Ġrajja Storika fil-Malawi—1,000 Sala tas-Saltna!
“QATT ma ħsibt li se jkun possibbli fil-Malawi,” esklama Augustine. Kien qed jirreferi għall-kostruzzjoni t’għadd kbir taʼ Swali tas-Saltna, kif ix-Xhieda taʼ Ġeħova jsejħu l-postijiet taʼ qima tagħhom. Fl-1993, it-30,000 Xhud li kien hemm dak iż-żmien fil-Malawi, pajjiż żgħir fix-Xlokk tal-Afrika, ma kellhom ebda post xieraq fejn setgħu jagħtu qima u jistudjaw il-Bibbja.
Imma issa, is-sitwazzjoni hi differenti ferm. Fi Blantyre f’Settembru tal-2010, ix-Xhieda fil-Malawi lestew l-elf Sala tas-Saltna tagħhom! a Ix-Xhieda għala stennew li jiżdiedu sa 30,000 qabel ma bdew jibnu postijiet għall-qima? U ladarba bdew, kif irnexxielhom itellgħu 1,000 sala f’perijodu relattivament qasir f’art fejn ir-riżorsi huma limitati? Finalment, dan il-programm meraviljuż taʼ kostruzzjoni, x’effett kellu fuq ix-Xhieda u fuq il-ġirien tagħhom?
Żminijiet Diffiċli
Fil-bidu tas-seklu 20, ix-Xhieda taʼ Ġeħova, li dak iż-żmien kienu magħrufin bħala Studenti tal-Bibbja, bdew jgħallmu l-verità tal-Bibbja fil-Malawi. Sal-1967, in-numru taʼ xhieda kien kiber għal xi 17,000. Bħall-Kristjani tal-ewwel seklu, kienu magħrufin bħala wħud li jobdu l-liġi u li juru rispett lejn l-uffiċjali tal-gvern. Ukoll, bħall-Kristjani tal-bidu, baqgħu newtrali għalkollox fejn tidħol il-politika.—Ġwanni 18:36; Atti 5:29.
B’sogħba, sa nofs is-snin 60, il-waqfa tax-Xhieda bbażata fuq il-Bibbja ġabithom f’konflitt mal-gvern, u fl-1967 ġew projbiti. Ma damux ma tkeċċew għal xejn b’xejn mill-postijiet tagħhom tax-xogħol, u marmalji ħatfu jew qerdu l-proprjetajiet tagħhom. Minħabba l-persekuzzjoni ħarxa u l-biżaʼ li setaʼ jinqalaʼ ġenoċidju, eluf taʼ Xhieda ħarbu lejn il-Możambik u z-Zambja, il-pajjiżi tal-madwar.
Iżda, eventwalment, inqalbet il-folja għax-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Malawi u l-biċċa l-kbira minnhom inġiebu lura lejn art twelidhom fil-bidu tas-snin 90. Kemm ferħu meta fit-12 t’Awwissu, 1993, tneħħiet il-projbizzjoni fuq l-attività tagħhom li kienet ilha għaddejja 26 sena! Madankollu, issa ħabbtu wiċċhom maʼ problema ġdida. Kienu iktar minn 30,000 persuna f’583 kongregazzjoni u ma kellhom ebda post xieraq fejn setgħu jiltaqgħu għall-qima! X’kellhom jagħmlu?
L-Imħabba fl-Azzjoni!
Għall-ewwel sitt snin wara li tneħħiet il-projbizzjoni, ix-Xhieda lokali għamlu xogħol taʼ min ifaħħarhom għalih f’li jibnu Swali tas-Saltna bil-finanzi limitati tagħhom. Imma ma kinitx xi biċċa xogħol la kemm tgħidha għax ma setgħux ilaħħqu maż-żieda annwali tax-Xhieda. Kif solvew din il-problema? Billi applikaw il-prinċipju Bibliku misjub fit-2 Korintin 8:14. “Biex kulħadd ikun indaqs,” il-flus żejda li kellhom pajjiżi oħrajn ‘għamlu tajjeb għan-nieqes’ f’pajjiżi bħall-Malawi. Għal dan l-għan, fl-1999 il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova bdiet programm speċjali biex tgħin fil-bini taʼ postijiet taʼ qima f’artijiet fejn ir-riżorsi huma limitati. B’din l-għajnuna kollha mħabba, ix-Xhieda fil-Malawi bdew iħaffu ferm iktar il-programm tal-bini tas-Swali tas-Saltna tagħhom. b
Qabel dan, kongregazzjonijiet fil-Malawi għamlu laqgħat Kristjani fi klassijiet ġol-iskejjel, f’postijiet temporanji taʼ kenn, jew saħansitra taħt is-siġar. Issa, l-1,230 kongregazzjoni jistgħu jiltaqgħu għall-qima u t-tagħlim Bibliku f’bini dinjituż dedikat għall-avanz tal-qima vera. Kif tistaʼ timmaġina, l-iktar minn 75,000 Xhud fil-Malawi japprezzaw mill-qalb l-appoġġ taʼ ħuthom spiritwali minn madwar id-dinja.
Fattur ieħor li għen lix-Xhieda jibnu tant postijiet għall-qima f’tant żmien qasir kien ix-xewqa tagħhom għal swali modesti u utli. Ma ridux strutturi taʼ barra minn hawn. Anzi, riedu binjiet sempliċi u dinjitużi li jġibu unur lil Alla u li jipprovdu ambjent komdu għal diskussjoni u studju minn fuq il-Bibbja.
Komunitajiet Lokali Jibbenefikaw
Qabel dan, ix-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Malawi kienu jiġu mwaqqgħin għaċ-ċajt għax ma kellhomx postijiet taʼ qima. Minħabba f’hekk, xi Xhieda kultant kienu jistħu jistiednu għal-laqgħat lill-uħud interessati. Allura, aħseb ftit kif ħassewhom meta kellhom is-Sala tas-Saltna tassew sabiħa tagħhom stess! Issa kienet l-għaxqa tagħhom li jistiednu lill-ġirien u lill-uħud interessati għal-laqgħat Kristjani. Tabilħaqq, f’post wieħed, kongregazzjoni lokali tgħaxxqet meta 698 persuna attendew laqgħa f’Sala tas-Saltna li kienet għadha kemm inbniet!
Ħafna Xhieda u nies oħrajn qalu li qatt ma għaddielhom minn moħħhom li kien se jkollhom sala tant sabiħa u soda fl-inħawi tagħhom. Augustine, li ssemma fil-bidu, jistaʼ jiftakar kongregazzjoni waħda li kienet tagħmel il-laqgħat tagħha taħt siġra. Augustine jgħid: “Kont tieħu pjaċir fl-istaġun niexef. Imma fl-istaġun tax-xita—ajma ħej, xi problemi!” Jekk xi darba nqbadt f’ħalba xita qawwija tropikali, taf għal xiex qed jirreferi Augustine.
Augustine jiftakar meta darba żar lill-Kongregazzjoni taċ-Chimwanje. “Il-laqgħa saret f’post taʼ kenn żgħir magħmul minn arbli tal-injam b’saqaf tal-ħaxix,” jispjega hu. “Imma ma indunajniex li s-saqaf tal-ħaxix kien sar id-dar taʼ brimba kbira u velenuża. F’daqqa waħda, f’nofs it-taħdita, il-brimba niżlet u ġiet eżatt fejn sieqi! Smajt lil membru maħsud
tal-udjenza jgħajjat, ‘Irfisha, Augustine, irfisha!’ Ovvjament, hekk għamilt. Kif tistaʼ tara, għadni ħaj!” Issa li l-kongregazzjoni għandha Sala tas-Saltna ġdida, m’għadx ikollhom interruzzjonijiet bħal dawn.“Ġawhra fil-Komunità”
Il-programm eċċitanti tal-bini tas-Swali tas-Saltna wassal biex ix-Xhieda taʼ Ġeħova jkunu ammirati u rispettati minn ħafna komunitajiet u kapijiet lokali, kif juru l-kummenti li ġejjin:
✔ “Il-kostruzzjoni taʼ post ġdid għall-qima, flimkien mal-imħabba u l-unità murijin mix-Xhieda taʼ Ġeħova, hi ġawhra fil-komunità, u jistħoqqilha li tiġi imitata minn knejjes oħrajn.”—Il-kap lokali f’Chabwenzi.
✔ “Il-ħaġa li nammira l-iktar fix-Xhieda hi l-unità li għandhom. Aħna bdejna nibnu l-knisja tagħna għaxar snin ilu, imma x-xogħol għadu għaddej—u min jaf meta se jitlesta! Nixtieq nirringrazzjakom talli bnejtu faċilità mill-isbaħ fl-akkwata tagħna.”—Il-mexxej tar-raħal f’Chigwenembe.
✔ “Il-mod kif taħdmu hu tal-għaġeb. Tant tgħaġġlu u xorta waħda tant hu pulit ix-xogħol! Bilfors li intom magħqudin ħafna.”—Il-kap lokali f’Chiuzira.
Il-programm tal-bini tas-Swali tas-Saltna tant kien rimarkevoli li saħansitra ġie għall-attenzjoni tal-edituri taʼ ċertu dizzjunarju (Chichewa/Chinyanja—English Dictionary). Fid-dizzjunarju, rigward ix-Xhieda hemm miktub: “Ix-Xhieda taʼ Ġeħova bnew ħafna [Swali tas-Saltna].”
‘Din is-Sala tas-Saltna Hi Miraklu’
Fit-30 taʼ Jannar, 2011, il-Kongregazzjoni taʼ Manyowe fi Blantyre, li ssemmiet qabel, iddedikat is-Sala tas-Saltna ġdida tagħha—l-elf waħda li nbniet fil-Malawi. Membru tal-kongregazzjoni qal: “Hu miraklu li għandna din is-Sala tas-Saltna. Qisha ħolma li saret realtà.”
Żagħżugħa fil-Kongregazzjoni taʼ Manyowe tgħid: “Lanqas ġurnata waħda ma tlift mill-proġett taʼ kostruzzjoni. Jien ferħana se ntir li stajt nieħu sehem fil-bini taʼ post xieraq għall-qima fit-territorju tagħna.”
“Kellna diffikultà f’li niksbu l-permess mill-awtoritajiet lokali biex nibnu s-Sala tas-Saltna tagħna,” spjega wieħed mill-anzjani tal-kongregazzjoni. “Diversi drabi, l-uffiċjali tal-belt irrifjutaw li jiffirmaw il-permessi li kellna bżonn. Imma s-Sinjura Liness Chikaoneka, il-mexxejja lokali, stinkat ferm biex tikkonvinċi lill-uffiċjali ħalli jiffirmaw il-permessi.”
Ġurnata minnhom, is-Sinjura Chikaoneka u anzjan marru biex jiksbu firma għall-permess. Hi qalet lill-uffiċjal: “Irrid li x-Xhieda jibnu s-Sala tas-Saltna tagħhom fir-raħal tiegħi. Huma nies tajbin. Qatt ma kelli għalfejn insolvi xi diffikultajiet li kienu jinvolvu lilhom fil-qorti tradizzjonali tiegħi.” Imbagħad l-uffiċjal iffirma l-karti.
Is-Sinjura Chikaoneka kienet eċċitata meta s-Sala tas-Saltna ġiet iddedikata. Hi qalet: “Jien verament ferħana u kburija li għandi dan il-bini mill-isbaħ fir-raħal tiegħi!”
Fil-Malawi kollu, ix-Xhieda taʼ Ġeħova u l-ġirien tagħhom ikomplu jesprimu l-apprezzament għall-programm tal-bini tas-Swali tas-Saltna. Minħabba l-ispirtu taʼ sagrifiċċju persunali u x-xogħol iebes tagħhom, li huma karatteristiki eżemplari, f’dan il-pajjiż, ix-Xhieda taʼ Ġeħova m’għadx għandhom numru kbir taʼ Swali tas-Saltna li għad iridu jinbnew, kif kien il-każ fl-1993. Veru, se jibqaʼ jkollhom bżonn taʼ iktar Swali tas-Saltna hekk kif in-nies iwieġbu għall-“aħbar tajba tas-saltna” t’Alla u hekk kif jiġu fformati kongregazzjonijiet ġodda. (Mattew 24:14) Għaldaqstant, ix-Xhieda tassew japprezzaw l-appoġġ kollu mħabba u d-donazzjonijiet ġenerużi tax-Xhieda sħabhom minn madwar id-dinja. c
Imma, iktar minn dan kollu, ix-Xhieda jesprimu l-gratitudni lil Alla tagħhom, Ġeħova. Huma jħossuhom bħas-salmista, li qal: “Il-ġnus kollha li int għamilt se jiġu u jmilu quddiemek, O Ġeħova, u jagħtu glorja lil ismek. Għax int kbir u qed tagħmel affarijiet taʼ l-għaġeb.”—Salm 86:9, 10.
[Noti ta’ taħt]
a L-għadd taʼ Swali tas-Saltna issa qabeż l-1,030.
b Mill-1999, madwar id-dinja, ix-Xhieda taʼ Ġeħova bnew 23,786 Sala tas-Saltna f’151 pajjiż li għandhom riżorsi limitati.
c Madwar id-dinja, ix-xogħol tax-Xhieda taʼ Ġeħova hu appoġġat għalkollox minn kontribuzzjonijiet volontarji.
[Stampa f’paġna 24]
Qabel ma beda l-programm tal-bini tas-Swali tas-Saltna, il-postijiet tal-laqgħat spiss kienu xejn ħlief postijiet taʼ kenn mgħottijin bil-ħaxix
[Stampa f’paġna 24]
Issa l-kongregazzjonijiet jiltaqgħu fi Swali tas-Saltna bħal din