iktar u iktar konxju tal-bżonnijiet spiritwali tiegħi.
Hekk kif komplejt nistudja l-Bibbja max-Xhieda, żdidt fl-għarfien eżatt li kont ilni biex insir naf. Pereżempju, il-Bibbja tispjega li l-mewt hija stat taʼ inattività, bħall-irqad, u li l-mejtin għandhom il-prospett li jerġgħu jgħixu bħala bnedmin fuq l-art. (Ġwanni 11:25) Dan tani tama u kien taʼ faraġ kbir għalija.
Ma domtx ma qrajt il-Bibbja minn qoxra sa qoxra. Skrittura li impressjonatni kienet Mikea 6:8, li tgħid: “X’qed jitlob minnek Ġeħova ħlief li tkun ġust u li tħobb il-qalb tajba u li tkun modest fil-mixi tiegħek m’Alla?” L-għerf u s-sempliċità taʼ dan il-ħsieb għoġbuni. Barra minn hekk, dan il-vers urieni kemm Alla Ġeħova huwa Alla taʼ mħabba u ġustizzja.
Tama għall-Futur
Hekk kif tgħallimt il-verità dwar Alla, il-fidi u l-fiduċja tiegħi fih kibru. Bdejt niżviluppa ħbiberija vera mal-Ħallieq tiegħi! Kont impressjonat bil-kliem tiegħu miktub f’Isaija 55:11: “Hekk ukoll tkun kelmti li toħroġ minn fommi. Ma terġax lura lejja mingħajr riżultati, imma żgur tagħmel dak li jogħġobni, u żgur tirnexxi f’dak li bgħattha tagħmel.” Tabilħaqq, s’issa Alla żamm kelmtu, u hu se jagħmel l-istess fil-futur. Hu se jwettaq l-iskop li l-gvernijiet umani u l-ħafna konferenzi politiċi tagħhom fallew fih. Pereżempju, Salm 46:9 jgħid: “Qed iwaqqaf il-gwerer sa tarf l-art.”
Ibbenefikajt bil-kbir meta bdejt nattendi l-laqgħat tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Hemmhekk rajt b’għajnejja stess l-imħabba ġenwina tal-Kristjani li hija l-marka li tidentifikahom bħala s-segwaċi veri taʼ Ġesù. (Ġwanni 13:35) Din l-imħabba hija aqwa min-nazzjonaliżmu u n-nies fid-dinja tal-politika u l-kummerċ m’għandhomx idea tagħha.
L-Iktar Privileġġ Prezzjuż
Issa għandi ’l fuq minn 90 sena, u nqis li l-ikbar privileġġ li qatt kelli huwa li nkun wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Il-vojt spiritwali tiegħi mtela. Kelli l-privileġġ li nitgħallem x’inhu l-iskop tal-ħajja u l-verità dwar Alla.
Ninsab kuntent ukoll li saħansitra taʼ din l-età, jistaʼ jkolli sehem attiv mhux ħażin fl-attivitajiet Kristjani. Għalkemm iltqajt maʼ ħafna nies fil-poter u kelli responsabbiltajiet kbar matul ħajti, xejn ma jitqabbel mal-privileġġ li nkun naf lill-Ħallieq, Alla Ġeħova, u li nkun il-ħabib tiegħu. Ninsab grat ferm lejh, u nixtieq infaħħru għal din l-opportunità li tani biex insir wieħed mill-“ħaddiema sħab” tiegħu. (1 Korintin 3:9) Mhuwiex tard wisq biex issir ħabib tal-Ħallieq, Alla Ġeħova!
[Stampa f’paġna 27]
Mal-President Kekkonen u l-President Ford tal-Istati Uniti matul il-konferenza taʼ Ħelsinki fl-1975
[Stampa f’paġna 27]
Mal-President Kekkonen u Brezhnev, il-mexxej Sovjetiku
[Stampa f’paġna 28]
Għandi sehem attiv fl-attivitajiet Kristjani
[Sorsi tal-Istampa f’paġna 27]
Isfel fuq ix-xellug: Ensio Ilmonen/Lehtikuva; isfel fuq il-lemin: Esa Pyysalo/Lehtikuva