Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-akwidotti—Meravilji tal-inġinerija Rumana

L-akwidotti—Meravilji tal-inġinerija Rumana

MILL-għeġubijiet kollha tal-inġinerija tal-qedem, l-akwidotti Rumani huma fost l-iktar rimarkevoli. “Qabbel, jekk jogħġbok, din is-sensiela taʼ strutturi indispensabbli li jġorru tant ilma mal-Piramidi ċassi, jew max-xogħlijiet tal-Griegi famużi imma bla użu!” kiteb Sextus Julius Frontinus (35–c. 103 WK), is-supretendent tal-provvista tal-ilma taʼ Ruma. *

Għala kien hemm bżonn l-akwidotti?

Fil-qedem, il-bliet ġeneralment kienu jinbnew fil-viċinanza taʼ sors abbundanti taʼ ilma, u Ruma ma kinitx eċċezzjoni. Oriġinalment, ix-Xmara Tiber u l-għejun u l-bjar fil-qrib ipprovdew ilma biżżejjed. Madankollu, mir-rabaʼ seklu QK ’l quddiem, Ruma kibret malajr, u magħha kibret id-domanda għall-ilma.

Peress li ftit kienu n-nies li kellhom l-ilma ġieri fid-djar tagħhom, ir-Rumani bnew mijiet taʼ banjijiet privati u pubbliċi. L-ilma tal-ewwel banju pubbliku fil-belt taʼ Ruma kien ġej mill-Aqua Virgo, li kien ġie dedikat fis-sena 19 QK. Dan l-akwidott inbena minn Marku Agrippa, ħabib taʼ Ċesari Awgustu, li kien ħallas ħafna mill-ġid kbir li kellu biex jagħmel manutenzjoni u jestendi s-sistema tal-provvista tal-ilma taʼ Ruma.

Il-banjijiet kienu saru wkoll postijiet soċjali, u banjijiet kbar saħansitra kellhom ġonna u libreriji. Wara li jitlaq mill-banjijiet, l-ilma tal-akwidotti, li ma setax jitwaqqaf, kien imur fil-kanali tad-drenaġġ u kien il-ħin kollu jaħsilhom mill-iskart, inkluż ħmieġ mil-latrini li kienu maġenb il-banjijiet.

Bini u manutenzjoni

Jiġuk f’moħħok arkati għoljin li jibqgħu sejrin fil-bogħod meta tismaʼ l-frażi “Akwidott Ruman”? Fil-fatt, l-arkati kienu jagħmlu inqas minn 20 fil-mija taʼ dawk il-mogħdijiet tal-ilma, li l-biċċa l-kbira minnhom kienu mirdumin. Dan id-disinn iżjed ekonomiku mhux biss ipproteġa l-akwidotti kontra l-erożjoni imma naqqas ukoll l-impatt li kien ikollhom li kieku għaddew minn għelieqi jew minn fost id-djar. Pereżempju, l-akwidott Aqua Marcia, li tlesta fis-sena 140 QK, kien xi 92 kilometru twil u xi 11-il kilometru minnu biss kellu arkati.

Qabel ma kien jinbena akwidott, l-inġiniera kienu jqisu l-kwalità taʼ sors potenzjali taʼ ilma billi jeżaminaw iċ-ċarezza, is-saħħa li kien jiġi biha, u t-togħma tiegħu. Kienu jieħdu nota wkoll tal-kundizzjoni fiżika tan-nies li kienu jixorbu dak l-ilma. Ladarba sit kien jiġi approvat, il-periti kienu jikkalkulaw ir-rotta t-tajba li kellu jieħu u l-qlib tal-kanal, kif ukoll id-daqs u t-tul tal-passaġġ tal-ilma. Milli jidher l-akwidotti nbnew mill-iskjavi. Setgħu ħadu snin sħaħ biex jinbnew, u għalhekk kienu jqumu kemxa flus ġmielha—speċjalment jekk kien ikollhom bżonn l-arkati.

Iżjed minn hekk, l-akwidotti kellha ssirilhom il-manutenzjoni u kellhom jiġu protetti. Fi żmien partikulari, il-belt taʼ Ruma kienet impjegat madwar 700 persuna biex jieħdu ħsiebhom. Kien jiġi ppjanat bil-quddiem biex issir il-manutenzjoni. Pereżempju, kien hemm aċċess għall-partijiet mirdumin tal-akwidotti permezz taʼ toqob għall-ispezzjoni u xaftijiet. Meta kien ikun hemm bżonn taʼ tiswijiet kbar, l-inġiniera setgħu jdawru r-rotta tal-ilma temporanjament mill-parti bil-ħsara.

Akwidotti fil-belt taʼ Ruma

Sa kmieni fit-tielet seklu WK, 11-il akwidott ewlieni kienu jipprovdu l-ilma lill-belt taʼ Ruma. L-ewwel wieħed, l-Aqua Appia, li nbena fis-sena 312 QK u li kien twil ftit iktar minn 16-il kilometru, kien kważi kollu taħt l-art. L-Aqua Claudia, li parti minnu għadha preservata, kien twil xi 69 kilometru u xi 10 kilometri minnhom kienu arkati, uħud minnhom għoljin 27 metru!

Kemm kienu jġorru ilma l-akwidotti tal-belt? Ħafna! L-Aqua Marcia li semmejna qabel, ġarr xi 190,000 metru kubu taʼ ilma lejn Ruma. Malli l-ilma jkun laħaq il-belt—immexxi bil-gravità—kien imur f’tankijiet taʼ distribuzzjoni u mbagħad fi friegħi, li qassmu l-ilma lejn tankijiet taʼ distribuzzjoni oħrajn jew lejn postijiet oħra għall-użu tal-ilma. Hemm min jgħid li s-sistema għad-distribuzzjoni tal-ilma taʼ Ruma kibret sal-punt li kuljum setgħet forniet ’il fuq minn 1,000 litru ilma għal kull abitant.

Hekk kif kiber l-Imperu Ruman, “l-akwidotti marru kull fejn marret Ruma,” jgħid il-ktieb Roman Aqueducts & Water Supply. Min jivvjaġġa fl-Asja Minuri, Franza, Spanja, u l-Afrika taʼ Fuq għadu jistaʼ jara u jibqaʼ affaxxinat b’dawn il-meravilji tal-inġinerija tal-qedem.

^ par. 2 Ir-Rumani ma kinux l-ewwel nies li bnew kanali għall-ilma. Pajjiżi oħra tal-qedem, bħall-Assirja, l-Eġittu, l-Indja, u l-Persja għamluhom qabilhom.