Modi Kif Issir Iktar Ġust
IL-ĦALLIEQ tagħna jridna nkunu ferħanin, ingawdu paċi ġewwinija, u nżidu mal-ferħ t’oħrajn. Għalhekk, hu jitlobna biex ‘inkunu ġusti u nħobbu l-qalb tajba.’ (Mikea 6:8) Kif nistgħu nagħmlu dan? Irridu nikkultivaw il-kwalitajiet li se jżommuna milli nkunu inġusti. Ikkunsidra kif il-Bibbja tistaʼ tgħinna nagħmlu dan.
NEGĦLBU R-REGĦBA. L-iktar arma b’saħħitha kontra r-regħba hi l-imħabba—mhux sempliċi emozzjoni jew attrazzjoni romantika—imma mħabba mhix egoistika lejn ħaddieħor. Imħabba bħal din hi “qalbha tajba,” u “ma tfittixx l-interessi tagħha,” jgħid l-1 Korintin 13:4, 5. Iktar minn hekk, din l-imħabba ma tintweriex biss maʼ tal-familja jew mal-ħbieb. Ġesù staqsa: “Jekk tħobbu lil min iħobbkom, xi premju għandkom?” Wara żied li anke dawk li ma jafux lil Alla jħobbu lil dawk li jħobbuhom.—Mattew 5:46.
NEGĦLBU L-PREĠUDIZZJU. Atti 10:34, 35 jgħid: “Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens min jibżaʼ minnu u jagħmel is-sewwa hu aċċettat minnu.” Alla ma jagħtix is-salvazzjoni fuq il-bażi tar-razza, l-istat soċjali, jew is-sess. F’għajnejh “la hemm Lhudi u lanqas Grieg, la lsir u lanqas ħieles, la raġel u lanqas mara.” (Galatin 3:28) Meta nimitaw lil Alla, negħlbu l-preġudizzju. Ikkunsidra l-eżempju taʼ Dorothy, li kienet tgħix fl-Istati Uniti.
Dorothy tant kienet tinkedd minħabba l-preġudizzju razzjali li xtaqet tieħu sehem f’rivoluzzjoni bl-armi ħalli ttaffi t-tbatija u l-moħqrija tan-nies suwed. Madankollu, matul dak iż-żmien attendiet laqgħa Kristjana tax-Xhieda taʼ Ġeħova u tassew baqgħet impressjonata bil-merħba mill-qalb li ngħatat kemm mis-suwed kif ukoll mill-bojod. Ma damitx ma rrealizzat li Alla biss jistaʼ jbiddel lin-nies minn ġewwa. Meta esperjenzat l-imħabba ġenwina tax-Xhieda bojod—nies li skont hi ‘kienet toqtolhom mingħajr ma taħsibha darbtejn biex tgħin fl-isforzi taʼ rivoluzzjoni’—qalbha “ntmesset” sal-punt li nfaqgħet tibki.
1 Korintin 5:11; 6:9-11; Galatin 5:22) Bl-istess mod illum, miljuni taʼ nies għamlu bidliet bnien f’ħajjithom billi daru lejn Alla. Eżempju taʼ dan hu Firuddin, li jgħix fl-Azerbajġan.
NEGĦLBU L-ATTITUDNIJIET ANTISOĊJALI. Qabel ma saru Kristjani, xi wħud mis-segwaċi bikrin taʼ Ġesù kienu sakranazzi, imbroljuni, xalaturi, u żeblieħa. Però, bl-għajnuna t’Alla minflok dawn il-kwalitajiet negattivi rawmu kwalitajiet bħall-imħabba, il-qalb tajba, u t-tjubija. (Firuddin trabba f’orfanatrofju, fejn spiss iġġieled maʼ subien oħrajn. Meta kiber, sar għalliem tal-kumbattiment bl-idejn. Hu jgħid: “Kont maledukat, aħdar, u vjolenti. Jekk matul l-ikel marti, Zahra, kienet tinsa xi ħaġa—anke toothpick—kont insawwatha. U jekk xi ħadd kien iħares lejha aħna u mexjin flimkien, kont insawwat lilu!”
Darba minnhom, qalb Firuddin intmesset meta tgħallem li Ġesù talab lil Alla biex jaħfer lis-suldati li kienu sammruh maʼ zokk. (Luqa 23:34) Hu ħaseb, ‘L-Iben t’Alla biss setaʼ jaġixxi hekk.’ Wara dan, xtaq li jkollu relazzjoni m’Alla. Meta x-Xhieda taʼ Ġeħova offrew li jgħinuh, minnufih aċċetta studju tal-Bibbja bla ħlas. Ma damx ma beda jtejjeb il-personalità tiegħu. Tabilħaqq, tant sar qalbu tajba maʼ Zahra li hi wkoll bdiet tistudja l-Bibbja. Illum il-ġurnata, it-tnejn li huma jinsabu magħqudin paċifikament fil-qima vera.
M’għandniex xi ngħidu, bidliet personali li għandna mnejn nagħmlu mhumiex se jbiddlu d-dinja kollha! Imma xi ngħidu jekk Alla jkollu l-iskop li jġib dinja ġdida tassew ġusta? Wara kollox, żgur li għandu l-qawwa biex jagħmel dan! U kkunsidra dan: Fit-2 Timotju 3:1-4, ikkwotat fil-bidu tal-artiklu taʼ qabel dan, rajna li l-Bibbja bassret bl-eżatt kif kienu se jkunu n-nies inġenerali fi żmienna. Din il-profezija twettqet sal-iċken dettall—kif għamlu bosta profeziji Bibliċi oħrajn. Għalhekk, qed inkunu raġunevoli meta nieħdu bis-serjetà l-wegħda t’Alla li jtemm l-inġustizzja kollha. Tabilħaqq, Alla se jwettaq dan l-iskop. Kif?
[Kaxxa/Stampa f’paġna 7]
HEIDE TFITTEX IL-ĠUSTIZZJA
“Kont imnikkta u rrabjata minħabba r-razziżmu, il-gwerer, il-faqar, u l-inġustizzji oħrajn, u kont qed infittex soluzzjoni,” tiftakar Heide, li tgħix fl-Istati Uniti. “Ipprovajt naħdem mal-moviment tad-drittijiet ċivili u eventwalment ngħaqadt maʼ partit politiku, imma dawn donnhom ma setgħu jġibu ebda bidla sinifikanti.
“Ħassejt li kien hemm bżonn taʼ bidla iktar radikali, u l-moviment tal-hippies deher li kien se jkollu suċċess. Iżda, dan ukoll kien taʼ diżappunt. Rajt li ħafna hippies kienu iktar interessati fis-sess, fid-drogi, u fir-rock and roll milli f’li jġibu bidliet fis-sistema. Dan ġegħelni naqaʼ f’dipressjoni qawwija. Imbagħad iltqajt maʼ waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Hi wrietni mill-Bibbja l-bidliet li Alla se jġib. Pereżempju, urietni skritturi bħal dik taʼ Rivelazzjoni 21:3, 4, li tgħid li Alla se jimsaħ id-dmugħ minn wiċċ kulħadd u se jġib fi tmiem in-niket, l-għajjat, u l-uġigħ—li spiss jiġu sforz l-inġustizzja. Għedt bejni u bejn ruħi, ‘Possibbli li dawn il-wegħdi verament se jseħħu?’
“Sirt konvinta li dawn il-wegħdi kienu minnhom meta qrajt dak li tgħid l-Iskrittura dwar il-qawwa u l-imħabba t’Alla u meta esperjenzajt l-imħabba fost ix-Xhieda taʼ Ġeħova. Issa għandi sebaʼ mitt sena biex il-wegħdi t’Alla jitwettqu.”
[Stampa f’paġna 6]
Il-preġudizzju jiġi megħlub meta nimitaw l-imħabba t’Alla
[Stampa f’paġna 6]
Firuddin maʼ martu, Zahra