Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 GĦAJNUNA GĦALL-FAMILJA | IŻ-ŻWIEĠ

Kif tikkontrolla l-infiq

Kif tikkontrolla l-infiq

L-ISFIDA

Daqqa t’għajn lejn il-karti tal-bank u l-kontijiet tagħkom turi li fluskom donnhom qed imorru f’but imtaqqab. Ma tantx ilkom miżżewġin, u m’intomx tikkontrollaw l-infiq tagħkom. Huwa tort tar-raġel jew il-mara tiegħek? Tgħaġġilx! Aħsbu bħala tim, u kkunsidraw xi affarijiet li setgħu wasslu lit-tnejn li intom f’din is-sitwazzjoni diffiċli. *

GĦALA JIĠRI DAN

Aġġustament. Jekk kont tgħix id-dar qabel ma żżewwiġt, li tħallas il-kontijiet u taqsam l-ispejjeż taf tkun xi ħaġa ġdida għalik. Jistaʼ jkun ukoll li int u r-raġel, jew il-mara tiegħek, tħarsu lejn il-flus b’mod differenti. Pereżempju, wieħed minnkom forsi iktar jieħu pjaċir jonfoq waqt li l-persuna l-oħra tkun tixtieq tfaddal. Jieħu ż-żmien biex koppja jaġġustaw u jiżviluppaw metodu li jaqblu fuqu dwar kif iqassmu l-flus.

Bħal ħaxix ħażin fi ġnien, id-dejn sempliċement jikber—u jkompli jikber

Tnikkir. Jim, li issa hu negozjant taʼ suċċess, jammetti li għall-ewwel li żżewweġ kellu jħallas qares għax ma kienx jaf kif iqassam il-flus. “Minħabba li ma kontx inħallas il-kontijiet fil-ħin,” jgħid hu, “jien u marti spiċċajna nħallsu eluf taʼ dollari żejda f’multi. Spiċċajna fixxa!”

In-nassa tal-“flus inviżibbli.” Huwa faċli li tonfoq iżżejjed meta ma tarax il-flus ħerġin mill-kartiera jew il-portmoni. Dan jistaʼ jkun il-każ jekk ħafna mill-pagamenti tagħmilhom bil-kards tal-kreditu jew tad-debitu, tixtri minn fuq l-Internet, u tuża l-Internet Banking. Il-fatt li jistgħu jissellfu l-flus faċilment jagħmilha iktar faċli għal miżżewġin friski biex jonfqu żżejjed.

Hu x’inhu l-kaġun tal-problemi finanzjarji tagħkom, dawn jistgħu jipperikolaw iż-żwieġ tagħkom. Ktieb dwar iż-żwieġ jgħid: “Għandhom kemm għandhom flus, ħafna koppji jgħidu li l-flus huma waħda mill-ikbar problemi. Il-flus spiss huma l-kawża tal-argumenti.”—Fighting for Your Marriage.

 DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Kunu determinati li tikkooperaw. Minflok ma twaħħlu f’xulxin, aħdmu bħala tim biex tikkontrollaw l-infiq tagħkom. Iddeċiedu mill-bidu nett li mhux se tħallu din il-kwistjoni ġġib firda bejnietkom.—Prinċipju Bibliku: Efesin 4:32.

Agħmlu baġit. Iktbu l-ispejjeż kollha tagħkom taʼ xahar, ikunu kemm ikunu żgħar. Dan se jgħinkom tkunu tafu fiex qed tonfqu l-flus u ssiru tafu jekk hemmx xi spejjeż bla bżonn.

Agħmlu lista tal-ispejjeż neċessarji, inkluż l-ikel, l-ilbies, il-kera jew il-loan, il-pagamenti tal-karozza, u affarijiet hekk. Niżżlu ħdejn kull kategorija kemm bejn wieħed u ieħor se tiswielkom għal perijodu taʼ żmien, bħal pereżempju għal xahar.—Prinċipju Bibliku: Luqa 14:28.

“Min jissellef hu l-qaddej taʼ min isellfu.”—Proverbji 22:7.

Warrbu xi flus kull xahar għal spejjeż separati (ikel, kera, fjuwil, eċċetra). Xi wħud isibuha tajjeb li jagħmlu envelop għal kull kategorija u fih ipoġġu ammont taʼ flus. * Jekk envelop jispiċċa bla flus, huma jew ma jibqgħux jonfqu f’dik il-kategorija jew jieħdu l-flus minn envelop ieħor.

Ikkunsidra mill-ġdid x’inhi l-ħarsa tiegħek lejn l-affarijiet materjali. Il-ferħ ma jiddependix milli jkollok affarijiet tal-aħħar mudell. Wara kollox, Ġesù qal: “Anki meta wieħed ikollu bl-abbundanza, ħajtu ma tiddependix minn dak li għandu.” (Luqa 12:15) Spiss, id-drawwiet tiegħek taʼ kif tonfoq juru jekk temmen dan il-kliem jew le.—Prinċipju Bibliku: 1 Timotju 6:8.

Agħmlu aġġustamenti. “Affarijiet bħall-cable TV u li tmorru tieklu barra jistgħu jidhru bħala xi ħaġa li taffordjaw għall-ewwel, imma maż-żmien dawn jistgħu jweġġgħu l-but,” jgħid Aaron, li ilu miżżewweġ sentejn. “Kellna nitgħallmu ngħaddu mingħajr ċerti affarijiet sabiex ma nonfqux iktar milli nifilħu.”

^ par. 4 Għalkemm dan l-artiklu hu indirizzat lil dawk li m’ilhomx li żżewġu, il-prinċipji li se jiġu diskussi japplikaw għall-koppji miżżewġin kollha.

^ par. 14 Jekk tħallsu bl-Internet jew bil-kard tal-kreditu minflok bil-flus, xorta żommu rendikont f’kull envelop.