Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħarsa lejn id-dinja

Ħarsa lejn id-dinja

L-Istati Uniti

Fl-2012, 14.5 fil-mija tal-familji fl-Istati Uniti—total ta’ 49 miljun ruħ—“ma kinux ċerti jekk hux se jkollhom biżżejjed ikel biex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-membri kollha” f’xi żmien jew ieħor matul is-sena, skont l-istatistiki tad-Dipartiment tal-Agrikultura.

Spanja

Minn stħarriġ li sar fost studenti tal-università nstab li xi 56 fil-mija tan-nisa u 41 fil-mija tal-irġiel ammettew li jixorbu żżejjed. Dan l-istħarriġ iddeskriva x-xorb żejjed bħala li tixrob minn tal-inqas tmien tazzi xorb alkoħoliku wara xulxin fil-każ tal-irġiel jew sitt tazzi wara xulxin fil-każ tan-nisa.

L-Oċean Paċifiku

Xi xjentisti ħadu kampjuni, jew samples, mill-Mariana Trench (l-iktar baħar fond fid-dinja) minn fond ta’ xi 11,000 metru. Minn dawn il-kampjuni nstabu li batterji u mikrobi qed jiżdiedu fl-għadd tagħhom—minkejja d-dlam ċappa, il-pressjoni tremenda, u t-temperatura li kważi tinżel taħt iż-żero. Qatt ma bassru li kienu se jsibu tant ħlejjaq ħajjin f’baħar daqshekk fond.

L-Emirati Għarab Magħquda

Sabiex inaqqsu l-obeżità, l-awtoritajiet ta’ Dubaj dan l-aħħar offrew lir-residenti gramma deheb, li dak iż-żmien kienet tiswa xi 32 ewro, għal kull kilogramm li jonqsu. Biex jirċievu d-deheb, in-nies kellhom jirreġistraw u mbagħad kellhom jonqsu minn tal-inqas żewġ kilogrammi matul ix-xahar tar-Ramadan.