Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Farfett tax-Xewk—Misteru Solvut

Il-Farfett tax-Xewk—Misteru Solvut

OSSERVATURI Ewropej ilhom żmien jammiraw il-friefet tax-xewk kollha lwien (Vanessa cardui) u ma kinux jafu x’kien isir minnhom fi tmiem is-sajf. Dawn sempliċement jisparixxu hekk kif jibda t-temp kiesaħ? Riċerka ġdida turi storja straordinarja. Dawn il-friefet jagħmlu vjaġġ kull sena bejn l-Ewropa taʼ fuq u l-Afrika.

Riċerkaturi ġabru r-riżultati li kisbu minn radar sofistikat u eluf taʼ rapporti minn volontieri mal-Ewropa kollha. Ir-riżultati wrew li hekk kif jispiċċa s-sajf, miljuni taʼ friefet tax-xewk ipassu lejn in-Nofsinhar. Fil-biċċa l-kbira dawn il-friefet itiru f’għoli taʼ iktar minn 500 metru—għalhekk in-nies kważi qatt ma jarawhom. Il-friefet jistennew irjieħ favorevoli, li jġorruhom b’veloċità medja taʼ 45 kilometru fis-siegħa fil-vjaġġ twil lejn l-Afrika. Kull sena dawn ipassu sa 15,000 kilometru, mit-trufijiet tal-Artiku fit-Tramuntana sal-Afrika tal-Punent tropikali fin-Nofsinhar. Dan il-vjaġġ hu kważi d-doppju taʼ dak tal-farfett monarka tal-Amerika taʼ Fuq (Danaus plexippus). Iridu jgħaddu sitt ġenerazzjonijiet taʼ friefet tax-xewk biex jitlesta l-vjaġġ sħiħ.

Il-professoressa Jane Hill tal-Università taʼ York, fl-Ingilterra, tispjega: “Il-Farfett tax-Xewk sempliċement jibqaʼ għaddej, jirriproduċi u jitlaq.” Kull sena, dan iċ-ċiklu jieħu lill-popolazzjoni kollha mit-Tramuntana tal-Ewropa sal-Afrika u lura.

“Dan id-daqsxejn taʼ farfett li jiżen inqas minn gramma, b’moħħ daqs ras taʼ labra, u bla ebda opportunità li jitgħallem minn friefet akbar u tal-esperjenza, jimpenja ruħu f’passa impressjonanti interkontinentali,” jgħid Richard Fox, li hu maniġer tal-istħarriġ fil-Butterfly Conservation. Fox ikompli jgħid li n-nies kienu jaħsbu li dan l-insett kien sempliċement misjuq bl-addoċċ mill-irjieħ sakemm imut minħabba t-temp inġazzat tal-Britannja, bla tama għal titjib għad-dixxendenti tiegħu. Iżda dan l-istħarriġ “wera li l-Friefet tax-Xewk huma vjaġġaturi sofistikati.”